Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ftuħ ta’ krematorju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30738 u 32140 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika rispettivament u jgħid xi pjanijiet hemm biex jinfetaħ krematorju tal-bnedmin f’Malta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet ‘Partial Review of the Cemeteries Policy and Design Guidance 2015’ biex tintroduċi ‘Policy and Design Guidance for the Development of standalone Crematoria’. Dawn il-linji gwida ġew approvati u daħlu fis-seħħ f’Settembru 2024.

PBS - Żbilanċ fix-xandir pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32481 u jgħid kemm-il darba l-Awtorità tax-Xandir sabet żbilanċ fix-xandir pubbliku PBS mill-2020 u d-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma għal kull sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat kif ġej: Sena Milqugħa 2020 4 2021 7 2022 3 2023 12 2024 12 2025 2

Social work - Żieda fl-istipendju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30284 u 31924 u jgħid jekk iż-żieda fl-istipendju kinitx miżura effettiva biex tattira iktar studenti jagħżlu l-kors tas-social work? Jekk le, x’miżuri ġodda ser jittieħdu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’din is-sena skolastika ġew irreġistrati 37 student, żieda ta’ 6 studenti fuq is-sena skolastika preċedenti. Din iż-żieda ta’ studenti fl-ewwel sena tal-kors tawgura tajjeb għal futur ta’ din il-professjoni. L-istudenti fit-tieni sena tal-kors tal-MCAST minn din is-sena akkademika bdew jibbenefikaw minn rata għola ta’ stipendju minn waħda ‘ general ’ għal dik ‘ prescribed ’.

Vjolenza domestika - Taħriġ lill-Membri tal-Ġudikatura

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31731 u jgħid jekk isirx taħriġ dwar il-vjolenza domestika lill-Membri tal-Ġudikatura? Jista’ jgħid ukoll jekk qattx sar u jekk sar, meta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumitat għall-Istudji Ġudizzjarji (JSC) jorganizza seminars u konferenzi regolari għall-membri tal-Ġudikatura flimkien ma’ diversi entitajiet lokali u internazzjonali dwar diversi suġġetti. Fl-aħħar sentejn fuq din it-tema speċifika saru 2 seminars/konferenzi f’Malta u 2 internazzjonali.

Ksur ta’ ‘protection orders’

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30196 u 31061 u jgħid kemm inkisru ‘protection orders’ li ħarġu favur il-vittmi tal-vjolenza domestika mill-allegati aggressuri fis-sena 2024 u minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Maġistrati - Inkjesti pendenti u każijiet oħra mhux relatati ma’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30191 u 31058 u jgħid kemm għandhom inkjesti pendenti u każijiet oħra mhux relatati ma’ vjolenza domestika l-maġistrati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-implimentazzjoni tar-riforma fl-inkjesti, ix-xogħol relatat ma' inkjesti huwa assenjat lill-Maġistrati Inkwirenti li xogħlom huwa relatat mal-inkjesti biss u ma jisimgħux kawżi.

Każijiet ta’ vjolenza domestika - Maġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30190 u 31057 u jgħid kemm hemm maġistrati fuq każijiet ta’ vjolenza domestika bħalissa? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-caseload tal-każijiet ta’ vjolenza domestika li għandu kull wieħed minnhom sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm erbgħa (4) Maġistrati li huma assenjati fuq każijiet ta’ vjolenza domestika. Ninformah ukoll li sal-aħħar ta’ Novembru 2025 kien hemm 1,627 każ pendenti li huma maqsumin f’ 1,000, 264, 296 u 67 bejn dawn il-Maġistrati.

Special Learning Difficulties Service - Studenti li għamlu użu mis-servizz

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30969 u jgħid kemm kien hemm studenti bil-kundizzjoni tad-dyslexia li użaw is-servizz Special Learning Difficulties Service (SpLD), mill-2020 sal-2025, maqsuma sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul is-snin imsemmija kien hemm 4,014 student li użaw is-servizz imsemmi.

