Legislature:
Category:
Reset
Active:

FSSA - Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Food Safety and Security Authority (FSSA) fis-snin 2023, 2024 u 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li minn Jannar 2023 sa Frar 2025 saru 2,691 spezzjoni. Mill-bidu ta’ Marzu 2025 kienet bdiet iseħħ it-tranżizzjoni sabiex il-funzjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ikel jgħaddu għand l-Awtorita` għas-Sigurta` tal-Ikel taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, għalhekk għal din il-parti tal-informazzjoni nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Proċeduri relatati mal-għajnejn - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-proċeduri relatati mal-għajnejn u jagħti n-numru skont it-tip ta’ proċeduri?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Kartuna r-roża - Mediċini

Question

Fid-dawl li l-mediċina li tista’ tinġieb bil-kartuna r-roża (free medical aid) hija limitata u ħafna persuni xorta jkollhom jixtru l-mediċina minkejja d-dħul baxx tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm mediċina out of stock li tista’ tinġieb bil-free medical aid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-istokk ta l-unika mediċina li ma kinitx dissponibli wasal u hu pjanat li jitqassam fil-ġranet li ġejjin.

Medical Advice Helpline 1440 - Telefonati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru telefonati fuq il-Medical Advice Helpline 1440 matul is-sena 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n-numru tal-linja li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta hawn fuq, ma japartjeni mal-ebda servizz li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħi.

Servizz tas-saħħa bla ħlas

Question

Fid-dawl li l-popolazzjoni ta’ Malta qed tgħix ħajja itwal, jista’ l-Ministru jgħid xi strateġija qed jaddotta l-Gvern biex jiżgura li s-servizz tas-saħħa jibqa’ sostenibbli u bla ħlas minn min qed juża s-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern introduċa diversi miżuri fl-Istrateġiji Nazzjonali tiegħu biex jiżgura li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu sostenibbli u aċċessibbli għal kulħadd, minkejja iż-żieda fil-persentaġġ ta’ l-anzjani fil-popolazzjoni Maltija.

Saħħa sesswali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi mnedija l-politika dwar is-saħħa sesswali b’mod ħolistiku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

L-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali 2025–2030 ġiet ippubblikata għall-konsultazzjoni pubblika u rċeviet rispons estensiv minn diversi organizzazzjonijiet, entitajiet u individwi. Dan ir-rispons inġabar, ġie analizzat fid-dettall u, abbażi tiegħu, l-istrateġija ġiet aġġornata sabiex tirrifletti aħjar approċċ ħolistiku u bbażat fuq evidenza xjentifika. Din l-istrateġija aġġornata se tiġi ppubblikata fiż-żmien li ġej. Sadanittant, diversi inizjattivi diġà ġew imsaħħa u oħrajn ġew imnedija bħala parti mill-impenn tal-Gvern favur is-saħħa sesswali, fosthom il-provvista b’xejn tal-PEP u l-PrEP, flimkien ma’ miżuri oħra ta’ prevenzjoni, edukazzjoni u aċċess għas-servizzi tas-saħħa.

PBS - Programmi ta’ ġurnaliżmu investigattiv

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm programmi ta’ ġurnaliżmu investigattiv fuq il-Public Broadcasting Services (PBS) u x’kien jisimhom, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

MCAST - Wellness Hub - Ingaġġ ta’ social worker

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32859, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġi ingaġġat social worker fil-Wellness Hub tal-MCAST?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li dan il-proċess beda sabiex isir dan ir-reklutaġġ.

MCAST - Kors tas-social work

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-istudy units u credit levels tal-kors tas-social work fl-MCAST?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta’ Malta - Kors tas-social work

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-istudy units u credit levels tal-kors tas-social work fl-Università ta’ Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta’ Malta - Studenti tas-social work

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti tas-social work fl-Università ta’ Malta f’kull sena akkademika (l-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-aħħar sena)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; Sena ta’ studju Numru ta’ studenti L-ewwel sena ta’ studju 18 It-tieni sena ta’ studju 11 It-tielet sena ta’ studju 15 Ir-raba sena ta’ studju 13 Il-ħames sena ta’ studju / Is-sitt sena ta’ studju 3

MCAST - Ranking globali tal-universitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-MCAST biex anke din l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla tibda’ tiġi kklassifikata fir-ranking globali tal-universitajiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

