Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati – Arja kkundizzjonata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex tiġi installata sistema ta’ arja kkundizzjonata fil-kurituri tal-Qorti ta’ Malta u, jekk iva, meta huwa mistenni li jiġi implimentat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi lejn l-aħħar tas-sena 2024, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati kkummissjonat studju dwar il-possibbiltà li tiġi installata sistema tal-arja kkundizzjonata fil-kurituri tal-Qrati. Dan ir-rapport ġie analizzat mill-Aġenzija sabiex tiġi evalwata l-vijabilità tal-installazzjoni tas-sistema tal-arja kkundizzjonata fil-kurituri tal-Qrati kemm mill-lat tal-ispiża kapitali, l-ispiża rikorrenti u l-impatt fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-Qorti.

Persuni b’kontijiet pendenti – Provvista minima tad-dawl u ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk għadhiex fis-seħħ il-politika jew il-prassi li tippermetti aċċess għall-ilma u provvista ta’ dawl baxxa (kemm iżommu bozza u friġġ mixgħula) lir-residenzi b’kontijiet għoljin pendenti? Jekk iva, kemm hawn residenzi b’din il-provvista bħalissa u kemm hemm persuni rreġistrati f’dawn ir-residenzi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħalissa hemm 95 post li għandhom il-provvista tal-dawl baxxa minħabba kontijiet pendenti u fihom hemm reġistrati 98 persuna. Fir-rigward tal-ilma ma titbaxxiex il-provvista.

Moderating Panel – Lista ta’ stennija għall-assessjar – Ġeneru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, f’numri u persentaġġi, kemm mit-tfal li bħalissa qegħdin fuq il-lista ta’ stennija għall-assessjar mill-Moderating Panel biex jiġi ddeterminat jekk għandhomx bżonn LSE, huma bniet, subien jew ta’ ġeneru ieħor?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ingħatajt parir biex din l-informazzjoni ma tkunx publikata minħabba preġudizzji. Lill-Onorevoli membru nofrilha li ngħaddi din l-informazzjoni b'mod privat.

Moderating Panel – Lista ta’ stennija għall-assessjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fuq il-lista ta’ stennija biex jiġu assessjati mill-Moderating Panel sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhomx bżonn LSE?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dan hu proċess kontinwu u rigoruż, bħalma hu proċess kontinwu dak li jara li jkollna kemm jista’ jkun riżorsi kif spjegat fi tweġiba parlamentari 3326.

Strateġija kontra l-ħela tal-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jintrema ikel kull sena? Jista’ jgħid ukoll xi strateġija għandu l-Gvern biex minflok jintrema, jitqassam ma’ min għandu l-iktar bżonn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Food Agency qed tkompli twettaq miżuri konkreti biex tnaqqas il-ħela tal-ikel u tgħin sabiex ikel li għadu tajjeb għall-konsum jintuża b’mod effiċjenti għall-benefiċċju tas-soċjetà. Sa mill-2021, l-Aġenzija ilha tiffaċilita d-distribuzzjoni ta’ frott u ħaxix li jibqa’ wara l-bejgħ mill-Pitkalija lil organizzazzjonijiet volontarji darbtejn fil-ġimgħa, biex dan l-ikel ma jintilifx u jasal għand dawk fil-bżonn. Barra minn hekk, f’Marzu 2025, il-Malta Food Agency nediet l-inizjattiva Żomm! Tarmix, li tħeġġeġ u tiffaċilita d-donazzjoni ta’ ikel żejjed minn negozji, produtturi u distributuri lil entitajiet volontarji u soċjali. Dawn l-inizjattivi wasslu biex kwantitajiet sostanzjali ta’ ikel li kieku kienu jintremew ġew irkuprati u mgħoddija għall-użu soċjali, filwaqt li kkontribwew kemm għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel kif ukoll għall-appoġġ lil persuni u familji vulnerabbli. Il-Malta Food Agency ser tkompli ssaħħaħ dawn l-isforzi bħala parti mill-impenn tagħha favur sistema tal-ikel aktar sostenibbli u effiċjenti.

TCNs – Kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jindirizza l-isfruttament ta’ TCNs li jaqsmu l-kamra mikrija ma’ bosta oħrajn u saħansitra każijiet fejn TCNs jikru s-sodda għal 12-il siegħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi It-Taqsima tal-Konformità fi ħdan l-Awtorità għall-Akkomodazzjoni Soċjali tinvestiga kull ilment li tirċievi  billi twettaq verifiki fiżiċi mingħajr avviż minn qabel. Dawn isiru mingħajr distinzjoni abbażi tan-nazzjonalità tal-inkwilin. L-azzjoni sussegwenti tiddependi mir-riżultat tal-istess spezzjonijiet.

