Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri — Tfal riferuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal riferuti lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri mill-bidu tas-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-tfal kienu tfal ta’ immigranti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub minnha jinsab fit-tabella li tidher hawn taħt. Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri Rapporti (Referrals) Jan-Ġun 2024 Maltin773 Mhux Maltin167 Mhux imwielda5 Total945 Fost il-Mhux Maltin, kien hemm 10 jfittxu l-ażil, 12 li kellhom status ta’ refuġjat u 3 bi status ta’ protezzjoni sussidjarja. Infakkar li, kif diġa nġibdet l-attenzjoni fi tweġibiet oħra, l-FSWS tippubblika l-istatistika uffiċċjali tagħha darbtejn fis-sena. F’ April / Mejju għax-xhur Jannar – Diċembru tas-sena preċedenti u f’ Settemrbu / Ottubru għax-xhur Jannar – Ġunju tas-sena kurrenti. Għadaqstant għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija nistgħu nagħtu biss kif kienet il-pożizzjoni sal-aħħar ta’ Ġunju, 2024.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri — Tfal riferuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-tfal li kienu riferuti lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri kienu riferuti minn professjonisti u kemm kienu riferuti minn persuni li mhumiex professjonisti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infakkar li kif diġà nġibdet l-attenzjoni fi tweġibiet oħra, l-FSWS tippubblika l-istatistika uffiċċjali tagħha darbtejn fis-sena. F’April / Mejju għax-xhur Jannar – Diċembru tas-sena preċedenti u f’ Settembru / Ottubru għax-xhur Jannar – Ġunju tas-sena kurrenti. Għaldaqstant għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija nistgħu nagħtu biss kif kienet il-pożizzjoni sal-aħħar ta’ Ġunju, 2024.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri – Tfal li diġà qed jaħmu ma’ professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jitħaddem il-prinċipju tas-sussidjarjetà, fis-sens li tfal li diġà qed jaħdmu magħhom professjonisti ma jkollhomx għalfejn jiġu riferuti lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri?

Response (FALZON, MICHAEL)

Infakkar lill-Onor. Interpellanta li l-Kap 602, jiġifieri l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Kura Alternattiva), daħħal l-obbligu tal-mandatory reporting. Dan ifisser li waqt li bħala direttorat u anki bħala Fondazzjoni, nemmnu li, kif jingħad minn kull servizz għall-protezzjoni tat-tfal f’kull ġurisdizzjoni, “child protection is a shared responsibility”, fl-aħħar mill-aħħar huwa l-obbligu legali ta’ kull professjonist f’ Malta li jagħmel rapporti (referrals) lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri.

FSWS — Mandatory Reporting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-mandatory reporting kienx qed iwassal biex ikun hemm defensive practice u x’inhi tagħmel il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) biex timminimizza dan it-tip ta’ prattika fejn tfal jistgħu jiġu riferuti lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri mingħajr ma jkun strettament neċessarju?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lil-Onor. Interpellanta li l-iskop tal-mandatory reporting huwa sabiex jissaħħaħ l-element ta’ sensibilizzazzjoni u responsabbilta’, fejn professjonisti u individwi li jaħdmu mat-tfal għandhom l-obbligu li jirraportaw każijiet t’abbuż biex il-protezzjoni tal-minuri tkun imsaħħa u mtejba iktar. Minkejja li l-Mandatory Reporting Guidelines jinsab onlajn għal kull professjonist, u minkejja li d-Direttorat ukoll jimpenja ruħu li jwassal sessjonijiet ta’ taħriġ fuq dawn il-linji gwida minn żmien għal żmien, xorta ġieli niltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet fejn professjonijiet jirrapportaw immedjament mingħajr l-informazzjoni neċessarja biex id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal ikun jista’ jagħmel l-investigazzjoni meħtieġa. Għaldaqstant, sabiex tiġi ndirizzata din il-possibbiltà, d-Direttorat waqqaf servizz ta’ konsultazzjoni intern fejn kull professjonist jista’ jikkonsulta u jiġi ggwidat minn espert fil-protezzjoni tal-minuri fuq l-aħjar azzjoni skont is-sitwazzjoni preżentata.

L-Università ta’ Malta – BA (Hons) in Social Work u BA (Hons) in Social Policy — Studenti li bdew il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li bdew il-korsijiet tal-BA (Hons) in Social Work u BA (Hons) in Social Policy fl-Università ta’ Malta fl-aħħar għaxar snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul dawn l-aħħar għaxar snin irreġistraw 302 studenti għall-kors imsemmi.

L-Università ta’ Malta – BA (Hons) in Social Work — Studenti li temmew il-kors b’suċċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li temmew b’suċċess il-kors tal-BA (Hons) in Social Work fl-Università ta’ Malta fl-aħħar għaxar snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul dawn l-aħħar għaxar snin 232 student temmew il-kors imsemmi b’suċċess.

L-Università ta’ Malta – Master of Social Work – Studenti li bdew il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li bdew il-kors tal-Master of Social Work (MSW) fl-Università ta’ Malta fis-sena akkademika 2024 – 2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ studenti li bndew il-kors imsemmi għal din is-sena skolastika hu ta’ 4.

L-Università ta’ Malta — Master of Social Work - Studenti li temmew il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti temmew il-kors tal-Master of Social Work (MSW) fl-Università ta’ Malta fl-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul dawn l-aħħar ħames snin 10 studenti temmew il-korts imsemmi b’suċċess.

Studenti tal-korsijiet tas-Social Work — Żieda fl-istipendju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li ż-żieda fl-istipendju li ngħatat lill-istudenti tas-social work kinitx inċentiv effettiv biex jattira studenti ġodda lejn is-social work?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

MCAST — BA (Hons) in Social Work - Studenti li bdew il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li bdew il-kors tal-BA (Hons) in Social Work fl-MCAST din is-sena (sena akkademika 2024 – 2025)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa t-total ta’ studenti li bdew il-kors imsemmi għal din is-sena skolastika hu ta’ 17.

