Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prodotti tal-kannabis li jinbiegħu mill-ħwienet — Regolarizzazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min jirregolarizza l-prodotti tal-kannabis li jinbiegħu mill-ħwienet tal-kannabis li nibtu madwar Malta? Jista’ jgħid ukoll taħt liema regolarizzazzjoni jaqgħu dawn il-ħwienet u x’inhuma r-regolamenti tagħhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi bir-riforma tal-Kannabis tas-sena 2021, l-ARUC kienet inkarigata li tirregola biss assoċjazzjonijiet li joperaw fuq livell ta' mingħajr profitt (not for profit). Għalhekk, dawn il-ħwienet kummerċjali, stante li joperaw fuq livell ta' profitt, ma kienux regolati mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis. Madanakollu, l-Gvern ippropona emendi legali li diġa ġew diskussi u approvati fil-Parlament b'mod unanimu, fejn fost oħrajn l-ARUC ser jkollha l-poteri wkoll li, flimkien ma' entitajiet oħrajn, tirregola wkoll aspetti li jikkonċernaw l-operati ta' dawn il-ħwienet kummerċjali u dan propju sabiex l-għanijiet u l-iskopijiet tar-riforma tal-kannabis verament jintlaħqu u ma jiġi ttollerat l-ebda abbuż.

ARUC — Nefqa fuq kampanji edukattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22405, jista’ l-Prim Ministru jagħti break-down finanzjarju dettaljat ta’ kif intefqet is-somma allokata għall-kampanji ta’ edukazzjoni u għarfien mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) matul l-2023 u l-2024?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li fl-2023, in-nefqa kienet ta ‘€343,854.74 u fl- 2024 in-nefqa kienet ta’ € 404,833,49.

Studenti li ma komplewx l-iskola obbligatorja — Eżenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24314 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21072, fejn ingħad: "Infurmat li t-talbiet kollha għall-eżenzjonijiet jintbagħtu u jiġu approvati mid-DIER. Hekk kif toħroġ l-eżenzjoni jkunu mmarkati bħala eżentati fuq l-MIS. F’każ li l-istudent ikollu diffikultajiet soċjali jsir kuntatt ma’ servizzi jew professjonisti oħra involuti. L-eżenzjonijiet jinħarġu biss għal dawk l-istudenti li jkunu għalqu 15-il sena.", jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu minn dawn l-eżenzjonijiet bejn 2020 u l-2024, maqsuma għal kull sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; Settembru 2020 4 2021 9 2022 10 2023 11 2024 2

Is-suġġett tar-Reliġjon

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24315 u jgħid kemm hemm studenti li qed jagħżlu r-Reliġjon bħala s-suġġett tagħhom minflok l-Etika? X’persentaġġi hemm meta tqabbel iż-żewġ suġġetti? Jista’ jagħti wkoll l-ammonti matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma għal kull sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; Sena Skolastika Studenti li għażlu r-Reliġjon Studenti li għażlu l-Etika 2018/19 23415 2597 2019/20 22570 3835 2020/21 24148 2628 2021/22 23038 3888 2022/23 21068 6609 2023/24 20680 7538 2024/25 20956 7360

Road side stops — Spot checks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru road side stops bejn is-17 u d-19 ta’ Marzu 2025? Jista’ jgħid ukoll fejn saru dawn l-ispot checks, kemm sewwieqa ġew sottomessi għal breathalyser u kemm minn dawn qabżu l-limitu stabbilit mil-liġi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fi tlett ijiem li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant saru 46 road check li kienu mifruxa f’diversi żoni madwar il-pajjiż. M’għandix dubju li l-Onorevoli Interpellant tifhem u taprezza li min ikun qed isuq il-vetturi jagħmel dan biex jivjaġġa minn post għal ieħor u għalhekk l-istrateġija ta’ dawn it-tip ta’ road checks għandha tkun marbuta iktar ma’ żoni milli ma’ lokalitajiet speċifiċi b’mod li jilħqu b’mod iktar effettiv l-iskop tagħhom. F’dawn ir-road checks ġew spezzjonati aktar minn disa’ mitt vettura u saru erba’ breathalyser tests fuq sewwieqa li dwarhom kien hemm suspett raġonevoli li qabżu l-limitu ta’ alkoħol ikkonsmat, kif stabbilit mill-liġi, liema testijiet irriżultaw fil-pożittiv. Matul ix-xahar ta’ Marzu fis-sistema elettronika tal-Pulizija saru total ta’ sittax il-rapport dwar breathalyser test fuq sewwieqa meta kien hemm suspett ta’ konsum eċċessiv ta’ alkoħol, u fi tnax il-każ ir-riżultat kien pożittiv. Dan sar waqt total ta’ tlett mija u tlieta u tletin (333) road check li saru fl-istess xahar madwar dawn il-gżejjer, fejn fihom ġew spezzjonati mijiet ta’ vetturi.

ARUC — Assoċjazzjonijiet irreġistrati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hawn assoċjazzjonijiet li jikkultivaw il-kannabis irreġistrati mal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC)?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm 26 assoċjazzjoni reġistrati mal-ARUC, li minnhom 19 ingħataw liċenzja operattiva sabiex ikunu jistgħu jikkultivaw il-kannabis. Is-seba' assoċjazzjonijiet l-oħra għadhom fi stadju ta' liċenzja fil-prinċipju u għalhekk qed iħejju l-operat tagħhom qabel ma jingħataw liċenzja operattiva.

ARUC — Impjegati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm għandha impjegati l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) u x’inhi d-designation (job description) ta’ kull impjegat?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm sitt persuni impjegati ma din l-Awtorità msemmija. Sadanitant bħalissa għaddej il-proċess ta’ ingaġġ għall-aktar inspectors u manager (corporate).

