Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benesseri tal-priġunieri - Rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport annwali maħruġ mill-kummissarju responsabbli mill-benesseri tal-priġunieri?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. InterpellantA li r-rapport annwali tal-Kummissarju responsabbli mill-Benesseri tal-Priġunieri, li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025, qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Arja kkundizzjonata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-pjan biex f’kull ċella u partijiet komuni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tiġi installata arja kkundizzjonata? Jekk iva, meta se jiġi implimentat dan il-proġett?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-ħabs ta’ Kordin qed tkun installata sistema ta’ ventilazzjoni li tikkontrolla t-temperatura, ħalli timmitiga l-effetti tas-sħana u tal-kesħa. Waqt li f’ċerta diviżjonijiet dan ix-xogħol huwa lest u beda jitħaddem lura f’Settembru, hemm bnadi oħra fejn ix-xogħol għadu għaddej u mistenni jieħu ftit tal-ġimgħat oħra.

MCCAA - Ilmenti mressqa mill-konsumaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imressqa ilmenti mill-konsumaturi lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena, b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-ilmenti ġew riżolti b’mod amikevoli u kemm minnhom tressqu quddiem it-tribunal matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qiegħda tingħata fit-tabella t’hawn taħt: Ilmenti mressqa mill-konsumaturi* Sena 2022 2023 2024 2025 2026 (sal-aħħar t’ Ottubru) Numru ta’ ilmenti reġistrati 1187 1189 1234 1556 1640 Riżolti b'mod amikevoli 513 455 478 514 505 Riferuti quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur 329 387 398 332 346 * Id-differenza fit-total bejn in-numru ta’ ilmenti reġistrati u t-total ta’ ilmenti riżolti b’mod amikevoli u dawk riferuti quddiem it-Tribunal hija attribwita għal ilmenti li ġew irtirati mill-konsumatur, li nfetħu għal fini informattivi biss, jew li ma setgħux jiġu segwiti minħabba li ma kinux azzjonabbli.

Strateġija tal-Gvern biex jissaħħaħ l-irwol tal-kunsilli lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-istrateġija tal-Gvern biex jagħti iktar saħħa lill-kunsilli lokali biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tar-residenti b’mod effettiv?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Il-Viżjoni Strateġika Nazzjonali għall-Gvern Lokali 2023-2030 hija mibnija fuq ideat u suġġerimenti ta' dawk li ta' kuljum jesperjenzaw il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti mill-qrib u għalhekk tagħti aktar saħħa lill-kunsilli lokali. L-istrateġija hija msejsa fuq ħames pilastri ewlenin li huma Governanza tajba u Effettiva, Riżorsa Reġjonali għall-Kunsilli Lokali, Lokalitajiet b'Ambjent Aktar Nadif, Kunsilli Lokali Viċin in-Nies u Prijorità Diġitali fil-Gvern Lokali. Il-Manifest ta’ dan il-Gvern ikompli jibni fuq din l-istrateġija billi jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni aktar effettiva bejn il-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli Reġjonali u l-entitajiet tal-Gvern sabiex proġetti u servizzi jitwettqu b’mod aktar koordinat u effiċjenti, ikun hemm allokazzjonijiet finanzjarji aktar adegwati, l-għoti ta’ aktar responsabbiltajiet u mezzi biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, kif ukoll billi jippermettilhom li jibbenefikaw direttament minn sorsi ġodda ta’ dħul relatati mal-attivitajiet fil-lokalitajiet. Fl-istess waqt, se jitkompla l-investiment fit-taħriġ professjonali tas-Sindki, il-Kunsilliera u l-impjegati tal-Kunsilli. Barra minn hekk, il-Gvern qed jippromwovi t-trasformazzjoni diġitali tas-servizzi tal-gvern lokali, inkluż permezz ta’ pjattaformi u applikazzjonijiet diġitali li jagħmluha aktar faċli għar-residenti biex jikkomunikaw mal-kunsilli u jirrapportaw il-ħtiġijiet tagħhom. B’dan l-impenn komprensiv, il-Gvern qed jaħdem biex il-Kunsilli Lokali jkunu aktar effettivi, aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħhom u aktar kapaċi jwasslu servizzi ta’ kwalità li jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini f’kull lokalità.

