Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21508 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-ġnien tal-Gżira wara sena mis-sentenza tal-appell dwar il-pompa f’dan il-ġnien?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li xi djar tal-anzjani mhux qed iħallu lill-anzjani residenti joħorġu waħedhom anke jekk m’għandhomx problemi ta’ saħħa mentali severa jew dimenzja? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Awtorità għall-Istandards ta’ Persuni Anzjani (OPSA) f’dan ir-rigward u jekk din il-prattika hix aċċettabbli għalih? Jista’ jgħid ukoll jekk din il-pożizzjoni hix ikkomunikata mad-djar tal-anzjani kollha?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat sal-ġurnata li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija ma’ daħal l-ebda rapport f’dan ir-rigward lill-Awtorità għall-Istandards ta’ Persuni Anzjani (OPSA). Fil-linji gwida tagħha l-Awtorità fi ‘Standard 1: Id-Drittijiet tar-Residenti’, l-artikli 4.4 u 4.5 fl- indikaturi ta’ prestazzjoni, jindirizzaw dan id-dritt. Kull Residenza ta’ l-Anzjani li hija liċenzjata għandha d-dmir ukoll li żżomm ‘log book’ ta’ meta resident/a joħroġ/toħroġ u jidħol/tidħol lura. Kull residenza għall-anzjani lliċenzjata mill-OPSA żżomm kopja ta’ dawn il-linji gwida kif ukoll l’istess linji gwida qegħdin fuq il-website ta l-Awtorità.
Filwaqt, li d-djar residenzjali kollha li fihom l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tixtri sodod, l-anzjani huma liberi li joħroġu waħedhom mir-residenza fejn joqgħodu, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ saħħa li, fuq assessjar mill-professjonisti tas-saħħa, jipprojbixxu dan għall-ġid u s-sigurtà tar-resident innifsu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21290, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Epipen għandhiex tkun parti mill-formolarju biex tingħata b’xejn?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21491 fejn jingħad li “Il-ħidma tal-Kunsill għal dik li hija reġistrazzjoni ta’ tobba u dentisti u funzjonijiet oħra ma ġietx affettwata bid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali u għadha għaddejja normali”, jista’ l-Ministru jgħid liema funzjonijiet tal-Kunsill Mediku ġew affettwati bid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-funzjonijiet tal-Kunsill Mediku li ġew affettwati bid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali huma biss dawk relatati ma’ lmenti mressqa u li jkunu jimmeritaw inkjesta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21491 fejn intqal li “s-sentenza li qiegħda ssir referenza għaliha ġiet studjata bir-reqqa u mill-ewwel beda proċess ta’ evalwazzjoni tal-provvedimenti legali li hemm bżonn sabiex tiġi emendata l-liġi li tirregola l-proċess ta’ passi dixxiplinarji li l-Kunsill Mediku u bordijiet oħra jsegwu”, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jispiċċa dan il-proċess ta’ evalwazzjoni u meta ser jiġu implimentati l-passi neċessarji?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-proċess baqa' għaddej biex jinvolvi konsultazzjoni kontinwa mal-Kunsill Mediku u Kunsilli regolatorji oħra fil-qasam tas-saħħa, ma' esperti ta' kompetenza legali u proċedurali, kif ukoll bil-għan li miżuri addizzjonali meħtieġa jkunu nkorporati fl-abbozz sħiħ ta' emendi li mistenni jitressaq quddiem il-Kamra fl-iqsar żmien possibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ħarġu bil-parole f’dawn l-aħħar ħames snin, u jaqsam l-informazzjoni għal kull sena u skont il-ġeneru?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-persuni li ħarġu bil-parole f’dawn l-aħħar ħames snin hu kif ġej:
Fl-2020 ingħataw 15-il liċenzja tal-Parole (3 femminili u 12 maskili)
Fl-2021 ingħataw 23 liċenzja tal-Parole (5 femminili u 18 maskili)
Fl-2022 ingħataw 21 liċenzja tal-Parole (4 femminili u 17 maskili)
Fl-2023 ingħataw 17-il liċenzja tal-Parole (4 femminili u 13 maskili)
Fl-2024 ingħataw 27 liċenzja tal-Parole (2 femminili u 25 maskili)
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed jieħu l-Gvern biex il-provvista tad-dawl tibqa’ stabbli fil-heatwaves tas-sajf 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bħala parti mill-impenn biex inkomplu ntejbu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, Enemalta qed tissokta bl-investiment f’dak li huwa tqegħid ta’ aktar cables ġodda taħt l-art, f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, biex ittejjeb il-kapaċità u l-affidabbiltà tal-provvista fuq skala nazzjonali. Dan l-isforz huwa parti minn viżjoni usa’ biex il-pajjiż ikun imħejji aħjar għal sfidi futuri u jagħmel parti mill-pjan ta’ investiment li nbeda fl-2022 mifrux fuq sitt snin li qed jitwettaq għar-rinfurzar fis-sistema.
