Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew riferuti għall-kura ta’ STIs fil-GU Clinic fl-2025 u x’inhuma dawn l-STIs?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ottubru 2025, 6,293 marru fil-GU Clinic. Uħud marru minn jeddhom u oħrajn ġew riferuti minn speċjalisti.
1,699 ġew dijagnostikati skond it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew riferuti għall-kura ta’ STIs fil-GU Clinic fl-2024 u x’inhuma dawn l-STIs?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fl-2024, 7,142 marru fil-GU Clinic. Uħud marru minn jeddhom u oħrajn ġew riferuti minn speċjalisti.
1,781 ġew dijagnostikati skond it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-ispiża medja fix-xahar għal min jingħata l-PrEP b’xejn mill-GU Clinic? Jista’ jgħid ukoll kemm tkun l-ispiża annwali inklużi l-kontrolli kull tliet - sitt xhur?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preskritti PrEP fl-2025 permezz tal-GU Clinic jew l-A&E?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fl-2025, ġew preskritti 1,081 preskrizzjoni għall-PrEP mill-GU Clinic, l-uniku post fid-Dipartiment tas-saħħa minn fejn isiru dawn il-preskrizzjonijiet.
Infurmat li l-ammont ta’ 1,081 huma preskrizzjonijiet u mhux individwi. Kull pazjent iżur il-GU Clinic fuq medja ta’ darbtejn jew tliet darbiet fis-sena għall-testijiet u preskrizzjoni tal-PrEP. Kull preskrizzjoni hi valida għal tliet xhur. Filwaqt li l-maġġoranza tal-pazjenti jieħdu PrEP ‘on demand’ u allura jkollhom bżonn bejn tnejn u tliet preskrizzjonijiet fis-sena, dawk il-pazjenti li jieħdu ta’ kuljum il-PrEP jingħataw erba’ preskrizzjonijiet fis-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’riċetta valida għall-PrEP permezz tal-GU Clinic jew l-isptar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fl-2025, 457 pazjent kellhom riċetta għall-PREP maħruġa mill-GU Clinic.
Infurmat li l-ammont ta’ 457 pazjent jinkludi kemm dawk li huma pazjenti ġodda kif ukoll oħrajn li komplew mis-snin ta’ qabel jiġu segwiti u huma f’riskju kontinwu billi huma esposti għall-HIV, liema pazjenti ikollhom follow up fil-GU clinic.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġew dijanjostikati bl-HIV fl-2024 u fl-2025 rispettivament?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għar-rigward tas-sena 2024 tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29218.
Sat-28 ta’ Novembru 2025, ġew dijanjostikati 125 persuna.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru totali ta’ persuni li bħalissa qed jgħixu bl-HIV f’Malta u f’Għawdex?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fil-mument hawn 721 persuna tgħix f’Malta bl-HIV. Infurmat li dan in-numru jista’ jinbidel minħabba l-moviment ta’ pazjenti li jiġu Malta b’din il-kundizzjoni u oħrajn li jagħżlu li jħallu l-pajjiż.
Fid-dawl li l-Kunsill Mediku ser jadotta sistema fejn ikun hemm kumitat tad-dixxiplina ġdid li jirrispetta l-awtonomija meħtieġa f’dawn il-każijiet, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex bordijiet oħra jkollhom struttura awtonoma tad-dixxiplina?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tkun aktar speċifika fil-mistoqsija tagħha, kif ukoll tikjarifika għal liema bord/
bordijiet qed tirreferi.
L-Isptar Mater Dei – Sala ddedikata lis-saħħa mentali
Question
Fid-dawl li t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30398 kienet li “din is-sala tinfetaħ wara li titlesta s-sala l-ġdida fl-administration block”, jista’ l-Ministru jgħid meta s-sala l-ġdida fl-administration block ser titlesta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Infurmat li x-xogħol preparatorju beda u aktar dettalji jitħabbru meta jkun il-waqt.