Għajnuna umanitarja mogħtija minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika liema pajjiżi bbenefikaw minn għajnuna umanitarja mogħtija minn Malta matul is-sena 2025 u kemm ġew mgħoddija fondi lil kull pajjiż?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Hon. Interpellant illi l-ammonti li jkopru kontribuzzjonijiet u interventi umanitarji diretti, kif ukoll dawk imwettqa permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li saru fl-2025 jinsabu fit-tabella hawn taħt annessa. Pajjiż jew kategorija benefiċjarja Ammont preliminari Varji – Allokazzjonijiet ta’ nefqa umanitarja bhala s-sehem ta’ Malta fl-UE €3,090,000.00 Varji – Kontribuzzjonijiet lin-Nazzjonijiet Maqghuda ghall-azzjonijiet mirati f’pajjizi fi bzonn ta’ ghajnuna umanitarja €279,676.00 Ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża €368,684.89 Jemen €40,000.00 Kongo €50,000.00 Ukrajna €75,042.00 Ħaiti €75,000.00 Sudan €75,000.00 Pakistan €20,000.00 Ġamajka €35,000.00 Kuba €35,000.00 Libja €12,728.00

Għajnuna umanitarja mogħtija minn Malta - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tat fondi Malta f’għajnuna umanitarja lil pajjiżi oħra matul is-sena 2025?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli  Interpellant illi, skont id-data preliminari disponibbli, matul is-sena 2025 Malta rrapportat ammont totali ta’ €4,156,131 f’assistenza u nefqa ta’ natura umanitarja taħt il-klassifikazzjonijiet rilevanti tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u tal-Appoġġ Uffiċjali Totali għall-Iżvilupp Sostenibbli (TOSSD). Id-data għadha proviżorja u hija soġġetta għal diskussjoni u validazzjoni mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD). Barra minn hekk, għandu jissemma s-sehem ta' Malta fil- Ukraine Facility , li jifforma parti mill-kontribut tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) permezz tal-Baġit Ġenerali tal-UE. Fl-2025, il-kontribuzzjoni ta' Malta lejn il- Ukraine Facility kienet tammonta għal €5,159,221.11. Parti minn dawn il-fondi huma allokati għal miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni tal-impatt umanitarju tal-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni fis-soċjetà Ukrena.

Paceville u n-Naxxar - Problemi strutturali fil-binjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu n-nuqqasijiet li setgħu ġew evitati u li rriżultaw fi problemi strutturali li seħħew fil-binjiet f’Paceville, Triq Paceville (fil-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament) u fin-Naxxar (Triq il-Milizzja / l-area ta’ Triq is-Seneskalk)? Jista’ jassigura li dawn il-problemi strutturali jiġu evitati fil-futur? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tal-investigazzjonijiet li saru mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA) f’dawn iż-żewġ istanzi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevol Interprellant, illi fiż-żewġ każijiet, l-Awtorità ingaġġat esperti tekniċi indipendenti sabiex jippreparaw rapporti dwar iċ-ċirkostanzi rispettivi, liema rapporti qed jiġu analizzati mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Nirrimarka li l-Awtorità aġixxiet b'mod tempestiv u responsabbli sabiex tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku, filwaqt li żgurat li r-residenti affettwati jibqgħu jingħataw l-assistenza u s-sostenn meħtieġa matul il-proċess kollu. Il-Ministeru, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Awtorità, jibqa' impenjat biex ikompli jsaħħaħ il-qafas leġiżlattiv u regolatorju ta' dan is-settur.