Tibdil fil-bus shelters minħabba x-xemx

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21257 u 23180 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika rispettivament u jgħid kemm hawn bus shelters f’Malta li għandhom soqfa tal-perspex trasparenti? Peress li dawn is-soqfa huma trasparenti, x’tip ta’ kenn jistgħu jagħtu lill-passiġġieri li jkunu qed jistennew fil-qilla tax-xemx? Hemm xi pjan biex is-soqfa ta’ dawn il-bus shelters jinbidlu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dina d-domanda trid tiġi rivolta lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, li naturalment tgawdi awtonomija vis-a-vis il-politiku.

Public Social Partnership Agreements

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24262 u jgħid kemm kienu l-ammonti mogħtija lil kull NGO għal Public Social Partnership Agreements fl-2024?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-somma ivvotata għal Public Social Partnerships fl-2024 kienet tammonta għal €12-il miljun, liema somma kienet użata kollha. L-ammonti mogħtija lil kull NGO individwalment hija informazzjoni sensittiva.

MCAST — Wellness Hub - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24287 u jgħid x'inhi l-lista ta’ stennija tas-servizzi msemmija hawn taħt fi ħdan il-Wellness Hub fl-MCAST: a) Therapy; b) Addiction-related issues; ċ) Mental Health Services; d) Educational Psychology; e) Nutrition; f) Sexual Health Clinic; u g) Tobacco Cessation Support?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li bħalissa hemm 7 individwi li qed jistennew servizz ta’ Therapy u 46 individwu/a li qed jistenna s-servizz ta Educational Pyschologist.

MCAST — Wellness Hub - Referrals

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24288 u jgħid x'inhi l-iktar data antika ta' referral jew self-referral li għadhom pendenti għas-servizzi msemmija hawn taħt fi ħdan il-Wellness Hub fl-MCAST: a) Therapy b) Addiction-related issues; ċ) Mental Health Services; d) Educational Psychology; e) Nutrition; f) Sexual Health Clinic; u g) Tobacco Cessation Support?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 27114.

Domestic Violence Shelter — Irġiel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24276 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid jekk jeżistix domestic violence shelter għall-irġiel? X’arranġamenti hemm biex persuna maskili jkollha xelter sikur f’każ ta’ periklu għalih innifsu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li xelter speċifiku għal irġiel vittmi ta’ vjolenza domestika ma jeżistix. Dan fid-dawl li n-numru ta’ każijiet huwa ftit. Irġiel vittmi ta’ vjolenza domestika jagħmlu użu minn xelters u protezzjoni bħal kull vittma oħra. Il-protezzjoni u s-sigurtà f’każijiet ta’ vjolenza domestika tmur lil hinn mill-ġeneru iżda tiffoka fuq il-bżonnijiet li l-vittma jkun jeħtieġ.

Pensjoni volontarja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24264 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jgħid kif ser tkun qed taħdem eżattament il-pensjoni volontarja mħabbra fil-baġit? Jista’ jgħid ukoll jekk il-flus li jinġabru hux ser jintefgħu f’fond apposta u jiġu investiti jew jekk hux ser jintużaw mill-Gvern għal spejjeż rikorrenti? Jekk hu l-każ tal-aħħar, il-Gvern kif ser jassigura li s-sistema ser tkun sostenibbli?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi d-dettalji ta’ din l-inizjattiva ser jitħabbru fil-mument opportun.

Gender Clinic

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21493 fejn intqal li: “Għar-rigward il-gender-affirming surgery, nitlob lill-Onor. Interpellant biex tispeċifika għal-liema tip ta’ surgery qed tirreferi”, jista’ l-Ministru jiċċara x’tip ta’ gender-affirming surgeries hawn disponibbli u kemm minn dawn saru f’Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li sa issa qed noffru kirurġija marbuta mas-sider (mastektomija jew proċeduta tat-tkabbir tas-sider), orkidektomija u isterektomija. Il-pazjenti kollha jiġu assessjati minn tim multi-dixxiplinarju qabel jibdew il-proċeduri. Ninsab infurmat li saru dawn il-proċeduri: orkidektomija (tliet persuni), isterektomija (persun a waħda); mastektomija (13-il persuna).

Il-Gżira — Ġnien

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21508 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-ġnien tal-Gżira wara sena mis-sentenza tal-appell dwar il-pompa f’dan il-ġnien?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Educational psychologist — Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24258 u jgħid kemm hemm tfal li għadhom qed jistennew l-assessment tal-educational psychologist? Jista’ jgħid ukoll x’inhi d-data tal-iktar referral antika bħalissa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-proċess hu wieħed kontinwu u rigoruż.

Statementing Board — Lista ta’ stennija għall-assessjar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24259 u jgħid kemm hemm tfal li għadhom qed jistennew l-assessment tal-Istatementing Board? Jista’ jgħid ukoll x’inhi d-data tal-iktar applikazzjoni antika bħalissa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-proċess hu wieħed kontinwu u rigoruż.

Professjoni tal-hypnotherapy

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24260 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u għid jekk il-professjoni tal-hypnotherapy hijiex regolata f’Malta? Jekk le, jista’ jgħid għaliex le, u xi pjanijiet għandu l-Gvern biex jirregola din il-professjoni li titratta persuni vulnerabbli fi stat ta’ terapija fejn ikunu vulnerabbli ħafna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Public Social Partnership

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24261 u jgħid kemm hi l-ispiża tal-Gvern fuq Public Social Partnership?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-somma vvotata fil-budget ta’ din is-sena (2025) għal Public Social Partnerships hija dik ta’ €13.55 il-miljun.