Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każijiet ta’ attentati ta’ suwiċidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn każijiet ta’ attentati ta’ suwiċidju din is-sena, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nieħu din l-opportunità, biex infakkar li wara l-introduzzjoni tal-linja 1579 u r-riforma tas-saħħa mentali fl-aħħar xhur, il-Gvern issa nieda skema li se tara l-introduzzjoni ta’ kampanja t’għarfien u taħriġ tal-ewwel għajnuna għall-isfidi ta’ saħħa mentali offruti mill-kunsilli lokali. Ninsab infurmat li minn Jannar 2024 sa Ġunju 2024, in-numru ta’ persuni fejn ‘attempted suicide’ ġie reġistrat bħala ‘discharge diagnosis’ fl-isptarijiet huwa ta’ 71 persuna. Nassigura lill-Onor. Membru li l-Gvern qed jagħmel minn kollox sabiex jgħin lil dawn il-persuni. Qed jiġi offrut ukoll is-Servizz tal-Crises Resolution Home Treatment (CRHT) fejn persuni li jippreżentaw fl-Emerġenza tal-isptar Mater Dei bi kriżi mentali, jiġu referuti għas-servizz ta’ CRHT. Permezz ta’ dan is-servizz, l-għajnuna professjonali tingħata mmedjata u ntensiva għal numru ta’ ġimgħat. Il-persuni jiġu segwiti f’dan il-Unit u fi djarhom fejn jingħataw sapport intensiv sabiex bl-għajnuna tal-professjonisti, jsibu l-ħiliet biex itejbu saħħithom, jissuperaw s-sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja tagħhom u jkomplu jgħixu fil-kommunità mingħajr il-bżonn li jkunu rikoverati l-isptar.

AEDs f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Automated External Defibrillators (AEDs) f’Malta u kemm kien hemm persuni li daħlu l-emerġenza bl-Automated External Defibrillator (AED) imqabbad magħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu minorenni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-AEDs jinxtraw mill-privat. Il-pazjenti li jiġu fid-Dipartiment tal-Emerġenza bl-ambulanzi jiġu mgħejjuna b’tagħmir li jinstab fil-karozzi tal-emerġenza użati mill-isptar ta’ Mater Dei.

First Aiders f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn First Aiders f’Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hawn diversi dipartimenti, awtoritajiet kif ukoll NGOs, li joffru l-kors għall-First Aiders u għaldaqstant id-Dipartiment tas-Saħħa mhux f’pożizzjoni li jgħid kemm hawn b’kollox.

Skolasajf — Klassijiet - Arja kkundizzjonata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn klassijiet b’arja kkundizzjonata li jintużaw għal Skolasajf? Jista’ jgħid ukoll kemm hawn klassijiet bla arja kkundizzjonata li jintużaw għal Skolasajf?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21280.

Child care centres — AEDs u Pediatric First Aid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Child Care Centres f’Malta? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom m’għandhomx Automated External Defibrillator (AEDs) u kemm minnhom m’għandhomx first aiders tat-tfal (pediatric first aid)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li preżentament hemm 194 ċentru madwar Malta u Għawdex. Kull min jaħdem mat-tfal fiċ-ċentri għandu jkollu ċertifikat validu fl-Ewwel Għajnuna Pedjatrika. Id-DQSE jgħamlu external review sabiex jiżguraw li dawn iċ-ċertifikati huma validi.

Faċilità San Vinċenz de Paule — Binja ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġiet inawgurata l-binja l-ġdida fil-Faċilità San Vinċenz de Paule? Jista’ jgħid ukoll kemm ġiet tiswa din il-binja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-ewwel pazjenti fil-binja l-ġdida bdew jintlaqgħu bejn Lulju u Awwissu 2020. Il-proġett sar b’investiment kapitali ta’ € 30 miljun ewro u fih 500 sodda.

