Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sena 2027 – Appuntamenti għal interventi mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hekk hux qed jinħarġu appuntamenti għal interventi mediċi għal wara Jannar 2027, fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Mater Dei mhemmx appuntamenti għall-interventi kirurġiċi ibbukjati għal wara Jannar 2027.

Każi ta’ suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-mistoqsijiet parlamentari 10849 u 12721 ta’ din il-leġiżlatura dwar suwiċidji ġew imwieġba , iżda t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30245 kienet tgħid biex nagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li kif diġa weġibtha verbalment waqt il-ħin tal-Mistoqsijiet fis-Seduta tal-5 ta’ Novembru, din l-istatistika uffiċċjali qed tinġabar mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.

Ċittadinanza Maltija li ġiet irtirata

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30635 fejn intqal li matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-15 ta’ Ottubru 2025, kien hemm 12-il persuna li ġiet ipprivata miċ-ċittadinanza Maltija, jista’ l-Ministru jiċċara jekk kienx hemm persuni li b’riżultat ta’ dan spiċċaw bla ebda ċittadinanza (stateless)? Jista’ jgħid ukoll: i.          Minn fejn kienu oriġinarjament dawn il-persuni? ii.          Kemm minnhom kisbu ċ-ċittadinanza permezz ta’ proċess ta’ naturalizzazzjoni jew reġistrazzjoni? iii.          Kemm minnhom kisbu din iċ-ċittadinanza permezz tal-iskema tal-passaporti? B’mod ġenerali, x’kienu r-raġunijiet li ttiħditilhom iċ-ċittadinanza Maltija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 14 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188) li jirrigwardaw il-privazzjoni taċ-ċittadinanza Maltija jipprovdu ċ-ċirkostanzi fejn jista’ jirriżulta li l-persuna tista’ tispiċċa apolidi (stateless) bit-tali privazzjoni. Qabel persuni jiġu pprivati miċ-ċittadinanza dawn iċ-ċirkostanzi jiġu kkunsidrati. Ninsab infurmat li skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Sussidjarja Nru 188.07 it-tagħrif pubblikat huma biss l-ismijiet.

Ċittadinanza Maltija - Applikazzjonijiet li ġew rifjutati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30708 fejn intqal li fl-aħħar ħames snin ġew irrifjutati 2,752 applikazzjoni għaċ-ċittadinanza, filwaqt li l-Ministru juża d-diskrezzjoni tiegħu fl-għoti taċ-ċittadinanza Maltija, jista’ l-Ministru jgħid xi jkunu normalment ir-raġunijiet jew l-evidenza li jinfurmaw din id-diskrezzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal l-Artikolu 19 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188).

Ċittadinanza Maltija - Applikazzjonijiet li ġew rifjutati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30708 fejn intqal matul dawn l-aħħar ħames snin ġew irrifjutati 2,752 applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet/applikanti kienu ilhom Malta iktar minn 15-il sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li tali rifjut isir skont kif provdut tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188). Infurmat li Informazzjoni b'Distinzjoni kif mitlub mill-Onorevoli interprellant ma tinżammx.

Stabbilimenti li ma jużawx POS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn stabbilimenti li ma jaċċettawx ħlasijiet bis-sistema tal- ‘Point-of-Sale’ (POS) u allura jaċċettaw flus kontanti biss?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Irċevuti ta-VAT mhux maħruġa - Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet minħabba li ma nħarġitx irċevuta tal-VAT mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt: SENA NUMRU TA' ĊITAZZJONIJIET 2020 823 2021 119 2022 110 2023 771 2024 1,684 2025 (sa l-21 ta' Novembru) 239

Akkomodazzjoni soċjali – Appartamenti vojta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali li bħalissa huma vojta?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għadd ta' appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali vojta jinbidel ferm minn xahar għal ieħor billi jkollok inkwilini li joħorġu minnhom għaliex isiru sid ta' darhom jew inkella jikru f'post li ma jkunx ta' akkomodazzjoni soċjali. Fl-istess waqt dawk il-postijiet battala jimtlew minn inkwilini ġodda li jintgħażlu skont il-kriterji stabbiliti.

Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari li huma: i.          Applikanti single; ii.          Applikanti ’l fuq minn 60 sena; u iii.          Applikanti akkumpanjati bi tfal minuri magħhom?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

L-Awtorità ta’ Standards għal Kura Soċjali - Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti mal-Awtorità ta’ Standards għal Kura Soċjali (SCSA) tul is-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll (f’termini ġenerali) dwar xiex kienu dawn l-ilmenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill- Onor. Interpellanta li mill-1 ta’ Jannar 2025 sa-24 ta’ Novembru 2025 L-Awtorità ta' Standards u Ħarsien Soċjali rċeviet total ta’ 52 ilment sottomessi minn utenti tas-servizz, il-qraba tagħhom u provdituri tas-servizzi. Ġie osservat li n-natura tal-ilmenti li waslu din is-sena kienu varjati, u waqgħu f’diversi kategoriji ewlenin li jinkludu: 1.  Tmexxija tas-Servizz 2.  Kwalità tal-Kura 3.  Saħħa Mentali 4.  Ambjent u Struttura

Statementing Board - Lista ta’ stennija għall-assessjar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26505 fl-intier tagħha u jgħid kemm hemm tfal li għadhom qed jistennew l-assessment tal-Istatementing Board u x’inhi d-data tal-iktar applikazzjoni antika fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix xi nżid ma dak li diġà weġibt għall-mistoqsija parlamentari 26505.

Bord tal-Awtorità tax-Xandir- Imparzjalità

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif jintgħażel il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir u kif jassigura imparzjalità fix-xandir pubbliku?

Response (ABELA, ROBERT)

Il-Bord tal-Awtorità jinħatar skont Artiklu 118 (2) tal-Kostituzzjoni promulgat permezz ta’ Att LV tal-1974.

PBS – Żbilanċ fix-xandir pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba l-Awtorità tax-Xandir sabet żbilanċ fix-xandir pubbliku PBS mill-2020 u d-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma għal kull sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ftuħ ta’ krematorju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30738 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid xi pjanijiet hemm biex jinfetaħ krematorju tal-bnedmin f’Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.