Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità – Servizz ta’ Handyman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-Handyman Service tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC)? Jista’ jgħid ukoll kemm saru sejħiet għall-għajnuna mill-Handyman Service mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li n-numru ta’ ħaddiema li hemm fil- Handyman Service huwa 12, inklużi 3 li jagħmlu xogħol t’amministrazzjoni tas-sezzjoni. L-informazzjoni dwar l-ammont ta’ xogħlijiet li għalihom saru sejħiet mill 2020, sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Blue Lights fuq vetturi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27365, jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-awtorità kompetenti f’Malta biex tagħti permess lil sid ta’ vettura biex juża l-blue lights? Jekk din l-awtorità hija Transport Malta, jista’ allura jagħti rendikont tal-vetturi li għandhom permess biex jużaw il-blue lights f’Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-regolament 83 tal-Leġizlazzjoi Sussisdjarja 65.11, ninfurmaha li l-awtorità kompetenti f’Malta biex tagħti permess lis-sid ta’ vettura sabiex juża l-blue lights hija l-Awtorità għat-Trasport f’Malta.  L-Awtorita’ għandha 39 vettura tagħha li għandhom il-permess għall-blue lights.

Aġenzija tal-Għajnuna Legali – Servizzi għal persuni bi dħul baxx

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28854 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid jekk jikkunsidrax li l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali tibda wkoll toffri servizzi ta’ nutar bla ħlas għal persuni bi dħul baxx?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 29933.

Building Codes

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29914 dwar building codes, fejn ġie mwieġeb li “hu ppjanat li l-Gvern idaħħal il-Building Codes b’mod gradwali fi żmien tliet snin.”, jista’ l-Ministru jipprovdi l-pjan ta’ kif dawn il-building codes ser jiddaħħlu fi żmien tliet snin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif intqal fil-konferenza stampa fl-ewwel kwart tas-sena 2025, l-ewwel kodiċi tal-bini se ikunu implementati fl-2026 u dawn se ikun dwar dwar l-istrutturi (Skavar, Demolizzjoni u Bini) u s-Sigurtà u l-Prevenzjoni għan-Nirien.

Djar tal-Anzjani – Anzjani li joħorġu waħedhom

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26216 fejn ġie mwieġeb li “Filwaqt li d-djar residenzjali kollha li fihom l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tixtri sodod, l-anzjani huma liberi li joħroġu waħedhom mir-residenza fejn joqgħodu, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ saħħa, li fuq assessjar mill-professjonisti tas-saħħa, jipprojbixxu dan għall-ġid u s-sigurtà tar-resident innifsu.”, jista’ l-Ministru jiċċara jekk djar tal-anzjani fil-komunità għandhomx il-liċenzja li jżommu persuni kontra r-rieda tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta, li l-anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali huma dejjem liberi li joħorġu mir-residenza fejn ikunu qed joqogħdu, peress li dawn id-djar mhumiex awtorizzati li jżommu lil xi ħadd kontra r-rieda tiegħu. F’każijiet fejn, wara assessjar mediku, ikun hemm riskju għas-saħħa jew sigurtà tar-resident jekk joħroġ waħdu, issir laqgħa mal-persuna kkonċernata, il-qraba tagħha u l-professjonisti involuti biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi li jħarsu kemm il-ġid kif ukoll is-sigurtà tar-resident. Din il-prattika tapplika għal kull tip ta’ residenza għall-anzjani, kemm tal-gvern, privati kif ukoll tal-Knisja. L-Awtorità tal-istandards għall-Ħarsien Soċjali tassigura li jiġu osservati dawn l-istandards mingħajr diskriminazzjoni.

Kunsill Mediku – Psychotherapy u Hypno-Psychotherapy

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24295 fejn ġie mwieġeb, “Ninsab infurmat li l-hypnotherapy mhix regolata b’liġi ad-hoc f’pajjiżna. Madankollu hemm parir tekniku li din għandha tiġi studjata dwar jekk għandhiex tkun regolata taħt il-Psychotherapy Profession Act (Kapitlu 587) fejn diġà hemm referenza għal Hypno-Psychotherapy.”, jista’ l-Ministru jgħid: i.    jekk ittieħditx deċiżjoni dwar ir-regolamentazzjoni tal-hypnotherapy f’pajjiżna; u ii.    jekk il-Bord dwar il-Professjoni tal-Psikoterapija li jaqa’ taħt il-ministeru tiegħu ġiex ikkonsultat dwar dan u x’deċiżjoni ttieħdet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-Ipnoterapija hija rikonoxxuta bħala modalità ta’ psikoterapija. Kull min ikun segwa studji f’din il-modalità jew f’xi modalità oħra rikonoxxuta u jissodisfa l-kriterji preskritti fl-Att imsemmi, ikun intitolat li jikseb warrant bħala psikoterapista. Dan il- warrant jawtorizza lill-persuna li teżerċita l-modalità li tkun studjat. Il-lista tal-professjonisti bil-warrant tinkludi psikoterapisti li jipprattikaw l-Ipnoterapija. Il-liġi tirregola l-professjoni u mhux il-modalitajiet. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, ma hemmx lok għal deċiżjoni li trid tittieħed.

