Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissarju għall-Anzjani — Rapporti annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti annwali tal-Kummissarju għall-Anzjani tas-snin 2022 u 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex sal-20 ta’ Ottubru 2024, il-paġna dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani (KNA) għandha informazzjoni limitata ħafna dwar ix-xogħol tal-Kunsill li ilu mwaqqaf minn Ottubru 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba ltaqa’ dan il-kunsill minn Ottubru 2023? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat ta’ dan il-Kunsill, kif ukoll l-ewwel rapport annwali?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, ilu mwaqqaf mill-1972, dejjem għamel il-laqgħat tiegħu kull l-ewwel Tnejn tax-Xahar, apparti laqgħat Straordinarji, meta jitlob il-bżonn. Il-Kunsill mhux dipartiment jew entità tal-Gvern imma magħmul mir-rappreżentanti ta’ tnejn u għoxrin (22) Għaqda/Assoċjazzjonijiet li huma Affiljati mall-KNA.

GU Clinics

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-pjan li jkun hemm iktar minn GU clinic waħda?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi tas-saħħa sesswali ġew deċentralizzati f’tliet community clinics immexxija minn GP (fil-Mellieħa, f’Marsaxlokk u f’Għawdex). Barra minn hekk il-GU Clinics fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u fl-Isptar Mater Dei huma mmexxija minn konsulent/a.

Gender Clinic — Psikjatra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gender Clinic reġgħetx bdiet taħdem kif suppost? Jista’ jgħid ukoll jekk il-psikjatra ġiex ingaġġat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li għaddejjin diskussjonijiet ma’ partijiet interessati biex nidħlu f’kuntratt ma’ professjonisti privati għal dan is-servizz minħabba li ma kienx hemm ebda reklutaġġ mis-sejħiet pubbliċi li ħarġu għal din il-pożizzjoni.

Children’s Out-patients

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li qed jużaw is-servizzi taċ-Children’s Outpatients bħalissa, u f’liema dipartimenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ attendenzi ġewwa l-COP clinics fl-isptar Mater Dei minn Jannar sa Diċembru 2024 huwa ta’ 15,839 attendenza. L-ispeċjalitajiet jinkludu fost l-oħrajn paediatric surgery, neurology, endocrine, respiratory, rheumathology, general paediatrics u COP bleeding room.

Children’s Outpatients — Listi ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-listi ta’ stennija għal interventi mediċi ma’ tfal pazjenti taċ-Children’s Outpatients?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tispeċifika jekk hux qed tirreferi għall-kirurġija jew għal appuntament fiċ-Children’s Outpatients.

L-Isptar Mount Carmel — Minuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minuri ta’ 16 u 17-il sena li jkollhom bżonn kura in-patient jiddaħħlux fis-swali prinċipali tal-Isptar Mount Carmel ma’ adulti oħra minflok fil-Young People Unit (YPU)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li minuri ta' 16 u 17-il sena li jkollhom bżonn kura in-patient ġewwa l-isptar Mount Carmel jiddaħħlu fil-Young People's Unit.

L-Isptar Mount Carmel — Minuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm minuri ta’ 16 u 17-il sena li ddaħħlu l-Isptar Mount Carmel f’dawn l-aħħar ħames snin, u jagħti l-informazzjoni maqsuma għal kull sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

YPU

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li daħlu l-Young People’s Unit (YPU) fl-2024? Jista’ jgħid ukoll x’kienet l-inqas u l-ogħla età tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2024, kien hemm mija u tlettax-il tifel u tifla li użaw is-servizzi tal-YPU. L-iżgħar età kienet ta’ għaxar snin u l-ikbar età kienet ta’ tmintax-il sena.

YPU — Kundizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet li għalihom ikollhom jiddaħħlu tfal fil-Young People’s Unit (YPU)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-kundizzjonijiet li għalihom ikollhom jiddaħħlu tfal fil-YPU huma għal dawk l-adolexxenti ta’ bejn it-12 u t-18-il sena b'disturb akut tas-saħħa mentali li jkunu ta’ riskju għalihom infushom jew għal oħrajn, u li ma jistgħux jiġu mmaniġġjati b'mod sigur fil-komunità.