Tagħlim tal- Litteriżmu Finanzjarju lit-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif it-tfal qed jiġu mgħallma kif iġemmgħu u jamministraw flushom, u jaħsbu għall-pensjoni tagħhom? Jista’ jgħid ukoll f’liema suġġett u f’liema sena tal-kurrikulu jkollhom l-opportunità li jtejbu l-litteriżmu finanzjarju tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sabiex it-tfal jiġu mgħallma kif iġemmgħu u jamministraw flushom jingħataw lil dawk l-istudenti mid-disgħa sal-ħdax il-sena fejn jingħataw l-opportunita li jistdujaw l-Accounting, il-Business Studies u l-Home Economics. Apparti minn hekk jingħata programm li hu mmirat għall-istudenti tas-sitt sena, il-Programm Be Money Smart. Qed jiġi wkoll offrut programm għal studenti vulnerabbli fiċ-Ċentru tal-Home Economics bl-isem ta’ Responsible Living. Infurmat ukoll li ċ-Ċentru tal-Home Economics tad-Direttorat għall-Programmi STEM u VET, b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Bankarja Maltija, tiġi organizzata sfida ta’ litteriżmu finanzjarju. Din issir bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea tal-Flus u l-Ġimgħa Globali tal-Flus fil-livell primarju u dak sekondarju. L-isfida tinkoraġixxi l-iskejjel, jadottaw prattiċi tajbin marbuta mal-litteriżmu finanzjarju. L-inizjattivi varji li jiġu mtella’ f’din il-Ġimgħa joħolqu opportunitajiet edukattivi għall-għalliema u l-istudenti biex jitgħallmu dwar aspetti finanzjarji. Hemm ukoll numru ta’ programmi li jiġu offruti permezz tal-klabb 3-16, u kif ukoll programm Ġemma b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-politika soċjali u d-drittijiet tat-tfal.

Studenti li ma komplewx l-iskola obbligatorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li ma komplewx l-edukazzjoni sal-ħames sena tas-sekondarja fis-sena skolastika 2023 - 2024? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-persentaġġ meta mqabbel man-numru ta’ studenti li temmew l-iskola obbligatorja fl-istess sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul is-sena skolastika li għaddiet kien hemm 10 studenti li ma komplewx l-edukazzjoni sal-ħames sena tas-sekondarja li jfisser li 0.39% tal-istudenti kollha li temmew l-iskola obbligatorja.

Studenti tal-ħames sena Sekondarja bi problema ta’ illitteriżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti tal-ħames sena tas-sekondarja fis-sena skolastika 2023 - 2024 li kellhom problema ta’ illitteriżmu? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-persentaġġ meta mqabbel man-numru ta’ studenti li temmew l-iskola obbligatorja fl-istess sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex jiċċara d-domanda tiegħu.

Studenti li komplew għall-istudji post-sekondarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti tal-ħames sena sekondarja fis-sena skolastika 2023 - 2024 li komplew għall-istudji post-sekondarji? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-persentaġġ meta mqabbel man-numru ta’ studenti li temmew l-iskola obbligatorja fl-istess sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għal din is-sena skolastika hemm madwar 4,000 student li komplew għall-istudji post-sekondarji.

Studenti li jużaw trasport taħt superviżjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti bħalissa li minħabba raġunijiet speċifiċi jkollhom jużaw trasport individwali taħt superviżjoni lejn u mill-iskola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-superviżjoni tiġi assenjata skont il-ħtieġa.

L-Università ta’ Malta — BA (Hons) in Social Work u BA (Hons) in Social Policy - Studenti li bdew il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li bdew il-korsijiet tal-BA (Hons) in Social Work u BA (Hons) in Social Policy fl-Università ta’ Malta din is-sena (sena akkademika 2024 – 2025)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa t-total ta’ studenti li bdew il-kors imsemmi għal din is-sena skolastika hu ta’ 14.

Awtorità ta' Standards ta' Persuni Anzjani — Website

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità ta' Standards ta' Persuni Anzjani (OPSA) għad m’għandhiex website bl-informazzjoni neċessarja (Older Persons Standards Authority - anzjanità attiva (gov.mt))(website aċċessata fl-20 ta’ Ottubru 2024)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-website ta l-Awtorità ta' Standards ta' Persuni Anzjani (OPSA) hija https://opsa.gov.mt/

Awtorità tal-Istandards tal-Kura Soċjali — Website

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-istandards għad-djar tal-anzjani, li qabel kienu taħt l-awspiċi tal-Awtorità tal-Istandards tal-Kura Soċjali (SCSA) għadhom ma jidhrux fil-website tal-Awtorità ta' Standards ta' Persuni Anzjani (OPSA)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23094.

Awtorità ta' Standards ta' Persuni Anzjani — Rapport Annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport annwali tal-Awtorità ta' Standards ta' Persuni Anzjani (OPSA)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani ġiet imwaqqfa fl-2023. L-ewwel sena tal-operat tagħha kienet is-sena 2024 u għalhekk l-ewwel Rapport Annwali għall-istess sena għad irid jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra skont kif provdut fl-istess Att.

Kummissarju għall-Anzjani — Rapporti annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex sal-20 ta’ Ottubru 2024, is-sit tal-Active Ageing dwar il-Kummissarju għall-Anzjani juri r-rapport annwali tal-2021 biss? Jista’ jgħid fejn jinstabu r-rapporti tal-2022 u l-2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellanta tirreferi għall-mistoqsija parliamentari 23098.