Is-sena li għaddiet dan il-pjan ta’ tisħiħ fin-network tad-distribuzzjoni aċċellerajnih fejn b’investiment ta’ €55 miljun, f’sitt xhur tpoġġew 82 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art fuq livell ta’ vultaġġ medju. Dawn ix-xogħlijiet saru b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta. B’investiment apparti ta’ €35 miljun oħra, bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’21 lokalità madwar Malta u Għawdex biex jitpoġġew 60 kilometru ta’ cables oħrajn ġodda u li fl-ewwel xhur ta’ din is-sena diġà tqiegħdu aktar minn nofshom. Dan it-tisħiħ se jkompli jżid ir-reżiljenza fl-infrastruttura elettrika tagħna. Fuq livell ta’ vultaġġ baxx b’kollox inxtegħlu 166 low voltage feeders ġodda li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand il-konsumaturi kif ukoll inbidlu madwar 47 kilometru ta’ linji tal-elettriku fit-toroq.
Dan il-pjan aċċellerat ma kienx biss jinvolvi t-tqegħid ta’ cables ġodda. Enemalta matul is-sena li għaddiet ikkumissjonat 54 substation ġdida f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, waqt li din is-sena diġà ġew ikkummissjonati 23 substation oħra ġdida. In-network tas-substations qiegħed jiġi msaħħaħ ukoll permezz ta’ modernizzar tat-tagħmir f’substations eżistenti. Enemalta għamlet xogħlijiet ta’ tkabbir ta’ transformers f’47 substation eżistenti u biddlet 29 switchgear fejn ġie installat apparat iktar modern, li f’każ ta’ diffikultajiet ikun jista’ jiġi operat mill-kamra tal-kontroll fil-Marsa u tnaqqas il-ħin biex tingħata lura l-provvista.
Fl-2024 Enemalta ħadmet ukoll fuq ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda kif ukoll oħrajn li tkabbret il-kapaċità tagħhom. Sar tkabbir taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni ta’ Buġibba fejn żdied transformer ta’ 30MVA u tkabbar l-iswitchgear biex issaħħet id-distribuzzjoni fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Din is-sena nbeda x-xogħol biex tiġi rduppjata l-kapaċità taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni f’St. Andrews u l-Imsida, kif ukoll biex jiżdiedu żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni oħra, wieħed fin-Naxxar u ieħor fis-Siġġiewi fejn bħalissa għaddej l-iskavar biex jibda l-bini ta’ dawn iċ-ċentri. Għaddej ukoll ix-xogħol b’rabta mal-link ġdid ta’ 132 kilovolt li se jsir bejn it-Terminal fil-Magħtab u ċ-ċentru ta’ distribuzzjoni fil-Mosta bi preparazzjoni għat-tieni interconnector ippjanat jiġi kkummissjonat fl-2026.
Sigurtà Soċjali — Bord tal-Appell - Għajnuna legali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ għajnuna jew rappreżentanza tingħata lill-appellant quddiem il-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali ġaladarba dawn ma jkunux jaffordjaw għajnuna legali u l-aġenzija tal-għajnuna legali ma toffrix assistenza f’dawn il-każijiet? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi assigurat smigħ xieraq quddiem dan il-bord?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-ewwel lok irid jiġi preċiżat li fil-maġġoranza tal-każijiet l-appellanti jkunu legalment assistiti. F’dawk il-każijiet fejn l-appellanti ma jkunux legalment assistiti, l-Arbitru jgħarrafhom dwar il-proċeduri u jtihom l-opportunità sabiex ikollhom ċans jingaġġaw assistenza legali. F’dawk l-istanzi li l-appellanti jibqgħu jirrifjutaw li jingaġġaw rappreżentanza legali, l-Arbitru jispjegalhom b’lingwa sempliċi dak li jkun qiegħed jiġri u jassigura li dawn fehmuh.
Sigurtà Soċjali — Bord tal-Appell – Każijiet deċiżi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqatgħu każijiet mill-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali fl-2024?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt:
Appelli
2024
Appelli
deċiżi
sa Diċembru 2024
264
Appelli
revokati
mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sa Diċembru 2024
153
Appelli
ċeduti
mill-appellanti sa Diċembru 2024
174
Appelli
deżerti/eżawriti/kanċellati
sa Diċembru 2024
113
Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali? Jista’ jgħid ukoll kif jintgħażlu l-membri tal-Bord?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma hemm ebda Bord tal-Appell, iżda hemm biss Arbitru li jkun assistit minn Segretarja. Il-ħatra tal-Arbitru hija rregolata bl-artikolu 107 tal-KAP. 318 tal-Liġijiet ta’ Malta. Tali artikolu jagħti lill-Ministru għal Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal il-poter li jaħtar l-Arbitri għal żmien sena.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l- lista tal-Arbitri hija kif qed tkun preżentata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet ser jieħu l-Gvern biex tiżdied is-sigurtà fejn ikun hemm attivitajiet tal-massa u biex ma jkunx hemm inċidenti bħalma kien hemm f’Ħaż Żabbar nhar it-28 ta’ Diċembru 2024, liema inċident seta’ kellu konsegwenzi ħafna aktar serji?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ġestjoni tas-sigurtà f’postijiet bħalma huma monti, mhix responsabbiltà ta’ Transport Malta.