Awtorità ta’ Standards ta’ Persuni Anzjani – Ilmenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti mal-Awtorità ta’ Standards ta’ Persuni Anzjani (OPSA) tul is-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll (f’termini ġenerali) dwar xiex kienu dawn l-ilmenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li mill-bidu ta’ Jannar 2025 sal-lum, l-Awtorita ta l-Istandards ghall-Anzjani (OPSA) irċeviet total ta’ 210 ilmenti li jaqgħu taħt tliet kategoriji ewlenin: ħsarat fil-makkinarji bħal lifts u ACs, ambjent u struttura, kwalità, u ikel. Infurmat li fuq kull ilment li jasal għand l-awtorità, tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Transport Malta – Vetturi tal-art – Sidien reġistrati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sidien ta’ vetturi tal-art reġistrati ma’ Transport Malta skont in-numru ta’ vetturi privati (mhux kummerċjali) li għandhom:
• Vettura waħda;
• Żewġ vetturi;
• 3 – 4 vetturi;
• 5 – 7 vetturi;
• 8 – 10 vetturi; u
• aktar minn 10?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi t-tabella segwenti turi l-ammont ta’ sidien ta’ vetturi tal-art reġistrati ma’ Transport Malta maqsuma skont in-numru ta’ vetturi privati (mhux kummerċjali).
Kategorija
Numru ta' individwi
Vettura waħda
165,603
Żewġ vetturi
45,476
3 – 4 vetturi
21,708
5 – 7 vetturi
4,731
8 – 10 vetturi
950
aktar minn 10
465
Transport Malta – Vetturi tal-art – Sidien reġistrati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sidien ta’ vetturi tal-art reġistrati ma’ Transport Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil-Onor Interpellant illi n-numru ta’ sidien ta’ vetturi tal-art reġistrati ma’ Transport Malta jammonta għal 239,648 persuni naturali u 4,619 persuni ġuridiċi, għal total ta’ 244,267.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30633 dwar kemm hawn karozzi tal-linja bħalissa, fejn ġie mwieġeb li “sal-aħħar ta’ Settembru 2025 kien hemm erba’ mija u seba’ u disgħin (497) vettura li kienu qegħdin joperaw fis-servizz tat-trasport pubbliku”, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu proġettat li jrid ikun hawn karozzi biex ilaħħqu mad-domanda għas-servizz tat-trasport pubbliku biex jiġi assigurat li s-servizz ikun frekwenti, diċenti u sikur, mingħajr iffullar u mingħajr nies li jibqgħu l-art?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ karozzi tal-linja meħtieġa biex rotta tkun imħaddma b’mod effiċjenti huwa determinat minn diversi fatturi, fosthom it-tul tar-rotta u l-frekwenza tas-servizz.
Matul din is-sena n-network tat-trasport pubbliku għadda minn numru ta’ tibdil li inkludew żidiet fil-frekwenza fuq ċerti rotot, aġġustamenti fit-traġitt kif ukoll l-introduzzjoni ta’ rotot ġodda. Transport Malta bħalissa tinsab fil-proċess li tiffinalizza aktar aġġustamenti. Ladarba dan il-pjan jiġi konkluż, ikun jista’ jiġi stabbilit in-numru ta’ karozzi tal-linja addizzjonali li jkun meħtieġ.
Żjarat ta’ pets meta s-sid ikun rikoverat fl-Isptar Mount Carmel
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30736, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm drabi fejn annimali domestiċi tħallew jidħlu ħdejn il-pazjenti fl-Isptar Mount Carmel fl-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2025, tħallew jidħlu l-isptar 15-il annimal domestiku biex iżuru lill-pazjenti. L-annimali kollha kienu klieb.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li bħalissa qed jistennew biex jidħlu ġo dar tal-anzjani?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li hemm 1,578 persuna, li bħalissa qed jistennew biex jidħlu ġo dar tal-anzjani. Qed isir kull sforz sabiex jinkisbu s-soddod kollha disponibbli fis-suq privat.