Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Università ta' Malta — Health and Wellness Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li użaw il-Health and Wellness Centre fl-Università ta' Malta, mill-2020, skont is-servizzi msemmija hawn taħt, maqsuma għal kull sena u skont il-ġeneru: a) Social Work; b) Counselling Services; ċ) Drug-related issues; d) Mental Health Services; e) Nutrition; f) Sexual Health Clinic; g) Tobacco Cessation Support; h) Traditional Chinese medicine; u i) Student Solidarity Fund?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; a) Social Work - 235 b) Counselling Services – 2,807 ċ) Drug-related issues - 6 d) Mental Health Services - 250 e) Nutrition - 2 g) Tobacco Cessation Support - 2

L-Università ta' Malta — Health and Wellness Centre - Websajt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-servizz tas-social work ma jidhirx fuq il-website tal-Health and Wellness Centre - Health & Wellness Centre - L-Università ta' Malta (aċċessata fl-4 ta’ Diċembru 2024)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li r-rwol tal-ħaddiem soċjali huwa wieħed integrat mal-kumplament tal-professjonisti li jaħdmu f’dan il-Unit f’orjentament multi-dixxiplinarju. Għaldaqstant il-ħaddiema soċjali jiġu involuti ma’ kull klijent li għandu bżonn, anke jekk dan japplika għall-intervent psikologiku jew psikoterapewtiku. Viċe versa, ġieli persuna tapplika għas-student solidarity fund, jew għajnuna soċjali oħra bħal housing jew servizzi ta’ vjolenza domestika u tiġi riferuta għal interventi psikiloġiċi/psikoterapewtici għax il-ħaddiem soċjali jifhem li hemm dan il-bżonn. F’każijiet bħal dawn il-klijent/a jiġu riferuti lill-aġenziji esterni.

Vjolenza Domestika — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mir-rapporti ta’ vjolenza domestika fl-2024 kienu jinkludu relazzjonijiet każwali - li jkunu ltaqgħu darba jew ftit, mhux relazzjoni intima u ma tinvolvix partners li jgħixu taħt l-istess saqaf?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kull każ huwa differenti u li l-każijiet ta‘ vjolenza domestika jiġu trattati kollha skont ir-realtajiet partikolari. Din hija ħidma li llum qed issir permezz ta‘ multi-disciplinary approach. Dawn huma dettalji li l-vittmi jagħtu b’mod kunfidenzjali. Nitlob ukoll lill-Onorevoli membru tirreferi għal mistoqsija parlamentari numru 24268.

Vjolenza Domestika — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti li saru lill-pulizija fuq vjolenza domestika li saru fuq xulxin, jiġifieri l-ewwel imur partner A, imbagħad imur partner B jagħmel rapport fuq vjolenza domestika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-rapporti li jsiru lill-Pulizija fuq vjolenza domestika, isiru b’mod kunfidenzjali. L-għan tal-Pulizija u tal-Professjonisti kollha li jaħdmu fil-Gender Based and Domestic Violence Hub li l-pajjiż għandu għall-ewwel darba huwa li jassistu bl-aħjar mod lil dawk li jersqu ‚l quddiem. Kif jindika l-Crime Observatory Report, fl-2024 reġgħet kienet reġistrata żieda fir-rapporti ta‘ vjolenza domestika, b’total ta‘ 2,255 każ li 78% minnhom kienu marbuta ma‘ rapporti ta‘ vjolenza psikoloġika. Għalhekk, irridu nkomplu nżidu l-għarfien biex aktar nies jersqu `l quddiem u jfittxu l-għajnuna.

Vjolenza Domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed niżguraw li fil-każijiet ta’ vjolenza domestika, l-aggressur mhux qed juża l-istess sistema biex jivvittimizza għal darb’oħra lill-vittma?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-aħħar snin żdiedu s-servizzi li jingħataw vittmi ta' vjolenza domestika, kif diġà kelli ċ-ċans niprovdi informazzjoni lill-Parlament, b'mod speċjali l-iffurmar tal-gender based and domestic violence unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u l-ewwel hub għall-vittmi ta' vjolenza domestika. Infurmat li l-ħaddiema li jaħdmu f'dan il-qasam huma mħarrġa sabiex jagħtu dejjem l-aqwa servizz possibli.

Vjolenza Domestika — Investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ investigazzjoni tagħmel il-pulizija fil-każijiet ta’ vjolenza domestika qabel tipproċedi bil-Qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li qabel ma tipproċedi bil-Qorti f’każijiet relatati ma' kull rapport ta' vjolenza domestika, il-pulizija tibda billi twettaq investigazzjoni ħolistika. Dan jinkludi li kull vittma tiġi mitkellma, flimkien ma' xhieda oħra li setgħu kienu preżenti waqt l-allegat każ, u fl-istess ħin tinġabar kull evidenza materjali rilevanti. Matul tali investigazzjoni, jiġi evalwat ukoll il-valutazzjoni ta’ riskji li jsir fuq il-vittma, u jiġi interrogat l-allegat aggressur. F’każijiet serji, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jiġi kkonsultat, speċjalment minħabba li f’ċerti reati, il-prosekuzzjoni titmexxa minn avukat mill-istess uffiċċju. Abbażi ta’ dan kollu, jittieħdu passi l-Qorti. Fl-isfond ta’ dan kollu Irrid nirrimarka wkoll li matul dan il-process, il-vittma llum tingħata s-sapport kollu meħtieġ hekk kif illum qiegħed jintuża dak li jissejjaħ multi-disciplinary approach mill-ewwel Gender-Based and Domestic Violence Hub li fetaħ il-bibien tiegħu taħt din l-amministrazzjoni, l-istess bħal ma waqqafna l-Victim Support Agency li qegħda tagħmel differenza fil-ħajja tal-vittmi mhux biss tal-vjolenza domestika imma anke ta’ kriminalita oħra.

