Legislature:
Category:
Reset
Active:

Strateġija Nazzjonali kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2024-2030

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21050 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl li f’Lulju 2024, il-Gvern ħabbar strateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin 2024-2030, kofinanzjata minn fondi Ewropej, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm flus allokati għal din l-istrateġija, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kif se jintefqu l-flus skont il-ħames prioritajiet li hija mibnija fuqhom din l-istrateġija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Traffikar ta’ bnedmin — Restituzzjoni u kumpens lill-vittmi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21055 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u ċjoè: F’Lulju 2024, waqt it-tnedija tal-istrateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-Gvern ħabbar li “fl-aħħar ħames snin, ġew identifikati mal-50 vittma ta’ traffikar uman f’pajjiżna”. Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-vittmi ngħataw restituzzjoni u kumpens mill-Gvern? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-ammont tar-restituzzjoni u kemm kien il-kumpens f’kull każ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Malta u Għawdex — Persuni li nqabdu bid-droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni bid-droga f’Malta u Għawdex matul l-2022, 2023 u 2024, maqsuma skont il-lokalità u t-tip ta' droga?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-2022 inqabdu 169 persuna bid-droga, fl-2023 inqabdu 205, u fl-2024 inqabdu 241. Il-lokalitajiet huma Valletta, Floriana, Ħamrun, Marsa, Santa Venera, Paola, Bormla, Ħal Għaxaq, Gudja, Qormi, Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ, San Ġiljan, San Ġwann, Naxxar, l-Imġarr Malta, l-Imtarfa, Rabat, San Pawl il-Baħar, Nadur, Żebbuġ Għawdex, l-Ajruport ta’ Malta, Sliema, Pietà, Fgura, Ħal Luqa, Marsaskala, Xgħajra, Ħaż-Żabbar, Żejtun, Birżebbuġa, Ħal Far, Gżira, Għajnsielem, Xagħra, Victoria Għawdex, Ta’ Xbiex, Marsaxlokk, Xlendi, Mellieħa u l-Imsida, u d-droga hija Kannabis, droga sintetika, Ecstasy, MDMA, Eroina, Kokaina, Kannabis sintetika, ħaxixa tal-kannabis, pjanti tal-kannabis, sustanza ħadra, Kristalli, ISD, sustanza bajda, sustanza kannella, Ketamine, Amphetamine, sustanza psikotropika u pirmli.

Żgħażagħ taħt is-17-il sena li nqabdu bid-droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm żgħażagħ taħt l-età ta' 17-il sena li nqabdu bid-droga matul l-2022, 2023 u 2024, maqsuma skont kull lokalità f’Malta u f’Għawdex u t-tip ta' droga?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kien hemm tlieta u għoxrin żagħżugħ/a taħt l-età ta' 17-il sena li nqabdu bid-droga. Il-lokalitàjiet huma Valletta, Santa Venera, Fgura, Pembroke, Marsa, Paola, Marsaskala, Ħal Għaxaq, iż-Żebbuġ Għawdex, Victoria Għawdex, il-Ħamrun u Bormla u t-tip ta' droga huma kannabis, MDMA, ħaxixa tal-kannabis, ħaxixa sintetika u kokaina.

CDAU – Servizz ta’ psikologu – Dewmien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu d-dewmien biex it-tfal jirċievu s-servizz ta' psikologu fi ħdan iċ-Child Development and Assessment Unit (CDAU)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li każijiet urġenti jiġu deċiżi ‘on a case-by-case basis’. Ġeneralment nitrattaw mill-ewwel każijiet soċjali jew umanitarji. Dan jiġi deċiż fl-istadju tar-referral.

Persuni li bbenefikaw mit-tapering of benefits — Benefiċċji tal-qgħad

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li bbenefikaw mit-tapering of benefits reġgħu bdew jibbenefikaw mill-benefiċċji tal-qgħad? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-fatturi li jwasslu biex persuni li jkunu bbenefikaw mit-tapering of benefits jerġgħu jibdew jibbenefikaw mill-benefiċċji tal-qgħad?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn total ta’ 7,060 persuna li bbenefikaw mit-Tapering of Benefit sa mis-sena 2014, kienu 746 li reġgħu bdew jibbenefikaw mill-benefiċċji tal-qgħad. Tajjeb jingħad, li sabiex persuna tibbenefika mit-tapering tal-benefiċċju trid tibda tipparteċipa fid-dinja tax-xogħol. Għaldaqstant sabiex persuna li tkun tibbenefika mit-tapering tal-benefiċċju, terġa tibda tibbenefika mill-benefiċċji tal-qgħad, ir-raġuni tkun, għaliex tkun reġgħet bdiet tirreġistra għax-xogħol taħt l-Ewwel Parti tar-Reġistru.

