Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qtugħ tas-servizz tad-dawl u l-ilma

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 21297, 21298, 21300 u 23058 dwar qtugħ / waqfien tas-servizz tad-dawl u l-ilma, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan biex flimkien ma’ ministeri oħra, isir eżerċizzju ta’ profil tal-persuni li bħalissa jinsabu bla provvista ta’ dawl u ilma? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern għandux pjan biex jindirizza din il-problema inkwetanti b’mod ħolistiku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif diġà spjegajt fit-tweġibiet li tajt lill-Onor. Interpellanta għall-mistoqsijiet parlamentari li qed tagħmel referenza għalihom partikularment 23058, apparti li l-ARMS toffri l-possibbiltà li jsir arranġament ta’ ħlas li jkun adattat għall-klijent li ma jkunx f’pożizzjoni li jissetilja l-pendenzi li jkollu f’daqqa biex iħallashom b’rati mensili, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal permezz tal-iskema Benefiċċju tal-Enerġija diġà joffri għajnuna fil-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma lill-familji bi dħul baxx jew li jkollhom każ soċjali. B’żieda ma’ dan nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25371. Infakkar ukoll li fi Frar li għadda l-ARMS u l-Awtorità tad-Djar iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni li jiffaċilita l-qsim tal-informazzjoni u statistika bejn iż-żewġ entitajiet. Dan ser jgħin biex l-Awtorità tad-Djar tkompli timplimenta miżuri li jgħinu lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tal-Istat.

Reġjun Port — Ġbir ta’ skart - Ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ilmenti mal-kunsilli lokali dwar nuqqasijiet fil-ġbir tal-iskart fir-Reġjun Port fis-sena 2024? Tista’ taqsam din l-informazzjoni għal kull lokalità tal-istess reġjun?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Reġjun Majjistral — Ġbir ta’ skart - Ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ilmenti mal-kunsilli lokali dwar nuqqasijiet fil-ġbir tal-iskart fir-Reġjun Majjistral fis-sena 2024? Tista’ taqsam din l-informazzjoni għal kull lokalità tal-istess reġjun?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Gender Clinic — Psikjatra

Question

Jista’ l-Ministru jiċċara jekk instabx psikjatra biex jaħdem fil-Gender Clinic? Jekk le, jista’ jispjega fid-dettall x’miżuri qed jittieħdu biex din il-problema tissolva mill-aktar fis possibbli?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-kuntratt għas-servizzi psikjatriċi fil-Gender Wellbeing Clinic ġie approvat. Il-clinical sessions mistennija jibdew f’Lulju. L-appuntamenti mistennija jibdew jiġu mibgħuta dalwaqt.

Il-Qorti Marzjali — Kawżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kawżi quddiem il-qorti marzjali mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Il-Qorti Marzjali — Każijiet maqtugħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqatgħu każijiet quddiem il-Qorti Marzjali mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Il-Qorti Marzjali — Akkużi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’mod ġenerali fuq xiex kienu l-akkużi fil-Qorti Marzjali mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Formolarju tal-Mediċini għas-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali li ma kenux koperti bil-formolarju tal-mediċini u issa se jkunu koperti? Liema huma l-mediċini li ma kenux fil-formolarju u issa ser jiddaħħlu? Jista’ l-Ministru jispjega u jagħti dettalji dwar dak li qal hu stess li kemm speċjalisti, kif ukoll tobba tal-familja (GPs) ser ikollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa mentali?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ mediċini li qabel ma kienux fil-formolarju tal-Gvern imma li ddaħħlu matul il-perjodu 2024 u 2025. Ninsab infurmat ukoll illi fil-preżent, hemm ukoll diversi mediċini oħrajn li qegħdin fi stadji varji tal-proċess sabiex jiddaħħlu fil-formolarju imsemmi. Fir-rigward ta speċjalisti tal-mediċina tal-familja (Specialists in Family Medicine) li jaħdmu kemm fis-Servizz Pubbliku, kif ukoll fis-settur privat, ninforma lill-Onor Interpellant li dawn issa jistgħu japplikaw għall- intitolament tal-Iskeda V għal mediċini relatati ma' Disturbi Kroniċi fil-Burdata (Chronic Mood Disorders) u Disturbi NewrotiċiKroniċi (Chronic Neurotic Disorders) skont il-Formularju tal-Outpatients. Fir-rigward tal-Konsulenti tal-Psikjatrija, dawn jistgħu japplikaw għal dokumenti ta' intitolament tal-Iskeda V għall-mediċini kollha u l-kundizzjonijiet kollha relatati mal-Psikjatrija skont il-Formularju tal-Outpatients.

