Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tfal imwielda Malta minn ġenituri ta’ pajjiżi terzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn tfal minn ġenituri ta’ pajjiżi terzi li twieldu f’Malta? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi terzi ġejjin dawn it-tfal u li bħalissa qegħdin hawn Malta u jaqsam din l-informazzjoni b’numri u persentaġġi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onor. Interpellant għandha tirreferi din id-domanda lill-Ministru konċernat.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Solitary confinement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ntużat is-solitary confinement fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi hekk kif mibnija l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ma tipprovdix għal post fejn persuna tkun b'mod solitarju mingħajr aċċess u ebda kuntatt ma’ persuni oħra. Madankollu l-ħabs jipprovdi għal sezzjonijiet li huma meqjusa aktar siguri u sezzjonijiet fejn l-aċċess għal kuntatt ma’ persuni oħra huwa aktar limitat.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Solitary confinement - Priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri li ntbagħtu fis-solitary confinement fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27304.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri li ntbagħtu fis-solitary confinement fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba ordni tal-qorti (fis-sentenza mogħtija mill-istess priġunier) fl-2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27304.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Kariga ta’ Kummissarju għall-benesseri tar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nħolqot il-kariga ta’ Kummissarju għall-Benesseri tar-Residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi sussidjarja illi ħolqot il-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien u Żvilupp tal-priġunieri kienet f’Diċembru tas-sena 2021 u kienet waħda mid-diversi riformi li saru fl-aħħar snin fis-sistema karċerarja ta' pajjiżna li ġiet riformata minn sitwazzjoni ta' bla ordni u ħabs mimli droga, għal ħabs ordnat b'tentattiv ġenwin ta' riabilitazzjoni. Permezz tagħha rajna li tiżdied il-kontabbiltà anke billi priġunieri jkollhom punt ta’ referenza indipendenti mit-tmexxija tal-Faċilità li jistgħu jitkellmu magħha u jressqu ċertu talbiet jew ilmenti. Il-liġi tipprovdi wkoll mekkaniżmi importanti.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Uffiċċju tal-Kummissarju għall-benesseri tar-residenti - Rapporti annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti annwali maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Benesseri tar-Residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport annwali tal-Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri se jiġi konkluż u mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Imsida — Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha magħluqa l-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien dan il-Gvern li beda u qiegħed iwettaq proġett ta’ rinovar fl-għases li tħallew fi stat ta’ abbandun għal snin twal, bl-għases lanqas kellhom dak li huwa bażiku biex joperaw. L-Imsida hija waħda minn dawn l-għases li fuqhom għaddej ix-xogħol, li ninsab infurmat li nbeda fl-aħħar ġimgħat tas-sena 2023.

Għassa ta’ Tas-Sliema — Pulizija

Question

Bħala lokalità li tilqa’ ħafna turisti u li fiha hemm ukoll moviment kbir kummerċjali u ta’ divertiment, jista’ l-Ministru jgħid kemm ikun hemm pulizija assenjati fl-Għassa ta’ Tas-Sliema matul ix-xhur tas-sajf?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kif ingħad fil-mistoqsija, l-lokalità ta’ tas-Sliema tilqa’ ħafna turisti u jkun hemm moviment pjuttost kbir kummerċjali u ta’ divertiment. Għal din ir-raġuni jiġi assigurat illi r-riżorsi ta’ uffiċjali tal-Pulizija assenjati fl-Għassa ta’ din il-lokalità matul ix-xhur tas-sajf, kif ukoll fix-xhur kollha tas-sena, dejjem jkunu biżżejjed biex ikopru l-attivitajiet relatati. Dawn jiġu msaħħa abbażi ta’ analiżi li ssir regolarment biex ikun iddeterminat l-ammont ta’ uffiċjali ta’ Pulizija meħtieġa speċjalment f’żoni, perjodi u ħinijiet differenti fil- lokalità. Uffiċjali mit-taqsima tal-Pulizija tal-Komunità li wkoll joperaw tas-Sliema jassistu lill-Pulizija mill-Għassa tad-Distrett ta’ tas-Sliema. Dan minnbarra s-soltu rondi minn uffiċjali b’vettura tal-RIU, rondi mit-Taqsima tal-Klieb u dawk tal-Kavallerija, riżorsi addizzjonali jiġu kkunsidrati u assenjati jekk ikun hemm ħtieġa, biex jiġu ndirizzati ir-rekwiżiti kollha f’din il-lokalità.

Għassa tal-Gżira — Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija assenjati fl-Għassa tal-Gżira?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ Pulizija li jkunu assenjati fi kwalunkwe għassa jkun determinat skont il-ħtiġijiet tal-lokal. Illum il-ħidma tal-Pulizija m’għadhiex biss mill-għassa imma llum il-Pulizija ssibhom fejn taħdem, fejn tgħix u fejn tiddeverti. Fil-fatt, apparti l-minimu ta’ uffiċjali għal kull xift fl-Għassa, li jiżdied b’uffiċjal ieħor għal kull xift, il-lokal igawdi wkoll mis-servizz ta’ tliet Pulizija tal-Komunità. Dan filwaqt li jsiru rondi regolari mill-uffiċjali tal-RIU.