L-Att dwar is-Saħħa Mentali — Kummissarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex it-titlu ‘Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżordni Mentali’ li jinsab fl-Att dwar is-Saħħa Mentali jinbidel u jibda jintuża t-titlu ‘kummissarju għas-saħħa mentali’?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-suġġett qed jiġi kkunsidrat.

Mental Welfare Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Mental Welfare Officers bħalissa u x’background għandhom? Jista’ jgħid jekk dawn humiex qegħdin jingħataw taħriġ speċjalizzat dwar it-tħaddim tal-Att dwar is-Saħħa Mentali? Meta sar l-aħħar taħriġ għall-mental welfare officers? Min ta dan it-taħriġ? Kemm-il-sessjoni kien hemm u kif kien imqassam?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa għandna wieħed u tletin (31) Mental Welfare Officer li huma social workers u membri tal-istaff mill-professjoni tal-infermiera. Kollha għandhom esperjenza fis-saħħa mentali. Dawn jingħataw taħrig speċjalizzat u bbażżat speċifikament fuq it-tħaddim tal-Att dwar is-Saħħa Mentali. L-aħħar sessjoni ta’ taħriġ saret f’April 2024. It-taħriġ u l-valutazzjoni għal dan il-kors huma ikkoordinati mill-psikjatra Dr Joseph Roger Saliba, b’appoġġ mill-Prof Anton Grech, Clinical Chair tas-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali. Il-kors jinkludi żewġ sessjonijiet u żewġ tutorials. Fi tmiem il-kors isir eżerċizzju ta' evalwazzjoni biex jiġi stabbilit jekk ikunx intlaħaq il-livell mixtieq.

Mental Welfare Officers fuq bażi on-call

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Mental Welfare Officers li jaħdmu fuq bażi on-call u joħorġu barra mill-isptar biex jagħmlu l-assessment tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm ħames (5) Mental Welfare Officers li jaħdmu fuq bażi on-call u joħorġu barra mill-isptar biex jagħmlu l-assessment tagħhom.

L-Att dwar is-Saħħa Mentali – Intervisti mal-pazjenti

Question

Fid-dawl tal-fatt li artiklu 12 (2)(a) tal-Att dwar is-Saħħa Mentali jirrikjedi li l-Kummissarju tas-Saħħa Mentali jintervista lill-pazjent fi żmien 120 siegħa minn mindu jiġi ffirmat it-treatment order, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il intervista saret mill-Uffiċċju tal-Kummissarju minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu Jannar 2023 sal-ġurnata ta’ din it-tweġiba, dan l-uffiċċju għamel 591 intervista fid-dawl tal-obbligu skont l-artiklu 12(2)(a) tal-Att dwar is-Saħħa Mentali.

L-Att dwar is-Saħħa Mentali – Speċjalista indipendenti

Question

Fid-dawl tal-fatt li artiklu 24(5) tal-Att dwar is-Saħħa Mentali jirrikjedi li l-kummissarju jaħtar speċjalista indipendenti biex jivverifika l-invalidità tal-persuna, jista’ l-Ministru jgħid min hu dan l-ispeċjalista indipendenti? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba tqabbad biex jivverifika każijiet bħal dawn minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Kummissarju responsabbli joħroġ sejħiet b’mod perjodiku li jkunu miftuħin għal kull speċjalista eliġibbli mniżżel fuq ir- Reġistru tal-Ispeċjalisti miżmum mill-Kunsill Mediku ta' Malta. Matul il-perjodu Jannar 2023 sal-ġurnata ta’ din it-tweġiba, dan l-uffiċċju kellu ħamsa u għoxrin (25) speċjalist fil-Psikjatrija li għandhom/ kellhom kuntratt ma’ dan l-uffiċċju sabiex jipprovdu pariri indipendenti lill-Kummissarju. Matul il-perjodu Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha qegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, b’kollox intalab total ta’ 141-il parir indipendenti relatat ma’ ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ kapaċità mentali.

