Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom overpayments tas-Sigurtà Soċjali skont l-ammonti li ġejjin:
i. 0 - 1,000
ii. 1,001 - 5,000
iii. 5,001 - 10,000
iv. 10,000+?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kif l-ammonti ta’ overpayments tas-Sigurtà Soċjali (speċjalment jekk sostanzjali) jistgħu jiġu spjegati b’sempliċiment ittra, jew telefonata mas-servizz tal-153 jew servizz.gov? Kif jistgħu jiġu kkontestati dawn l-ammonti ta’ overpayments? Dawn l-ammonti ta’ overpayments jistgħu jiġu mħallsa bin-nifs (by installments)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-aġenti ta’ Servizz.gov u Freephone 153 huma f’pożizzjoni li jagħtu spjega ċara fuq kull notifika li tintbagħat mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-aġenti ta’ Servizz.gov u tal-Freephone 153 huma kontinwament aġġornati u mħarrġa fuq dak kollu li jemanixxi mill-proviżjonijiet tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318). Barra minn hekk, matul l-aħħar xhur il-Freephone 153 ġie msaħħaħ permezz ta’ Extension speċifikament iddedikata għall-mistoqsijiet dwar Sigurtà Soċjali.
Inżid ukoll li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għandu fi ħdanu sezzjoni ddedikata appożitament fuq każijiet tan-natura kif imfissra f’din il-mistoqsija parlamentari, li kontinwament ssegwi l-ġbir, toħroġ notifiki ta’ tfakkir, tagħti spjegazzjonijiet fejn ikunu meħtieġa lill-pubbliku, u kif ukoll tipprepara ftehimiet sabiex il-persuna jkun jista’ jissalda dak dovut f’pagamenti mensili.
Fir-rigward ta’ kontestazzjonijiet, l-Artikolu 108 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) jagħti d-dritt lill-persuna li tappella tali deċiżjonijiet quddiem l-Arbitru maħtur taħt l-istess Att u sussegwentement appell fil-Qorti (Inferjuri).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet quddiem il-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali bħalissa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt:
Appelli
April 2025
Appelli pendenti sat-30 ta’ April 2025*
612
*Tajjeb jingħad illi dan l-ammont jinkludi fih kemm dawk l-appelli li diġà bdew jinstemgħu (321 każ), kif ukoll dawk l-appelli li għadhom ma’ ġewx appuntati (190 każ). Minn dan l-ammont hemm 101 każijiet li nstemgħu u qegħdin pendenti għad-deċiżjoni tal-Arbitru.
Akkomodazzjoni soċjali – Persuni li għaddejjin mill-proċess ta’ separazzjoni
Question
Peress li f’każ ta’ separazzjoni, biex tingħata akkomodazzjoni soċjali, għandu jkun hemm separazzjoni maritali finalizzata, jista’ l-Ministru jgħid x’jiġri jekk il-proċess ta’ separazzjoni jdum is-snin fil-qorti u sadanittant il-persuna (u possibbilment it-tfal magħha) jkollhom bżonn ta’ akkomodazzjoni soċjali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tevalwa l-każ hekk kif tiġi sottomessa d-deċiżjoni finalizzata tal-qorti jew kopja tal-att pubbliku li jindika l-firda taż-żwieġ jew unjoni ċivili. F’każijiet urġenti jew fejn iddum ma tittieħed id-deċiżjoni mill-qorti, il-persuna tista’ tikri mill-privat u tibbenefika minn għajnuna finanzjarja ta’ depożitu u l-ewwel kirja. Huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn sussidju fuq il-kera tagħhom.
