Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma l-aħħar pjanijiet tal-Gvern dwar il-binja tal-Isptar Mount Carmel?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern qed iwettaq l-akbar investiment li qatt sar fis-servizzi tas-saħħa mentali f’pajjiżna. Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għall-istqarrija pubblika, li qed nirriproduċi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fi żjara li għamilt riċentament, fl-istess sptar li għalih qed issir referenza fl-interpellanza, spjegajt li l-Gvern jemmen li l-kura fl-isptar għandha tingħata għall-inqas żmien possibbli. Fissirt kif qed nagħtu l-aħjar servizzi permezz ta’ swali ġodda, mgħammra bl-aqwa ambjent għal dawk li jkunu jeħtieġu s-servizzi għal perjodu qasir sabiex jingħataw il-kura akuta li jeħtieġu. Il-pjanijiet tal-Gvern huma li jkomplu jibnu fuq il-ħidma tas-snin li għaddew filwaqt li nirrikonoxxu u nindirizzaw l-isfidi li għad fadal. Intenni li qed inħares ’il quddiem għal aktar investiment, fosthom il-proġett li qed jitnieda fl-Isptar Mater Dei fejn ser jinbnew swali ġodda tal-psikjatrija.
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-progress li sar matul l-aħħar ħames snin fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’Malta?
Response (CUTAJAR, ROSIANNE)
Matul il-perjodu 2021–2025, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE), bħala parti mill-mandat tagħha, wettqet ħidma kontinwa fil-qasam tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Matul dawn il-ħames snin, ingħatat attenzjoni partikolari lil oqsma bħall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, id-diskrepanzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel, paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, ir-responsabbiltajiet tal-kura u l-fastidju sesswali, fost oħrajn. Inżid ngħid li l-NCPE żammett komunikazzjoni kontinwa permezz tal-mezzi tax-xandir, u media soċjali.
Fl-istess perjodu ta’ żmien, Malta għamlet progress notevoli ukoll kif jixhed il-Gender Equality Index, li qies progress li mis-26 post, Malta telgħet għas-16-il post.
Tista’ l-Ministru tgħid liema rakkomandazzjonijiet mill-GREVIO dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadhom ma ġewx implimentati?
Response (CUTAJAR, ROSIANNE)
Ninforma lill-Onor Interpellanta illi l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO) tal-Kunsill tal-Ewropa, ippubblika l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni tematika bit-titlu, Building Trust by Delivering Support, Protection and Justice fis-17 ta’ Settembru 2026. Ir-rapport jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex tissaħħaħ il-protezzjoni, is-sapport u l-ġustizzja għall-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. L-istess rapport jinnota b’sodisfazzjoni l-progress li sar dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) f’Malta, inkluż ir-riformi leġislattivi u istituzzjonali sinifikanti u l-implimentazzjoni tat-tliet Strateġiji Nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika li huma allinjati mal-erba’ pilastri tal-Konvenzjoni.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, Stqarrija tad-DOI li l-Ministeru li jien responsabbli minnu ħareġ b’reazzjoni għal dan ir-rapport (PR261509), ir-rapport ta’ evalwazzjoni u l-kummenti li l-Gvern għadda lill-GREVIO għal dan ir-rapport, li kollha jinsabu diġà disponibbli għall-konsum pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm fondi Ewropej ġew allokati għal proġetti relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri? Jista’ jgħid ukoll kemm-il proġett ġie implimentat bl-użu ta’ dawn il-fondi?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Fond Soċjali Ewropew plus, b’allokazzjoni ta’ aktar minn €204 miljun, fih innifsu huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-ugwaljanzja bejn il-ġeneri.
Fil-preżent, hemm 32 proġett li l-attivitajiet tagħhom jipromwovu l-ugwaljanza u ma jiddiskriminawx bejn il-ġeneri.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed tittieħed kontra l-fastidju online bbażat fuq il-ġeneru?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat li l-Pulizija, f’kull rapport ta’ fastidju online bbażat fuq il-ġeneru, twettaq l-investigazzjoni meħtieġa, tiġbor l-evidenza rilevanti, inkluża evidenza diġitali, u fejn ikun meħtieġ titlob l-assistenza tat-taqsimiet speċjalizzati fi ħdan il-Korp. Fejn jiġi identifikat is-suspettat u jkun hemm evidenza ta’ ksur tal-liġi, jittieħdu l-proċeduri legali meħtieġa.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-rappreżentanza tan-nisa meta mqabbla mal-irġiel f’karigi ta’ sindki u viċi sindki?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li fost it-68 Kunsill Lokali, hemm 23 mara u 113-il raġel li jokkupaw il-karigi ta’ Sindku jew Viċi Sindku.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-livell ta’ użu tas-servizzi taċ-childcare min-nisa u mill-irġiel?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz ta' childcare huwa provdut lil minuri u mhux lil nisa u rġiel. Għal aktar informazzjoni nitlob lill-Onorevoli interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċentru ta’ childcare qed jopera bil-finanzjament tal-Gvern?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 215 childcare centre li għandhom liċenzja. Għal aktar informazzjoni dwar finanzjament nitlob lill-Onorevoli interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Nisa li jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali tagħhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nisa li jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali tagħhom meta mqabbel mal-irġiel?
Response (ATTARD, JONATHAN)
B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 624, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta` April 2026 kien hemm 19,666 nisa li jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali waqt li irġiel kien hemm 17,470.
L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ April 2026.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nisa li jaħdmu part-time meta mqabbel mal-irġiel?
Response (ATTARD, JONATHAN)
B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 623, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta` April 2026 in-numru ta’ nisa li jaħdmu part-time (dawk li għandhom part-time bħala impjieg ewlieni tagħhom u dawk li għandhom part-time u għandhom impjieg ieħor full-time) kien jammonta għal 37,776 waqt li n-numru tal-irġiel kien jammonta għal 51,195.
L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ April 2026.
Diskriminazzjoni relatati mat-tqala jew il-maternità
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew ippreżentati rapporti ta’ diskriminazzjoni relatati mat-tqala jew il-maternità? Tista’ tgħid ukoll x’kien l-eżitu ta’ dawn il-każijiet?
Response (CUTAJAR, ROSIANNE)
Ġejt infurmata li minn Ġunju 2026 sal-lum, ġie ippreżentat każ wieħed (1) mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) relatat ma’ allegata diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ tqala u/jew maternità.
Dan il-każ għadu taħt investigazzjoni u għalhekk il-proċess għadu għaddej.
Kwistjonijiet ta’ ugwaljanza – Laqgħat mas-sħab soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew organizzati laqgħat mas-sħab soċjali dwar kwistjonijiet ta' ugwaljanza matul l-aħħar sentejn?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li saru erba’ laqgħat li kienu ffukati b’mod partikolari fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza, filwaqt li żewġ laqgħat oħra ndirizzaw temi marbuta mal-inklużjoni.
Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Taħriġ għall-impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid
kemm ġew organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ dwar l-ugwaljanza għall-impjegati tas-servizz pubbliku fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar ħames snin?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, matul l-aħħar ħames snin, il-Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur organizza sbatax-il sessjoni ta’ taħriġ dwar l-ugwaljanza.
Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Health and Safety Officers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx health and safety officer fil-ministeru tiegħu u jekk le, għaliex?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nfurmat li Health and Safety Officer impjegat full-time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madankollu, għarfien rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.