Akkomodazzjoni soċjali — Kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kriterji li jintużaw biex persuna/familja tingħata akkomodazzjoni soċjali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji sabiex individwu jkun jista’ japplika għall-akkomodazzjoni soċjali huma:- 1) Ikun ċittadin Malti / tal-Unjoni Ewropea, jew stat ta’ refuġjat; 2) F’każ ta’ separazzjoni, din għandha tkun finalizzata; 3) Id-dħul ma jridx jeċċedi l-€10,000 għal persuna waħedha jew it-€12,000 + €700 għal kull wild taħt it tmintax-il sena għal ġenitur wieħed/separat/koppja miżżewġa; * Dħul minn Assistenza għall-Mard (SKA), Benefiċċju tal-Enerġija (EB) u Children’s Allowance (CA), jiġi eskluż minn dan l-ammont. 4) F’każ ta’ aħwa li jgħixu flimkien, id-dħul tagħhom ikun ikkunsidrat daqs ta’ koppja miżżewġa; 5) L-assi tal-applikant m’għandhomx jeċċedu t-€28,000 minn tliet snin qabel id-data tal-applikazzjoni; 6) Irid ikun ilu residenti Malta għal 12-il xahar konsekuttivi matul l-aħħar 18-il xahar.

Malta Eurovision Song Contest 2024 — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-Malta Eurovision ta’ din is-sena? Jista’ jippreżenta lista tal-ispejjeż, is-suppliers u l-mod kif dawn intgħażlu, jekk hux b’direct order jew le?

Response (BONNICI, OWEN)

Informat li f'kull stadju l-procurement sar in adempixximent mar-regoli finanzjarji tax-xiri, senjament ma' dak li jrid l-artiklu 7(1)h ta' SL 601.03 (Public Procurement Regulations). L-ispiża globali tal-Malta Eurovision 2024 ammontat għal Eur 119,919 maqsumin kif ġej: Loġistika u spejjeż oħra - Eur53,319 Grant skond ir-regolamenti tal-MESC – Eur60,000 Grant għas-Semifinalisti – Eur6,600

Rikonoxximent tal-Palestina bħala Stat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’inhuma l-fatturi li l-Istat Malti qed jikkunsidra biex jirrikonoxxi l-Palestina bħala stat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta dejjem tenniet li l-aqwa ċans ta' stabbiltà fir-reġjun hija s-Soluzzjoni ta' Żewġ Stati (Two State Solution) - li jgħixu spalla ma' spalla fil-paċi u s-sigurtà, u rridu naħdmu biex noħolqu perspettiva politika biex dan iseħħ. Malta ilha sostenitriċi tal-poplu Palestinjan u d-dritt tagħhom li jkollhom stat sa minn Novembru tal-1988. Il-Ministeru għall-Affarjiet Barranin jemmen li konsiderazzjoni għar-rikonoxximent tal-Palestina bħala Stat min-naħa ta’ Malta fiċ-ċirkustanzi volatili ta’ bħalissa għandha tkun ibbażata fuq għadd ta' kundizzionijiet li jkunu jeħtieġu progress, imma m'humiex limitati, għall-: * kisba ta' waqfien mill-ġlied permanenti u immedjat; * ħelsien tal-ostaggi kollha miżmuma mill-Hamas f'Gaza sa mis-7 ta’ Ottubru; * progress fil-proċess ta' riforma tal-Awtorità Palestinjana; u * rikonoxximent tal-Palestina bħala stat b’mod koordinat mal-maġġoranza tal-Imsieħba Ewropej biex ikun żgurat l-immassimizzar ta’ tali rikonoxximent. Rikonoxximent mir-Repubblika ta' Malta tal-Palestina bħala stat sovran u indipendenti jrid ikun ibbażat fuq il-fruntieri ta' qabel l-1967 jew kwalunkwe fruntiera oħra miftiehma bejn l-Iżrael u l-Palestina.

In-Work Benefit – Persuni li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li bbenefikaw mill-In-Work Benefit minn meta daħal dan il-benefiċċju kull sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjani mitluba tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: In-work Benefit Sena Benefiċċjarji 2015 1,359 2016 2,112 2017 3,350 2018 4,463 2019 5,093 2020 5,309 2021 7,206 2022 8,640 2023 25,108 2024 24,814

Tapering of benefits

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn persuni li bbenefikaw mit-tapering of benefits minn mindu daħal dan il-benefiċċju, maqsuma għal kull sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: Tapering of benefits - UAT Year Total 2014 588 2015 2,101 2016 3,060 2017 3,601 2018 3,474 2019 2,708 2020 2,005 2021 1,626 2022 1,421 2023 1,213 2024 1,097

Vetturi rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn vetturi ta’ kull kategorija rreġistrati mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Liċenzji tal-vetturi – Żieda fil-ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’kemm għola l-ħlas tal-liċenzji tal-vetturi f’kull kategorija mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma għal kull sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara l-2012 ma kienx hemm żidiet fit-tariffi annwali tal-liċenzji taċ-ċirkolazzjoni għall-vetturi bil-mutur.