Hypnotherapy

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24295 fejn ġie mwieġeb: “Ninsab infurmat li l-hypnotherapy mhix regolata b’liġi adhoc f’pajjiżna. Madankollu hemm parir tekniku li din għandha tiġi studjata dwar jekk għandhiex tkun regolata taħt il-Psychotherapy Profession Act (Kapitlu 587) fejn diġà hemm referenza għal hypno-psychotherapy”, jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni dwar ir-regolamentazzjoni tal-hypnotherapy f’pajjiżna?  Jista’ jgħid ukoll jekk il-Bord dwar il-Professjoni tal-Psikoterapija u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, ġewx ikkonsultati dwar din il-materja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

L-Isptar Mater Dei - Servizz tad-dentistrija - Lista’ ta’ stennija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24299 fejn ġie mwieġeb: "Ninsab infurmat li hemm 364 adult fuq il-lista ta’ stennija għal surgery fis-servizz tad-dentistrija fl-Isptar Mater Dei. Nassigura lill-Onor. Interpellanta li jsir kull sforz sabiex f’każijiet urġenti ma jkun hemm ebda dewmien biex is-surgery issir. Biex il-perjodu tal-istennija dejjem ikompli jonqos, inbdew sessjonijiet extra filgħaxijiet u qed jiġu kkunsidrati sessjonijiet fil-Ħdud u fil-privat.", jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija bħalissa u jekk bdewx sessjonijiet extra filgħaxijiet u fil-Ħdud, u jekk iva, kemm saru?  Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li ġew referuti għal dentisti privati fuq spejjeż koperti mill-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mhemmx pazjenti għall-kirurġija fid-dentistrija li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Infurmat ukoll li fil-preżent m’hemmx sessions wara nofsinhar u nhar ta’ Ħadd u lanqas outsourcing. Inserraħ ras lill-Onor. Interpellanta li kull każ ta’ emerġenza jiġi trattat bi prijorità.

Kunsill Mediku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26219, issa li għaddew erba’ xhur minn din it-tweġiba, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitressqu l-emendi li jirregolaw il-proċess ta’ passi dixxiplinarji li l-Kunsill Mediku u bordijiet oħra jsegwu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-imsemmija regolamenti diġa ġew ippublikati (A.L. 140 tal-2025) li kopja tagħhom tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Educational psychologist - Assessment

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24258, issa li ser tibda sena skolastika ġdida, jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar il-lista ta’ stennija ta’ tfal li għadhom qed jistennew l-assessment tal-educational psychologist? X’inhi d-data tal-iktar applikazzjoni antika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26504.

Statementing Board - Lista ta’ stennija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26505, issa li ser tibda sena skolastika ġdida, jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar il-lista ta’ stennija ta’ tfal li għadhom qed jistennew l-assessment tal-Istatementing Board? X’inhi d-data tal-iktar applikazzjoni antika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26505.

Tfal li huma kkunsidrati gifted

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’policy għandu l-Ministeru fir-rigward ta’ tfal li huma kkunsidrati bħala ‘gifted’?  Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru għandux definizzjoni u kriterji biex jikklassifika tfal bħala ‘gifted children’, u kif titkejjel l-intelliġenza ta’ dawn it-tfal?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li wara li saret diskussjoni dwar il-gifted students fil-fażi tal-Konsultazzjoni Pubblika tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, ġie konkluż li hemm il-ħtieġa ta’ iżjed riċerka u diskussjonijiet fuq din it-tema. B’hekk, matul is-sena li ġejja mistenni li jiġu organizzati iżjed diskussjonijiet dwar il-politika il-ġdida tal-inklużjoni.

Awtorità tad-Djar - Pjattaforma diġitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, u meta, l-Awtorità tad-Djar ser iddaħħal pjattaforma diġitali fejn permezz tagħha l-applikanti għas-servizzi tal-Awtorità jkunu jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet online u b’hekk ikunu jistgħu jimmonitorjaw il-progress tal-applikazzjonijiet tagħhom stess?