Tfal — Kura kontra l-kanċer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal bħalissa li qed jirċievu l-kura kontra l-kanċer? Kemm minn dawn it-tfal qed ikollhom jieħdu l-kura barra minn xtutna u x’inhi l-iktar raġuni komuni li għaliha dawn it-tfal ikollhom jieħdu l-kura kontra l-kanċer barra minn Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa, hemm 32 tifel u tifla li qed jirċievu kura kontra l-kanċer f’Malta. Kull sena, ikun hemm medja ta’ bejn 15 u 20 każ ġdid, u t-trattament normalment idum bejn 6 xhur u 3 snin. Minn dawn it-tfal, 3 qed jirċievu kura barra minn Malta. L-iktar raġunijiet komuni għaliex dawn it-tfal ikollhom imorru barra minn pajjiżna għall-kura huma: trapjanti tal-mudullun, chemo/radjoterapija speċjalizzata, jew operazzjonijiet ikkumplikati li ma jistgħux isiru lokalment.

Kura kontra l-kanċer f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-ispeċjalisti tal-kura kontra l-kanċer jiġu Malta minflok li l-pazjenti u l-familji tagħhom imorru barra minn Malta għall-kura? F’liema każijiet l-ispeċjalisti jistgħu jinġiebu Malta u meta mhux possibbli li jsir dan?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fejn hu possibbli, l-ispeċjalisti tal-kura kontra l-kanċer jiġu Malta biex il-pazjenti jkunu jistgħu jirċievu t-trattament meħtieġ mingħajr il-bżonn li jivvjaġġaw barra minn pajjiżna. Fil-fatt, hemm diversi konsulenti li jżuru Malta fuq bażi regolari biex jagħmlu operazzjonijiet jew konsultazzjonijiet ma’ pazjenti li jkollhom bżonn kura speċjalizzata. Pereżempju, ikollna ematoloġisti li jispeċjalizzaw fit-trapjant tal-mudullun 2-3 darbiet fis-sena. Ikollna kirurgi ortopediċi speċjalizzati għal sarkoma 2-3 darbiet fis-sena. Madankollu, hemm każijiet fejn mhux dejjem ikun possibbli li l-ispeċjalisti jiġu Malta, minħabba li: • L-ispeċjalisti għandhom bżonn it-tim mediku speċjalizzat tagħhom li jaħdem magħhom b’mod kontinwu, u dan ma jistax jiġi f’Malta għal każijiet iżolati. • F’każi rari ħafna, ikun jeħtieġ apparat mediku avvanzat u speċifiku li mhux disponibbli f’Malta u jeħtieġ speċjalisti partikolari biex joperawh; • In-numru ta’ każijiet f’Malta huwa limitat ħafna, u għalhekk il-professjonisti ma jistgħux jispeċjalizzaw f’ċerti trattamenti kif jiġri fi sptarijiet kbar barra minn Malta, fejn is-severità u l-frekwenza ta’ każijiet kumplessi huma ħafna akbar. • F’ċerti trattamenti, l-aqwa riżultati jinkisbu f’ċentri speċjalizzati barra minn Malta, fejn hemm esperjenza vasta u f’dawn il-postijiet jiġu trattati mijiet ta’ każijiet kull sena. Jista wkoll ma jkunx possibli li tiġbor gruppi ta' pazjenti għal interventi jew reviżjonijiet kliniċi. Dan minħabba li kull pazjent għandu l-iskeda personali tiegħu u għalhekk speċjalisti jkollhom iżuru drabi differenti. Għalhekk, filwaqt li Malta tibqa’ tistinka biex kemm jista’ jkun il-kura tingħata lokalment, għal każijiet iktar rari jew kumplessi, il-pazjenti jibqgħu jintbagħtu f’ċentri ta’ eċċellenza barra minn pajjiżna, fejn jingħataw l-aqwa trattament possibbli.