Private jet — Żjarat u skopijiet uffiċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ntuża l-private jet għal skopijiet/żjarat uffiċjali fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm ġiet tiswa l-ispiża totali biex jintuża l-private jet għal skopijiet uffiċjali fl-2024?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta niġu għas-safar uffiċjali, l-ewwel preferenza dejjem tkun fuq titjira kummerċjali. Iżda minħabba restrizzjonijiet fil-ħinijiet, nuqqas ta’ flessibbiltà u skedi ristretti ħafna, ikun hemm istanzi fejn isir użu minn jet privat. Matul l-2024 kien hemm 12-il safra li għar-raġunijiet imsemmija saru titjiriet minn jet privat.

Il-Bajja ta’ San Ġiljan — Tniġġis tad-drenaġġ - Prekawzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi prekawzjonijiet qiegħed jieħu l-Gvern biex ma jerġax ikun hemm tniġġis tad-drenaġġ fl-ibħra tal-Bajja ta’ San Ġiljan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba fuq l-istess materja li tajt għall-mistoqsija parlamentari 20818, fejn kont spjegajt li l-problema inkwistjoni ma kinitx relatata ma’ nuqqasijiet fl-infrastruttura tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Nirreferiha wkoll għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21893 fejn anke fil-każ tal-Bajja tal-Balluta kien ġie determinat li l-kawża wkoll ma kenitx relatata mal-infrastruttura tal-Korporazzjoni. Apparti l-investiment li sar fl-aħħar snin u li għadu qed isir għat-tisħiħ u modernizzar tan-netwerk tal-ilma u tad-drenaġġ madwar il-pajjiż, li wkoll spjegajtu fid-dettall fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20818, inżid li l-Korporazzjoni twettaq testijiet u manutenzjoni regolari tas-sistemi tagħha biex jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.

Għassa ta’ San Ġiljan — Pulizija

Question

Bħala lokalità li tilqa’ ħafna turisti u li fiha hemm ukoll moviment kbir kummerċjali u ta’ divertiment, jista’ l-Ministru jgħid kemm ikun hemm pulizija assenjati fl-Għassa ta’ San Ġiljan matul ix-xhur tas-sajf?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qatt daqs illum ma kellna preżenza f’Malta ta’ Pulizija fil-komunità. Mhux biss il-lokalitajiet kollha tal-pajjiż huma koperti mill-preżenza tal-Pulizija tal-komunità imma wkoll mill-Pulizija tad-Distrett, tar-Rapid Intervention Unit li jagħmlu rondi kontinwi, mill-Kavallerija tal-Korp, mit-taqsima tal-klieb u għalhekk jikkumplimentaw il-ħidma li qed issir fl-għases. Ninsab infurmat ukoll li fl-Għassa ta’ San Ġiljan matul ix-xhur tas-sajf, kif ukoll fix-xhur kollha tas-sena, dejjem jkunu msaħħa u miżjuda fil-perjodi u ħinijiet meta l-attivitajiet jiżdiedu. Din iż-żieda kienet u tibqa’ tiġi ibbażata fuq analiżi effikaċi li ssir regolarment biex ikun iddeterminat l-ammont ta’ uffiċjali ta’ Pulizija meħtieġa għal skop ta’ ordni pubblika, skond l-istaġun, il-jiem ta’ matul il-ġimgħa u attivitajiet speċifiċi oħra. Infakkar ukoll li dan il-Gvern ser ikun introduċa wkoll sistema ta’ CCTV f'lokalitajiet differenti li jfisser li dawn iż-żoni ser ikunu sorveljati 24 siegħa kuljum, fosthom, f'Paceville bil-lest għas-Sajf.

Il-Gżira — Permessi pendenti għall-iżvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm permessi pendenti għall-iżvilupp fil-Gżira?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-5 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità tal-Ippjanar kellha quddiema 84 applikazzjoni għal żvilupp pendenti fil-lokalità tal-Gżira. L-istess figuri jinkludu l-permessi għal kull tip ta’ applikazzjoni, sew għal-binjiet ġodda kif ukoll applikazzjonijiet għal tibdil jew tnaqqis jew żidiet għal binjiet eżistenti jew bdil fl-użu ta’ strutturi eżistenti; u jinkludu applikazzjonijiet għal permessi sħaħ ( Full ), permessi dwar il-mertu ( Outline ), li permezz tagħhom ma jista’ jsir ebda żvilupp, kif ukoll permessi għal tiġdid ( Renewal ).

L-Imsida — Permessi pendenti għall-iżvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm permessi pendenti għall-iżvilupp fl-Imsida?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-5 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità tal-Ippjanar kellha quddiema 105 applikazzjoni għal żvilupp pendenti fil-lokalità tal-Imsida. L-istess figuri jinkludu l-permessi għal kull tip ta’ applikazzjoni, sew għal-binjiet ġodda kif ukoll applikazzjonijiet għal tibdil jew tnaqqis jew żidiet għal binjiet eżistenti jew bdil fl-użu ta’ strutturi eżistenti; u jinkludu applikazzjonijiet għal permessi sħaħ ( Full ), permessi dwar il-mertu ( Outline ), li permezz tagħhom ma jista’ jsir ebda żvilupp, kif ukoll permessi għal tiġdid ( Renewal ).