Vjolenza Domestika

Question

Peress li l-każijiet ta’ vjolenza domestika huma ex officio u jkun hemm evidenza ċara li kien hemm vjolenza (bħal tbenġil, ċertifikat mediku, tkissir ta’ proprjetà u CCTV footage), jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-pulizija xorta togħqod tistenna l-istatement tal-vittma qabel tibda tinvestiga l-każ? Jekk il-vittma ma tagħmilx rapport, il-pulizija ma tipproċedix?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi f’kull każ ta’ vjolenza domestika, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija jiskattaw, speċjalment f’każijiet fejn ikun hemm evidenza li trid tinġabar, u għalhekk ma tistenniex l-istqarrija tal-vittma qabel tibda tinvestiga l-każ. Minkejja dan il-Pulizija, infurmat, li dejjem tħeġġeġ lill-vitma tirrilaxxa stqarrija biex din tikkumplimenta l-evidenza li jkollha l-Pulizija u għaliex din tkun ukoll essenzjali, f’nuqqas ta’ evidenza materjali. Irrid nirrimarka wkoll li l-Gender-Based and Domestic Violence hub li l-Korp tal-Pulizija issa għandu f’Santa Luċija huwa l-ewwel hub tax-xorta tiegħu f'Malta li fetaħ il-bibien tiegħu fis-sena 2024, wara li għall-ewwel darba l-Korp tal-Pulizija ħatar skwadra specjali il-Gender based and domestic violence unit fl-2020 sabiex jagħti servizz aħjar u aktar speċjalizzat lil vittmi ta' vjolenza domestika. Filwaqt li bħalissa apparti dawk ta’ Santa Luċija, hemm timijiet minn din it-taqsima, li ma kinitx teżisti qabel introduċiha l-Korp tal-Pulizija taħt din l-amministrazzjoni, jaħdmu mid-depot tal-pulizija fil-Floriana, fiż-żmien li ġej se tinfetaħ hub oħra fl-Imtarfa.

Child-to-Parent Violence

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal referuti għaċ-Child-to-Parent Violence fl-2023 u x’kienet l-età f’figuri u persentaġġi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu msemmi (is-sena 2023) kien hemm 20 kas ta’ Child-to-Parent Violence. Minn dawn 11 (jiġifieri 55%) kienu bejn il-11 u l-15-il sena waqt li 9 (jiġifieri 45%) kienu bejn 16 u 17-il sena.

Pensjoni volontarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser tkun qed taħdem eżattament il-pensjoni volontarja mħabbra fil-baġit? Jista’ jgħid ukoll jekk il-flus li jinġabru hux ser jintefgħu f’fond apposta u jiġu investiti jew jekk hux ser jintużaw mill-Gvern għal spejjeż rikorrenti? Jekk hu l-każ tal-aħħar, il-Gvern kif ser jassigura li s-sistema ser tkun sostenibbli?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Gender Wellbeing Clinic — Reklutaġġ għal Psikjatri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21062 fejn ingħad, "Ninsab infurmat li l-proċess ta’ reklutaġġ għal psikjatra għall-Gender Wellbeing Clinic għadu għaddej peress illi mis-sejħa pubblika li nħarġet aktar kmieni din is-sena, l-ebda applikant ma kien eleġibbli.", jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kritirji tal-eliġibbiltà f’din is-sejħa pubblika u kemm kien hemm applikanti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa kienet pubblika u l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-kriterji kienu pubblikati fuq ir-recruitment portal tal-Gvern.

Santa Luċija — Domestic Violence Hub

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji persuna tintbagħat għand id-Domestic Violence Hub ta’ Santa Luċija u mhux il-hub li qiegħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li huwa iktar aċċessibbli u ċentrali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-prassi hi li l-Pulizija tad-distrett jirreferu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika fil-hub li tkun l-eqreb lejn l-għassa fejn isir ir-rapport. Ħafna drabi saħansitra jakkumpanjaw lill-istess vittma sal-hub. Madankollu vittmi ta’ dan ir-reat huma liberi li jagħżlu u jmorru fil-hub l-aktar konvenjenti għalihom.

Tibdil fil-bus shelters minħabba x-xemx

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 21257 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u tgħid kemm hawn bus shelters f’Malta li għandhom soqfa tal-perspex trasparenti? Peress li dawn is-soqfa huma trasparenti, x’tip ta’ kenn jistgħu jagħtu lill-passiġġieri li jkunu qed jistennew fil-qilla tax-xemx? Hemm xi pjan biex is-soqfa ta’ dawn il-bus shelters jinbidlu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Każijiet ta’ suwiċidju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21286 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u jgħid kemm kien hawn każijiet ta’ suwiċidju din is-sena, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 21324. Il-każijiet ta’ suwiċidju bejn Ottubru u Diċembru 2024 kienu sebgħa (7).

Educational psychologist — Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li għadhom qed jistennew l-assessment tal-educational psychologist? Jista’ jgħid ukoll x’inhi d-data tal-iktar referral antika bħalissa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Statementing Board — Lista ta’ stennija għall-assessjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li għadhom qed jistennew l-assessment tal-Istatementing Board? Jista’ jgħid ukoll x’inhi d-data tal-iktar applikazzjoni antika bħalissa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Professjoni tal-hypnotherapy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-professjoni tal-hypnotherapy hijiex regolata f’Malta? Jekk le, jista’ jgħid għaliex le, u xi pjanijiet għandu l-Gvern biex jirregola din il-professjoni li titratta persuni vulnerabbli fi stat ta’ terapija fejn ikunu vulnerabbli ħafna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.