Kostruzzjoni - Studji ġeoloġiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi assigurat li l-istudji ġeoloġiċi li huma neċessarji għall-kostruzzjoni huma professjonali u ta’ min joqgħod fuqhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-istudji ġeoloġiċi meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni jiġu ppreparati minn professjonisti bil-warrant, jiġifieri periti u inġiniera, li huma responsabbli għall-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti li jippreżentaw. Meta l-proġett jinvolvi skavar ta’ aktar minn żewġ metri, il-leġiżlazzjoni tirrikjedi Geological Investigation Report (GIR) li jinkludi core recovery sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi ġeoloġiċi tas-sit. Fejn l-iskavar propost ikun ta’ inqas minn żewġ metri, trial pit jitqies bħala suffiċjenti sabiex il-perit tal-proġett ikun jista’ jivvaluta l-kundizzjonijiet tas-sit u juża dik l-informazzjoni fit-tħejjija tal-method statement. Fiż-żewġ każijiet, dawn ir-rapporti jitħejjew minn professjonisti bil-warrant. Wara li jiġu sottomessi lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), dawn jiġu vverifikati wkoll minn periti esterni mqabbda mill-BCA bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni teknika qabel ma tkun tista’ tinħareġ il-clearance meħtieġa skont il-liġi.

BCA - Ordnijiet ta’ waqfien mix-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ordnijiet ta’ waqfien mix-xogħol mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA) bejn Jannar u Ġunju 2026?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Ġunju, 2026, kien hemm 2,144 ordni ta’ waqfien mix-xogħol mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

Sena 2025 - BCA - Ordnijiet ta’ waqfien mix-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ordnijiet ta’ waqfien mix-xogħol mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA) matul is-sena 2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2025 kien hemm 2,528 ordni ta’ waqfien mix-xogħol mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni

DIER - TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ċittadini minn pajjiżi terzi (TCNs) rrikorrew għall-għajnuna tad-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) bejn Jannar u Ġunju 2026, u jaqsam din l-informazzjoni f’numri u persentaġġi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

DIER - Ilmenti li ġew riżolti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imressqa ilmenti quddiem id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) bejn Jannar u Ġunju 2026 li ġew riżolti mingħajr il-ħtieġa tat-tribunal?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

DIER - Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid dwar xiex kienu l-ilmenti mressqa quddiem id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) bejn Jannar u Ġunju 2026, u jaqsam din l-informazzjoni f’numri u persentaġġi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

DIER - Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imressqa ilmenti quddiem id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) bejn Jannar u Ġunju 2026? Jista’ jgħid ukoll f’kemm minn dawn il-każijiet id-dipartiment aġixxa ta’ intermedjarju bejn min iħaddem u l-ħaddiem?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

DIER - TCNs li rrikorrew għall-għajnuna matul l-2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) rrikorrew għall-għajnuna tad-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) matul l-2025, u jaqsam din l-informazzjoni f’numri u persentaġġi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

DIER - Ilmenti li ġew riżolti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imressqa ilmenti quddiem id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) matul l-2025 u li ġew riżolti mingħajr il-ħtieġa tat-tribunal?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

DIER - Ilmenti mressqa matul l-2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid dwar xiex kienu l-ilmenti mressqa quddiem id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) matul l-2025, u jaqsam din l-informazzjoni f’numri u persentaġġi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Skema għax-Xogħol fil-Komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Iskema għax-Xogħol fil-Komunità għadhiex fis-seħħ u, jekk iva, kif qed titħaddem u kif tista’ tiġi aċċessata? Jekk le, hemm il-ħsieb li jkun hemm skema ekwivalenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat illi I-implimentazzjoni tal-Community Work Scheme għadha għaddejja. Klijenti jiġu rreferuti minn Jobsplus skont il-kriterji stabbiliti.

Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol – Ġeneru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol huma nisa u kemm huma rġiel? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal aktar minn ħames snin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2200, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa l-aħħar ta` Awwissu 2026, kien hemm 1,328 persuna tirreġistra għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru, li minnhom 501 kienu nisa u 827 kienu rġiel. Minn 1,328 persuna, 44 kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal aktar minn ħames snin. Minnhom 5 kienu nisa u 39 kienu rġiel.