Kirjiet – Diskriminazzjoni mal-kerrejja Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li persuni ta’ nazzjonalità Maltija qed isibuha iktar diffiċli biex jikru proprjetà f’Malta minħabba li sidien jippreferu TCNs? Jekk iva, kif ser tiġi indirizzata din id-diskriminazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellent li l-Awtorità m’għandiex dettalji dwar l-għażliet tas-sidien. Nitlob biex jekk l-Onorevoli għandha f'idejha informazzjoni jindika dak li qed jiġi allegat tpoġġieh fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni soċjali – Dħul massimu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi realistika li waħda mir-rekwiżiti għall-akkomodazzjoni soċjali hija li d-dħul massimu ta’ sena jrid ikun ta’ €10,000 għal persuna waħedha u €12,000 għal koppja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan tal-akkomodazzjoni soċjali huwa li jiġi żgurat li individwi u familji bi dħul baxx ikollhom aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u affordabbli, filwaqt li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni ta’ persuni u familji f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-akkomodazzjoni soċjali, inklużi l-limiti tad-dħul u tal-assi, huma ppubblikati fuq il-website tal-Awtorità tad-Djar. Fir-rigward tal-limiti tad-dħul, għal persuna waħedha l-limitu annwali huwa ta’ €10,000, filwaqt li għal koppja huwa ta’ €12,000. Għal koppji u ġenituri waħedhom, il-limitu tad-dħul jiżdied b’€700 fis-sena għal kull wild dipendenti.

Akkomodazzjoni soċjali – Sistema ta’ punti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx sistema ta’ punti biex tiġi ddeterminata l-prijorità għall-akkomodazzjoni soċjali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra din is-sistema?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat –tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 162.

Akkomodazzjoni soċjali – Postijiet battala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet tal-akkomodazzjoni soċjali battala bħalissa u għaliex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, sal-lum, hemm total ta’ mija u sitta u erbgħin (146) post vakanti li huma lesti għall-allokazzjoni. Dawn jinkludu kemm postijiet miksuba permezz tal-iskema Nikru Biex Nassistu, li għalihom diġà ġew iffirmati l-ftehimiet mas-sidien u li ċ-ċwievet tagħhom ġew mgħoddija, kif ukoll postijiet tal-Gvern li huma vakanti, wara li ġew ritornati iċ-ċwievet jew liema xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni tlestew, u li għalhekk huma lesti biex jiġu allokati.

Akkomodazzjoni soċjali – Tnaqqis tal-lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali titnaqqas b’mod drastiku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern diġà ħa passi konkreti sabiex jindirizza l-isfida tal-akkomodazzjoni soċjali, permezz ta’ investiment kontinwu u l-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri intiżi sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni għal dawk li l-aktar jeħtieġu l-appoġġ. F’dan ir-rigward, il-Gvern qed ikompli jinvesti fl-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdida, fil-manutenzjoni u fir-riġenerazzjoni tal-istokk eżistenti, kif ukoll fit-tisħiħ tal-Iskema ta’ Kiri ta’ Proprjetajiet mis-Settur Privat (NIK), sabiex jiżdiedu l-proprjetajiet disponibbli għall-akkomodazzjoni soċjali. Ma’ dawn l-inizjattivi jiżdiedu miżuri oħra li jikkumplimentaw l-akkomodazzjoni soċjali, fosthom l-għajnuna għall-kera, skemi ta’ akkomodazzjoni affordabbli, programmi speċjalizzati għal persuni bi bżonnijiet differenti, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-politika ta’ Inclusive Communities , li permezz tagħha qed jingħata appoġġ lil għaqdiet volontarji biex jipprovdu akkomodazzjoni u servizzi fil-komunità. Dawn l-inizjattivi jixhdu l-impenn tal-Gvern li jindirizza din l-isfida permezz ta’ investiment u azzjoni konkreta, filwaqt li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-akkomodazzjoni u jespandi l-firxa ta’ soluzzjonijiet disponibbli. L-għan huwa li l-appoġġ jingħata b’mod responsabbli u effettiv, skont il-ħtiġijiet differenti tal-persuni u l-familji, filwaqt li tkompli tiġi indirizzata l-isfida tal-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali.

Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Ministru Interpellant  li sad-data li qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali hemm 1,659 applikazzjoni. B'kuntrast, l-applikazzjonijiet pendenti matul l-2013 kienu jammontaw għal 3,304.

Kundizzjoni tal-Awtiżmu – Lista ta’ stennija għall-assessjar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm tfal fuq il-lista ta’ stennija biex isirilhom assessjar għall-kundizzjoni tal-awtiżmu?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ evalwazzjoni għall-awtiżmu/adhd fi ħdan CAYS ma jikkonsistix f’appuntament jew assessjar wieħed, iżda huwa parti minn proċess kliniku multidixxiplinarju li jinvolvi diversi stadji u professjonisti, skont il-ħtiġijiet individwali ta’ kull tifel u tifla. Matul dan il-proċess, it-tfal jistgħu jkunu diġà qed jibbenefikaw minn evalwazzjonijiet, osservazzjonijiet kliniċi, konsultazzjonijiet u interventi minn professjonisti differenti, anke qabel ma tiġi konkluża l-evalwazzjoni dijanjostika għall-awtiżmu.

CAYS – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm tfal fuq il-lista ta’ stennija għas-Servizzi għat-Tfal, l-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ (CAYS)?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li fil-preżent, m’hemmx lista ta’ stennija għall-ewwel appuntament fi ħdan CAYS li jista jsir minn professjonisti varji. Ir-riferimenti jiġu skedati mal-ewwel punt ta’ kuntatt skont il-ħtiġijiet tal-każ.