Peress li skont il-website tal-Awtorità tad-Djar https://housingauthority.gov.mt/services/affordable-housing/ , persuna m’għandhiex tħallas iktar minn 25% mid-dħul totali, jista’ l-Ministru jgħid għaliex jekk persuna single taqla’ €2,000 u tikri studio flat b’€750, m’għandhiex tikkwalifika għal sussidji fuq il-kera, meta l-kera ta’ studio flats mhix inqas minn €700 fix-xahar?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar kontinwament tevalwa l-iskemi tagħha sabiex ikunu jirriflettu r-realtajiet tal-komunità. Infakkar lil Onorevoli Interpellant li l-iskema tal-benefiċċju fuq kirjiet privati ġiet emendata f’Jannar 2025, fejn mhux biss żdied l-ammont minimu li individwu jista’ jirċievi f’benefiċċju iżda żdied ukoll l-ammont massimu tad-dħul annwali fil-kategoriji kollha tal-applikanti b’elf ewro oħra. Sal-lum, id-dħul massimu ta’ persuna waħedha sabiex tkun eliġibbli għas-sussidju fuq kirjiet privati huwa €21,635, u tkun intitolata għal-benefiċċju li jilħaq sa €4,200 fis-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li fittxew refuġju f’shelters speċjalizzati għal persuni li ġarrbu vjolenza domestika fl-2024? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni kellhom it-tfal magħhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Abbażi tad-data miċ-Children’s Allowances, jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn familji f’Malta li għandhom:
i. Wild wieħed,
ii. Żewġt itfal,
iii. Tlitt itfal,
iv. Erbat itfal,
v. Ħamest itfal,
vi. Sitt itfal jew iktar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba minnha hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt:
Familji bit-Tfal
Allowance għat-Tfal (CA) / Allowance għat-Tfal Rata Fissa (CAFR)
CA
CAFR
Total
Wild wieħed
7,925
17,142
25,067
Żewġt itfal
3,486
10,860
14,346
Tlitt itfal
775
1,656
2,431
Erbat itfal
170
199
369
Ħamest itfal
40
31
71
Sitt itfal jew iktar
26
15
41
Total
12,422
29,903
42,325
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li bħalissa qegħdin jibbenefikaw minn kura alternattiva u nħarġitilhom ordni ta’ permanenza? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn huma fi djar residenzjali u kemm minnhom huma fil-foster care?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sal-aħħar ta’ Diċembru 2024 kien hemm 165 tifel u tifla li kellhom permanenza effettiva. Dawn kienu mqassma kif ġej:
· 117 kienu jgħixu ġewwa
foster placement
,
· 32 kienu jgħixu ġewwa djar residenzjali,
· 16 kienu jgħixu ġewwa djar fil-komunità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm foster carers li bdew il-proċess biex jaddottaw tfal li huma fostered magħhom u li qegħdin fuq ordni ta’ permanenza?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2024 kien hemm 8 itfal li ġew addottati mill-istess foster carers u allura l-process inghalaq fl-intier tiegħu. Dawn it-tfal kienu kollha b’ordni ta’ permanenza.
Tul is-sena 2024, kienu milqugħa 15-il applikazzjoni biex tfal, li diġà kellhom ordni ta’ permanenza, jiġu rilaxxati għall-addozzjoni u b’hekk ikunu jistgħu jkomplu bil-proċess biex l-addozzjoni tkun waħda finali.
Hemm 3 applikazzjonijet oħra li għadhom pendenti sabiex jiġu rilaxxati għall-addozzjoni.
Minn dan l-aħħar total ta’ 18-il każ, 13 minn dawn it-tfal, hemm il-pjan li jiġu addottati mill-istess foster carers li qegħdin jgħixu magħhom bħalissa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm maġistrati li qed jisimgħu l-każijiet ta’ vjolenza domestika bħalissa? Jista’ jgħid ukoll kemm għandu każijiet assenjati kull Maġistrat?
Vjolenza domestika – Seduti għal każijiet li jridu jinstemgħu għall-ewwel darba
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21036, jista’ l-Ministru jgħid liema hija l-iktar data ’l bogħod għall-ewwel seduta dwar vjolenza domestika bħalissa?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iktar data ’l bogħod għall-ewwel seduta ta’ kawża ta’ vjolenza domestika hija dik tal-10 ta’ Ġunju, 2025 fil-Qrati ta’ Malta u tal-15 ta’ Lulju 2025 fil-Qrati ta’ Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ordnijiet ta’ protezzjoni f’każijiet ta’ vjolenza domestika tul l-2024?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2024 l-ammont ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni f’każijiet ta’ vjolenza domestika kienu dawk ta’ elf tnejn u tmenin (1082) fil-Qrati ta’ Malta u sebgħa (7) fil-Qrati ta’ Għawdex.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21490 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex il-Qrati tal-Ġustizzja jkollhom uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għandha uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi u bħalissa għaddej il-proċess minn naħa tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għall-ingaġġ ta’ persuna sabiex jimtela il-post vakanti fl-imsemmi uffiċċju.
Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni — Każijiet investigati mill-pulizija
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21295 fejn intqal li skont artikolu 11(a) ta’ Kap. 326, “jekk fil-fehma tal-Kummissjoni, l-imġiba investigata hija korrotta jew tista’ tkun konnessa ma’, jew tista’ twassal għal atti ta’ korruzzjoni, ir-rapport tar-riżultati tal-investigazzjoni għandhom jiġu mgħoddija lill-Avukat Ġenerali.”, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm investigazzjonijiet tal-Kummissjoni li ġew mgħoddija lill-Avukat Ġenerali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena I-Kummissjoni Permanenti dwar il-Korruzzjoni ma bagħtet ebda rapport lill-Avukat Ġenerali minħabba li f'ebda rapport magħluq ma kien hemm sejbien ta' xi wieħed mir-reati indikati fl-artikolu 6 tal-Kap 326.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw mill-iskema ta’ Self Soċjali kull sena mill-2020 sal-2024, maqsuma sena b’sena?