Home Help — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom l-applikazzjoni tagħhom għas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) li għadha pendenti u għadhom qed jistennew biex jingħatalhom is-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li bħalissa qed jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help), li daħlu matul ix-xahar ta’ Mejju ta’ din is-sena, u hemm 85 applikazzjoni jistennew li jingħatalhom is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help).

Home Help — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data tal-aktar applikazzjoni li ilha pendenti għas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li applikazzjoni tkun pendent għal perjodu ta’ żmien minħabba li ġeneralment ikollhom problemi loġistiċi marbuta magħhom jew it-talbiet mill-klijenti jkunu speċifiċi (bħal meta l-klijent jitlob li l-helper ikun ta’ ġeneru speċifiku, jew li jitkellem b’lingwa speċifika biss jew inkella li jkun disponibbli f’ġranet jew ħinijiet speċifiċi jew inkella meta l-klijent ikun joqgħod f’limiti ta’ villaġġ u jkun hemm bżonn li l-helper ikollu wkoll karozza. Ġejt infurmat li filwaqt li fil-preżent qed jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar li daħlu matul ix-xahar ta’ Mejju 2025, l-aktar applikazzjoni li tmur lura hija datata għal Ottubru 2024.

Home Help — Servizz imnaqqas jew interrott

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li s-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) tnaqqsilhom jew ġie interrott?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li sal-lum hemm 52 anzjani li għandhom is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) interrott. Is-servizz jiġi interrott f’każijiet meta l-helper tirriżenja jew tidħol f’perjodu ta’ waqfien, ikun hemm bżonn ta’ tibdil tal-helper, jew meta l-klijent ma jkunx disponibbli biex jirċievi s-servizz, bħal pereżempju f’każ ta’ rikoverat/a fl-isptar. Minn Jannar 2025 sal-lum, kien hemm ukoll 3 każijiet fejn is-servizz kien imnaqqas; dawn irriżultaw minn sitwazzjonijiet fejn persuni indipendenti jgħixu fir-residenza mal-klijenti jew meta anzjan dipendenti minn koppja ddaħħal f’dar residenzjali għall-anzjani.

GU Clinics

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta fetħu l-GU Clinics fil-komunitajiet ta’ Marsaxlokk, il-Mellieħa u Għawdex? Jekk għadhom ma fetħux, meta ser jiftħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-GU Clinic ta’ Marsaxlokk infetħet fl-14 ta’ Novembru 2023, dik tal-Mellieħa infetħet fis-16 ta’ Novembru 2023 u dik f’Għawdex infetħet fid-9 ta’ Diċembru 2023.

Settur tas-Saħħa — Ħaddiema ma’ kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-ħaddiema li huma minn pajjiżi terzi u li qed jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa, huma ħaddiema ma’ kuntrattur?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fil-kuntratti, jissemma’ in-numru ta’ sigħat meħtieġa u mhux kemm hemm bżonn ħaddiema. Għaldaqstant, in-numru ta’ ħaddiema jista’ jvarja skont is-sigħat kull ħaddiem ikun qed jaħdem.

Settur tas-Saħħa — Ħaddiema minn pajjiżi terzi direttament ingaġġati mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid (f’numri u persentaġġi) kemm hemm ħaddiema minn pajjiżi terzi rġiel, nisa jew ta’ ġeneru ieħor li qed jaħdmu fis-servizz tas-saħħa pubblika f’Malta u li huma direttament ingaġġati mal-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 675 ħaddiem minn pajjiżi terzi ingaġġati direttament mal-gvern, li minnhom hemm 441 mara u 234 raġel.

Settur tas-Saħħa — Ħaddiema minn pajjiżi terzi direttament ingaġġati mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid (f’numri u persentaġġi) minn liema pajjiżi ġejjin il-persuni minn pajjiżi terzi li qed jaħdmu fis-servizz tas-saħħa pubblika f’Malta u li huma direttament ingaġġati mal-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Shelters għal persuni bi problema ta’ droga

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11029 datata 31/10/2023, peress li x-shelters għall-persuni homeless bħalissa ma jaċċettawx persuni li huma homeless bi problema attiva ta’ sustanzi u li mhumiex lesti li jagħmlu xi tip ta’ programm ta’ riabilitazzjoni, u li ma jimmeritawx ammissjoni volontarja jew involontarja fl-Isptar Mount Carmel, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjan biex ikun hemm shelter li jaċċetta dawn il-persuni? Jekk hemm pjanijiet għal dan, jista’ jgħid fiex waslu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.