Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm karozzi tal-linja li m’għaddewx mill-VRT fis-sena 2024?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-karozzi tal-linja li jintużaw għas-servizz tat-trasport pubbliku huma propjetà ta’ kumpanija privata u għaldaqstant tali informazzjoni mhix fil-pussess tal-Awtorità. Ninfurmaha wkoll li kull karozza tal-linja li tintuża għas-servizz pubbliku trid tkun għaddiet mit-test tal-VRT qabel ma tiġi mġedda l-liċenzja tagħha.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-frekwenza ta’ manutenzjoni u tindif minn barra u minn ġewwa tal-karozzi tal-linja?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-manutenzjoni fuq il-karozzi tal-linja kollha ssir mill-inqas kull ħamsa u tletin (35) ġurnata. Din tinkludi:
§ spezzjoni komprensiva kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra tal-karozzi tal-linja;
§ tibdil taż-żejt u tal-filtri;
§ kull tiswija oħra li tkun meħtieġa skont skeda stabbilita;
§ spezzjonijiet ta’ kuljum fid-depots tal-Marsa, il-Furjana, Buġibba, Ċirkewwa u Għawdex, fejn jiġu vverifikati l-livelli taż-żejt u tal-coolant, kif ukoll jekk hemmx il-bżonn ta’ manutenzjoni immedjata.
It-tindif tal-karozzi tal-linja jsir matul il-lejl. It-tindif minn barra jsir kull jumejn, filwaqt li t-tindif minn ġewwa jsir kuljum. Matul il-ġurnata jsir ukoll tindif fuq bażi ‘on-call’ jekk ikun meħtieġ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi li għandhom liċenzja jew permess biex jużaw id-dawl l-ikħal (Blue Lights)? Jista’ jagħti l-figuri skont id-dipartiment (eż. Pulizija, armata, LESA, CSA, saħħa, eċċ.)?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta għandha 12-il vettura li jistgħu jużaw id-dawl l-ikħal (Blue Lights).
Għal informazzjoni dwar dipartimenti oħra, nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn latrini pubbliċi? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom huma miftuħa għall-pubbliku b’mod frekwenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16135, ninfurmaha li dawn il-latrini jkunu miftuħin għall-pubbliku kuljum, mis-7 ta’ filgħodu sas-7 ta’ filgħaxija.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm latrini pubbliċi li għandhom bżonn jiġu rranġati biex jilħqu l-istandards mistennija llum?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni għandha sezzjoni ta’ ħaddiema apposta li b’mod regolari jagħmlu manutenzjoni fil-latrini pubbliċi li huma fir-responsabbiltà tagħha biex ikun assigurat li dawn jinżammu fi stat tajjeb. Hija sfortuna u ħaġa kundannabbli li l-ħidma mwettqa mid-Diviżjoni, biex tara li l-latrini jinżammu fl-aħjar kundizzjoni possibbli, spiss tkun imxekkla minn vandaliżmu li jsir fihom. Minkejja dan, malli jkun rappurtat xi att vandalu dejjem tittieħed azzjoni immedjata biex kwalunkwe ħsara li ssir tiġi rimedjata minnufih.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-frekwenza tar-rotot 90, 91, 92, 93 u 94?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-frekwenza tar-rotot 90, 91, 92, 93 u 94 fiż-żminijiet ikkunsidrati bħala “peak” hija kif indikata fit-tabella segwenti.
Rotta
Vjaġġi/i fis-Siegħa
Frekwenza
90
4
15-il minuta
91
5
12-il minuta
92
2
30 minuta
93
1
60 minuta
94
2
30 minuta
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-frekwenza tar-rotot hix determinata mir-regolatur jew mill-fornitur tas-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-frekwenza tar-rotot hija determinata mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta li tieħu in konsiderazzjoni l-esiġenzi tal-lokalitajiet minn fejn tgħaddi r-rotta partikolari.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ilmenti dwar is-servizz jiġux milqugħa mir-regolatur jew mill-fornitur tas-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kwalunkwe ilment relatat mas-servizz tat-trasport pubbliku jista’ jiġi ppreżentat kemm għand l-Operatur li jipprovdi s-servizz kif ukoll għand l-Awtorità għat-Trasport f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti dwar is-servizz tat-trasport pubbliku fis-sena 2024 u kemm minnhom ġew riżolti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2024 Transport Malta irċeviet total ta’ 3814 bejn suġġerimenti u ilmenti. Dawn waslu għand l-Awtorità permezz ta’ telefonati, emails u media soċjali. It-telefonati ġew imwieġba mill-aġenti tal-Awtorità ġewwa l-Call Centre, filwaqt li komunikazzjonijiet li waslu permezz ta’ email/media soċjali, ġew imwieġba bil-miktub (mhux risposta / irċevuta awtomatika).
Infurmat li 81.5% ta’ dawn l-ilmenti ġew magħluqa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-klijenti li jagħmlu l-ilment dwar is-servizz tat-trasport pubbliku jingħatawx feedback bil-miktub (mhux risposta / rċevuta awtomatika) fuq l-ilment li jkunu għamlu?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi tal-linja li ilhom jagħtu servizz kif ġej:
i. 0 – sentejn;
ii. 3 snin – 5 snin;
iii. 6 snin – 10 snin;
iv. 11-il sena – 15-il sena; u
v. 16-il sena u aktar?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill Onor. Interpellant illi bħalissa hemm ħames mija u sitt (506) karozzi tal-linja li qed joperaw fis-servizz tat-trasport pubbliku. L-età tagħhom huwa kif ġej:
i. Bejn 0 u 2 snin – 40
ii. Bejn 3 u 5 snin – 104
iii. Bejn 6 u 10 snin – 249
iv. Bejn 11 u 15-il sena – 113
v. Ma hemm l-ebda karozza tal-linja li taqbeż il-15-il sena.