Peress li skont il-website tal-Housing (aċċessata fis-26/01/25), “L-Iskema ta' Self ta' Assistenza għad-Dar hija mmirata lejn dawk li jaqilgħu dħul baxx li mhumiex f'pożizzjoni li jiffinanzjaw self għal dar. Għotja sa €167/xahar tingħata biex tiffinanzja parti mill-ħlas lura ta’ self għax-xiri ta’ proprjetà li tiswa sa €140,000. Il-limitu tad-dħul annwali huwa ta’ €19,990.04 għal persuni waħedhom, €20,990.04 għal single parents u €21,990.04 għall-koppji.”, jista’ l-Ministru jara li tingħata konsiderazzjoni lill-fatt li mhuwiex realistiku li tinstab proprjetà li ma tiswiex iktar minn €140,000?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għaddejja b’eżerċizzju sabiex temenda l-iskema ta’ Self Soċjali sabiex tilħaq iktar nies. Dawn l-emendi se jkunu ppubblikati din is-sena. In-numru ta’ persuni li bbenefikaw mill-iskema ta’ Self Soċjali huma elenkati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Traffikar ta’ bnedmin – Restituzzjoni u kumpens lill-vittmi
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21055 u 22349 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol rispettivament u ċjoè: F’Lulju 2024, waqt it-tnedija tal-istrateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-Gvern ħabbar li “fl-aħħar ħames snin, ġew identifikati mal-50 vittma ta’ traffikar uman f’pajjiżna”. Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-vittmi ngħataw restituzzjoni u kumpens mill-Gvern? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-ammont tar-restituzzjoni u kemm kien il-kumpens f’kull każ?
Response (ABELA, ROBERT)
Nerġa nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21487 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u jagħti breakdown ta’ kif tqassmu u ntefqu s-€16-il miljun fuq il-proġett taż-żona l-ġdida għall-kunċerti f’Ta’ Qali? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-invoices u l-irċevuti?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
L-Università ta’ Malta – Master of Social Work – Stipendju
Question
Peress li fil-baġit ta’ sentejn ilu l-Gvern kien ħabbar li l-istipendju tal-istudenti tas-social work kien ser jinbidel minn ‘General’ għal ‘Prescribed’ u allura jiżdied, u fid-dawl tal-fatt li bħalissa l-istudenti tal-kors tal-Master of Social Work (MSW) fl-Università ta’ Malta għadhom qed jingħataw stipendju ‘General’, jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhux qed jirċievu stipendju ‘Prescribed’ bħal sħabhom tal-Bachelor of Arts (Honours) in Social Work? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li l-istipendju tal-Master of Social Work (MSW) jingħata ‘Prescribed’?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li mill-analiżi imwettqa ġie konkluż li l-professjoni tas-Social Work taffaċċja sfidi sinifikattivi biex tatratta individwi lejn din il-professjoni. Għaldaqstant, ġie deċiż li mhux talli l-Master of Social Work offrut mill-Universita` ta’ Malta għandu jiġi elevat minn klassifikazzjoni ta’ stipendju ‘General’ għal dik ‘Prescribed’, imma talli wara studju li sar dan il-kors qed jiġi elevat għal klassifikazzjoni ta’ stipendju ‘High Priority’ b’kuntratt ta’ ‘Working Placement’ ta’ tliet (3) snin.
L-istess arranġament se jkun qed japplika wkoll għall-Bachelor of Arts (Honours) in Social Work offrut mill-Univeristà ta’ Malta u kif ukoll il-kors Bachelor of Arts (Honours) in Social Work offrut mill-MCAST.
Dan ifisser li dawn it-tliet (3) korsijiet qed jiġu elevati għal klassifikazzjoni ta’ ‘High Priority’ b’kuntratt ta’ Working Placement ta’ tliet (3) snin b’effett minn din is-sena akkademika. Din ir-rata ta’ stipendju hija applikabbli biss għal dawk l-istudenti li qed isegwu kors ta’ studju ‘full-time’ u li jagħżlu li jidħlu għal din l-esperjenza.
Jista’ l-Ministru jgħid x’saħħa għandu l-Kummissarju tal-Edukazzjoni li jiddeċiedi fuq l-assenteiżmu meta l-ġenituri mħarrka jiddeċiedu li ma jitilgħux għas-seduta? Jista’ jikkonferma li jekk il-ġenituri ma jitilgħux għas-seduta, ma jiġri xejn u lanqas ikun hemm ordni biex titħallas il-multa? Jekk hu hekk, jista’ jgħid xi pjanijiet hemm biex il-Kummissarju tal-Edukazzjini jkollu iktar saħħa effettiva?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissarju tal-Edukazzjoni jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċju tal-Ombudsman u li dawn huwa uffiċju Indipendenti.