Faċilità San Vinċenz de Paule — Binja ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li fil-binja l-ġdida tal-Faċilità San Vinċenz de Paule hemm diversi konsenturi u li fil-maltemp il-kantina timtela bl-ilma u l-ħaddiema jkollhom jixkupaw l-ilma ’l barra? Jista’ jgħid jekk huwiex minnu li diġà hemm madum li qed jiċċaqlaq jew jinqala’? Jista’ jgħid ukoll għaliex qed jintużaw iċ-ċilindri tal-ossiġnu l-kbar minflok l-ossiġnu mill-cable installat mal-ħajt?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-binja msemmija hija mgħammra apposta b’pompi li għandhom rwol fl-inżul tal-ilma mill-maltemp. Infurmat ukoll, li s’issa ma jirriżultax li hemm bżonn ta’ bdil ta’ xi madum. Preżentament għaddej xogħol ta’ manutenzjoni (maintenance) fis-sistema tal-ossiġnu u l-punti kollha tal-ossiġnu fis-swali, proċess li biex isir trid tingħalaq is-sistema tal-pajpijiet tal-ossiġnu mediku. Sal-ġimgħa d-dieħa, ix-xogħol fi Blokk A se jkun lest biex terġa’ tibda tintuża s-sistema prinċipali tal-pajpijiet tal-ossiġnu mediku.

Università ta’ Malta — Studenti li ggradwaw

Question

Jista’ l-Ministru jagħti statistika grafika ta’ studenti li ggradwaw mill-Università ta’ Malta mill-1986 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li n-numru ta’ gradwati għas-sena 2024 mhuwiex finali peress li hemm studenti li ser jiggradwaw f’Novembru u f’Marzu.

Nurseries tal-football li m’għandhomx AED

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn nurseries tal-football tat-tfal li m’għandhomx Automated External Defibrillator (AED)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-nurseries huma entitajiet mhux Governattivi, u għalhekk m’humiex parti mill-Ministeru.

Skejjel sekondarji — Lingwi preferuti magħżula mill-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-lingwi preferuti magħżula mill-istudenti fl-iskejjel sekondarji, maqsuma f’numri u persentaġġi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-lingwi preferuti fl-iskejjel sekondarji huma; Lingwa Numru ta’ studenti Persentaġġ Taljan 1,281 54.72% Spanjol 506 21.61% Franċiż 330 14.10% Ġermaniż 194 8.29% Għarbi 27 1.15% Ċiniż 3 0.13%

Skejjel pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn skejjel pubbliċi f’Malta u Għawdex?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b'kollox haw 110 skejjel tal-Istat madwar Malta u Għawdex li dawn jinkludu 100 skola publika, 6 learning support centres u 4 skejjel speċjalizzati.

L-Isptar Mater Dei – Pazjenti – Dritt għall-informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tiġi rrispettata d-dinjità tal-pazjent għad-dritt għall-informazzjoni dwar is-saħħa tiegħu meta l-qraba ma jkunux iridu li dik l-informazzjoni tasal għand il-pazjent innifsu? Jista’ jgħid ukoll x’linji gwida qed jintużaw f’dan ir-rigward?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-pazjent għandu dejjem dritt għal informazzjoni rigward saħħtu. Il-qraba għandhom dritt għal informazzjoni biss jekk il-pazjent jagħti kunsens. Dan ma japplikax meta pazjent ma jkollux il-kapaċità mentali skont KAP 525, l-Att dwar is-Saħħa Mentali.

L-Isptar Mater Dei – Staff li għandhom aċċess għal iSoft

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk staff li għandhom aċċess għal iSoft, jistgħux jaċċessaw informazzjoni fuq pazjenti li mhumiex taħt il-kura tagħhom? Jekk iva, jista’ jgħid kif dan l-aċċess huwa konformi mal-GDPR li ssostni li għandu jkun hemm aċċess ‘on the need-to-know basis’?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-aċċess ipprovdut fuq iSoft huwa bbażat fuq ir-rwol. Kull rwol bħal pereżempju tabib, spiżjar, jew infermier ikollu livell differenti ta’ aċċessi. L-uffiċjali li jiġu pprovduti b'aċċess għall-iSoft iridu jiffirmaw dikjarazzjoni li jirrispettaw il-kunfidenzjalità u l-privatezza ta' kwalunkwe dejta personali jew sensittiva u informazzjoni li tirrigwarda l-pazjent. L-aċċess għal din id-dejta huwa suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, kif ukoll dawk tal-Att dwar is-Segretezza Professjonali u leġiżlazzjoni u regolamenti rilevanti oħra, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar l-użu ħażin tal-kompjuter tal-kodiċi kriminali.