Numru sostanzjali ta’ karozzi tal-linja li għandhom bejn 11 u 15-il sena ser jiġu sostitwiti b’karozzi tal-linja ġodda fil-ġimgħat li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ilmenti mal-kunsilli lokali dwar nuqqasijiet fil-ġbir tal-iskart fir-Reġjun Punent fis-sena 2024? Tista’ taqsam din l-informazzjoni għal kull lokalità tal-istess reġjun?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpallanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ilmenti mal-kunsilli lokali dwar nuqqasijiet fil-ġbir tal-iskart fir-Reġjun Ilvant fis-sena 2024? Tista’ taqsam din l-informazzjoni għal kull lokalità tal-istess reġjun?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpallanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ilmenti mal-kunsilli lokali dwar nuqqasijiet fil-ġbir tal-iskart fir-Reġjun Nofsinhar fis-sena 2024? Tista’ taqsam din l-informazzjoni għal kull lokalità tal-istess reġjun?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpallanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti mal-kunsilli lokali dwar nuqqasijiet fil-ġbir tal-iskart fir-Reġjun t’Għawdex fis-sena 2024? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni għal kull lokalità tal-istess reġjun?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għadhom qed jistennew li jgħaddu ġuri?
Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn ilhom jistennew:
• Sitt xhur;
• Sena;
• Sentejn; jew
• Ħames snin u iktar?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-31 ta’ Mejju 2025, l-ammont ta’ persuni li għadhom qed jistennew sabiex jgħaddu ġuri huma ta’ mitejn u sitta (206). It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tindika kemm ilhom jistennew sabiex jgħaddu ġuri dawn il-persuni. Inżid ukoll li fl-aħħar xhur sar investiment fil-binja prinċipali tal-Qorti, fejn żdiedet awla ġdida attrezzata sabiex isiru l-ġurijiet fiha. Fil-fatt fl-aħħar ġimgħat diġà saru 3 ġurijiet fiha, fl-istess waqt li kien għaddej ġuri ieħor.
Jista’ l-Ministru jgħid għal-liema raġuni r-rotta 91 titlaq dejjem mimlija minn Marsaskala bir-riżultat li n-nies ta’ Ħaż-Żabbar, u wisq iktar tal-Fgura, mhux qed jinqdew sewwa u bosta drabi jibqgħu l-art?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm sitt rotot differenti li, bejniethom, jipprovdu total ta’ sittax-il vjaġġ fis-siegħa fiż-żminijiet ikkunsidrati bħala “peak” bejn il-lokalità tal-Fgura u l-Belt Valletta. Min-naħa l-oħra, minn Ħaż-Żabbar, hemm ħames rotot li joffru total ta’ erbatax-il vjaġġ fis-siegħa.
Wieħed għandu jinnota illi fix-xhur li għaddew, ir-rotta 90, li tgħaqqad lil Ħaż-Żabbar u l-Fgura mal-Belt Valletta, rat kemm żieda fil-frekwenza kif ukoll estensjoni tal-ħinijiet tal-operat. Dawn il-miżuri ġew introdotti sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tas-servizz, b’mod partikolari f’dawn iż-żewġ lokalitajiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni f’Malta li ma jaħdmux full-time imma għandhom iktar minn impjieg wieħed part-time? Jista’ jagħti t-total skont il-ġeneru?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ħaddiema b’iktar minn impjieg wieħed part-time — Ħlas ta’ taxxa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika jew il-prassi dwar il-ħlasijiet tat-taxxa għal dawk il-persuni li ma jaħdmux full-time imma għandhom iktar minn impjieg wieħed part-time u li fil-fatt ikunu qed jaħdmu 40 siegħa fil-ġimgħa jew viċin? Jista’ jgħid ukoll x’alternattivi għandhom dawn il-persuni biex iħallsu t-taxxa b’mod regolari?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income jipprovdi rata ta’ taxxa ta’ 10% fuq xogħol part-time jekk il-persuna konċernata għandha wkoll impjieg full-time jew hi pensjonanta jew qed tistudja full-time. Din ir-rata tapplika wkoll f’każ ta’ persuna li għandha biss xogħol part-time jekk din tkun miżżewġa u l-konjuġi tagħha għandu/għandha xogħol full-time jew pensjoni jew qed tistudja full-time. Fejn dan li semmejna ma japplikax, il-liġi tipprovdi li d-dħul mix-xogħol part-time jiġi ntaxxat bir-rati normali tat-taxxa.
Fejn il-persuna tikkwalifika kif semmejna, ir-rata ta’ 10% tapplika fuq id-dħul mix-xogħlijiet part-time kollha li għandha, iżda sa massimu totali ta’ €10,000 f’każ ta’ impjiegi u €12,000 f’każ ta’ self-employment. Fejn id-dħul jeċċedi dan il-massimu, id-differenza tiżdied mad-dħul l-ieħor tagħha biex tiġi ntaxxata bir-rati normali.