Response (GALDES, RODERICK)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-viżjoni strateġika tal-Awtorità tad-Djar hija li l-klijent ikun fiċ-ċentru tas-servizzi tagħha (client-centric approach). Għaldaqstant, il-pjan tan-negozju Business Plan huwa mfassal biex tintroduċi pjattaforma diġitali li ser isservi bħala għodda biex ittejjeb kemm l-operat intern kif ukoll il-viżibilità għall-klijent. Bħalissa, l-Awtorità tinsab fi stadju avvanzat fejn inħareġ il-PMC (Public Market Consultation), li mistenni jingħalaq fil-jiem li ġejjin. Paralleli ma’ dan, diġà bdiet il-ħidma sabiex l-applikazzjonijiet u d-dokumenti, kemm eżistenti kif ukoll futuri, jgħaddu mill-proċess ta’ diġitalizzazzjoni. Wieħed għandu jagħmel ukoll referenza għall-fatt li l-Awtorità tad-Djar diġà għandha pjattaforma diġitalizzata taħt qafas regolatorju, dik li hija l-pjattaforma tal-kirjiet residenzjali privati li jaqgħu taħt Kapitolu 604.

Akkomodazzjoni soċjali - Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-applikant għall-akkomodazzjoni soċjali jkollu jerġa’ jitfa’ applikazzjoni mill-ġdid kull darba li jibdel l-indirizz ta’ fejn ikun qiegħed jogħqod?  Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex din il-policy tinbidel u ssir iktar user friendly?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-raġuni prinċipali għaliex applikant għall-akkomodazzjoni soċjali jkollu jerġa’ jitfa’ applikazzjoni kull darba li jibdel l-indirizz hija li l-Awtorità trid tkun infurmata b’kull tibdil, mhux biss fl-indirizz, iżda wkoll fis-sitwazzjoni soċjali tal-applikant. Il-bidla fl-indirizz tista’ tfisser ukoll bidla fil-kundizzjonijiet jew fil-kriterji tal-applikazzjoni, u għalhekk ikun meħtieġ li l-każ jiġi rivedut mill-ġdid sabiex jiġi vverifikat jekk l-applikant għadux jissodisfa l-kriterji meħtieġa. Barra minn hekk, l-Awtorità teħtieġ indirizz postali validu biex tkun tista’ tikkomunika mal-applikant. Fejn ma jkunx hemm indirizz postali, isiru arranġamenti alternattivi sabiex tiġi żgurata l-komunikazzjoni kontinwa bejn l-Awtorità u l-applikant. Fir-rigward tal-ħidma biex il-proċessi jsiru aktar sempliċi u faċli “user-friendly”, l-Awtorità diġà bdiet taħdem fuq qafas diġitali, magħruf bħala Digital Document Management System (DMS). Permezz ta’ dan, kull applikazzjoni u dokument li jitwasslu fi ħdan l-Awtorità jiġu diġitalizzati. Dan ifisser li ma jkunx hemm bżonn li jintalbu dokumenti li diġà jkunu ġew ippreżentati u li jistgħu jintużaw għal applikazzjonijiet ġodda. Kif diġà ġie msemmi, l-applikazzjoni hija marbuta mas-sitwazzjoni ħolistika tal-applikant.

Pensjonijiet - Rapport dwar is-sostenibbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta r-rapport dwar is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet? Jekk diġà lest, jista’ l-Ministru jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, ir-rapport li jmiss irid jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra sal-aħħar tal-2025.  Dan se jkun qed isir skont il-liġi.

Ċittadinanza Maltija - Applikazzjonijiet li ġew rifjutati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għaċ-ċittadinanza Maltija naturalizzata li l-applikazzjoni tagħhom ġiet rifjutata matul dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu ilhom hawn Malta u mil-liema pajjiżi kienu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 2752 persuna (756 kienu dipendenti), li l-applikazzjoni tagħhom għan-naturalizzazzjoni bħala ċittadini Maltin ġiet miċħuda.

‘I Belong Programme’ – Long-Term Residence

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti li applikaw għal ‘Long-Term Residence’ wara li temmew b’suċċess il-programm ‘I Belong’?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-programm ‘I Belong’ huwa wieħed mir-rekwiżiti bażiċi biex applikant japplika għal permess Long-Term Residence flok residence permit ta' sena. F’każ li applikazzjoni tiġi sottomessa u l-applikant ma jippreżentax prova ċara li jkun attenda dan il-kors u li kiseb mill-inqas 75 fil-mija tal-marki fl-eżami, tali applikazzjoni ma tiġix aċċettata. Infurmat li din is-sena huma 309.

‘I Belong Programme’ - Kandidati li bdew u temmew b’suċċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kandidati li bdew u temmew b’suċċess il-programm ta’ ‘I Belong’ minn meta beda l-programm sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u minn liema pajjiż?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

‘I Belong Programme’ - Kandidati li bdew u temmew b’suċċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kandidati li bdew u temmew b’suċċess il-programm ta’ ‘I Belong’ għal din is-sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

‘I Belong Programme’ - Lista’ ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għal ‘I Belong Programme’ u li ilhom fil-lista ta’ stennija skont dawn iż-żmien: ·       0 – 6 xhur; ·       7 – 12-il xahar; ·       13 – 18-il xahar; ·       19 – 24 xahar; u ·       24+ xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.