Unjoni Ewropea - Baġit allokat lil Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30758 u jgħid kemm ġie allokat baġit lil Malta mill-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid ukoll: i.    kemm fondi ġew utilizzati s’issa (f’numri assoluti u persentaġġi); ii.    kemm minnhom għadhom ma ntefqux; iii.    liema oqsma tal-fondi tal-UE l-iktar li ntefqu; u iv.    liema oqsma tal-fondi tal-UE l-iktar li ma ntefqux?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numri: 32740 – 32741 – 32742 – 32743 – 32744 – 32745 – 32746 – 32747 – 32748 – 32749 – 32750 - 32751

MCAST - Wellness Hub – Ingaġġ ta’ social workers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30755 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24286 dwar jekk is-servizz tal-Wellness Hub fl-MCAST joffrix servizz ta' social work, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proċess biex jiġu ingaġġati żewġ social workers ġiex komplut?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proċess għadu għaddej.

Id-Dwana - Annimali li jagħtu servizz

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30753 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid kemm hemm annimali li jagħtu s-servizz tagħhom fid-Dwana? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ annimali huma?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, id-Dipartiment tad-Dwana, fi ħdan l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana, għandu tlett (3) iklieb li jaqdu dmirijiet doganali. Kelb minnhom huwa tar-razza Labrador, filwaqt li ż-żewġt iklieb l-oħra huma tar-razza Springer.

Armi tan-nar - Liċenzji skaduti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30742 u jgħid kemm hawn armi tan-nar li l-liċenzja tagħhom ma ġietx imġedda u għalhekk hija skaduta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ tiġdid ta’ liċenzjar għas-sena l-ġdida se jibda dalwaqt, u hekk kif dan il-proċess ikun mexa sew tali informazzjoni tkun tista’ tingħata aħjar.

Persuni li qegħdin jirċievu trattament ART - Livell virali soppress

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’perċentwal ta’ persuni fil-gżejjer Maltin li qegħdin jirċievu trattament antiretrovirali (ART) għandhom livell virali soppress?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-perċentwal ta’ persuni fil-gżejjer Maltin li qegħdin jirċievu trattament antiretrovirali (ART) u għandhom livell virali soppress hu ta’ 96.3%.

Persuni bl-HIV - Trattament ART

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’perċentwal ta’ persuni li ġew dijanjostikati bl-HIV fil-gżejjer Maltin qed jirċievu trattament antiretrovirali (ART)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hu maħsub li l-perċentwal ta’ persuni li ġew dijanjostikati bl-HIV fil-gżejjer Maltin u qed jirċievu trattament antiretrovirali (ART) hu ta’ 98.78%.

Persuni bl-HIV - Status

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’perċentwal ta’ persuni li jgħixu bl-HIV fil-gżejjer Maltin għandhom għarfien dwar l-istatus tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandna fil-mument, l-istima ta’ hi 86% ta’ dawk il-persuni li jgħixu bl-HIV fil-gżejjer Maltin u għandhom għarfien dwar l-istatus tagħhom. Madankollu għadu għaddej l-eżerċizzju ta’ kemm persuni jgħixu bl-HIV fil-gżejjer Maltin għandhom għarfien dwar l-istatus tagħhom.

UNAIDS 95-95-95 - Miri ta’ sostenibbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qiegħda Malta fil-progress biex tilħaq il-miri ta’ sostenibbiltà 95-95-95 tal-UNAIDS biex l-AIDS tintemm sal-2030?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li Malta għandha strateġija biex tilħaq il-miri ta’ sostenibbiltà 95-95-95 tal-UNAIDS.  Fil-fatt it-tieni u it-tielet mira li jirrapreżenatw in-numru ta' dawk li ġew dijanostikati bl-HIV fil-gżejjer Maltin li qegħdin fuq trattament antiretroviral (ART) hija stmata li hija 99% u l-aħħar mira li tirrigwarda dawk li qedin fuq ART li għandhom livelli virali sopressi hija ta' 97%. Huwa stmat iżda li għad irid isir progress biex nilħqu l-ewwel mira (86%) fejn dawk il-persuni jgħixu bl-HIV fil-gżejjer Maltin għandhom għarfien dwar l-istatus tagħhom. Fil-fatt, qegħdin ninvestu f'inizjattivi biex inżidu l-ittestjar sew fl-isptarijiet u kliniċi tas-saħħa kif ukoll fil-kommunità ma' popolazzjonijiet ewlenin li jafu jkunu iktar f'riskju ta' infezzjoni tal-HIV.  Il-ħidma għaddejja biex jintlaħqu l-miri kollha speċjalment fit-testjar, aċċess għall-prevenzjoni inkluż it-tnaqqis ta' stigma u d-diskriminazzjoni li ġġiegħel lil-pażjenti jevitaw ċertu ttestjar u kura li hija disponibbli.