L-MCAST huwa istituzzjoni nazzjonali ewlenija fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u professjonali (VPET), b’mandat distint li jiffoka fuq tagħlim applikat, Work-Based Learning u kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija u s-soċjetà. Il-klassifikazzjonijiet globali tal-universitajiet jużaw metodoloġiji differenti u jqisu firxa ta’ kriterji, fosthom ir-riċerka u l-pubblikazzjonijiet, iżda wkoll ir-reputazzjoni fost min iħaddem, l-internazzjonalizzazzjoni, il-proporzjon bejn staff akkademiku u studenti, il-kwalità tal-esperjenza tal-istudent u l-impatt fuq is-soċjetà u l-ekonomija. Dawn il-kriterji mhux kollha huma mfassla primarjament għal istituzzjonijiet vokazzjonali, iżda numru minnhom huwa relevanti wkoll għal MCAST. F’dan il-kuntest, l-MCAST qed jaħdem fuq diversi aspetti li jikkontribwixxu għal tisħiħ tal-profil u r-rikonoxximent internazzjonali tiegħu. Dawn jinkludu: ·    it-tisħiħ tal-Work-Based Learning u s-sħubijiet mal-industrija, li jsaħħu r-reputazzjoni tal-istituzzjoni fost min iħaddem; ·    l-espansjoni tal-internazzjonalizzazzjoni permezz ta’ mobilità, kollaborazzjonijiet Ewropej u sħubijiet ma’ istituzzjonijiet barranin; ·    investiment kontinwu fil-kwalità tat-tagħlim, infrastruttura moderna u servizzi ta’ appoġġ biex titjieb l-esperjenza tal-istudent; ·    u l-iżvilupp tar-riċerka applikata u l-innovazzjoni, inkluż l-MCAST Journal of Applied Research and Practice, rivista akkademika li tippromwovi pubblikazzjoni ta’ riċerka applikata u xogħol xjentifiku marbut mal-oqsma vokazzjonali u professjonali Barra minn hekk, l-istituzzjoni qed tkompli ssaħħaħ il-governanza, l-monitoraġġ, u l-assigurazzjoni tal-kwalità, fatturi li huma dejjem aktar meqjusa fil-valutazzjonijiet istituzzjonali internazzjonali. Filwaqt li l-prijorità strateġika tibqa’ li MCAST iwettaq il-missjoni tiegħu li jipprovdi edukazzjoni vokazzjonali u professjonali ta’ kwalità għolja u rilevanti għas-suq tax-xogħol, l-istituzzjoni se tkompli tħares lejn opportunitajiet li jsaħħu l-kredibilità u l-viżibbiltà tagħha fuq livell Ewropew u internazzjonali, b’mod konsistenti mal-identità u r-rwol distint tagħha fis-sistema edukattiva Maltija.

Università ta’ Malta - Ranking globali tal-universitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn skont ir-ranking globali tal-universitajiet (Times Higher Education, 2026), il-prospettiva internazzjonali tal-Università niżlet minn 57.8 għal 56.2 (-1.6)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li t- Times Higher Education (THE) World University Rankings 2026 ġie ppubblikat f’Ottubru 2025. Dan ir-ranking kien ibbażat fil-maġġor parti fuq figuri li l-Università ta’ Malta ssottomettiet dwar is- sena akkademika 2022/2023 , kif rikjest mit-THE stess. Fil-każ speċifiku tal-International Outlook, l-iskor tal-Università niżel minn 57.8 (fit-THE 2025) għal 56.2 (fit-THE 2026), nuqqas ta’ 1.6 punti. Dan l-indikatur għandu piż ta’ 7.5% fil-kuntest tar-ranking globali tat-THE, u fil-fatt ma impattax il-pjazzament globali tal-Università fir-rankings li għal dan l-aħħar ħames snin irnexxielha żżomm il-pożizzjoni minkejja ż-żieda sinifikanti ta’ istituzzjonijiet ġodda kull sena. Ir-raġunijiet għat-tnaqqis fl-iskor tal-prospettiva internazzjonali huma primarjament is-sussegwenti: 1.     In-numru u l-proporzjon tal-istaff internazzjonali tal-Università naqas minn 101.07 ( 12.34% tal-istaff totali) fit-THE 2025 għal 91.04 ( 11.09% tal-istaff totali) fit-THE 2026, tnaqqis ta’ 10%. It-tnaqqis fin-numru ta’ staff internazzjonali fl-Università huwa primarjament riflessjoni tal-prijorità strateġika li, sa fejn hu possibli, tiġi attirata u żviluppata kapaċità akkademika lokali u nazzjonali. 2. Il-prestazzjoni relattiva ta’ universitajiet oħra : Ir-rankings tat-THE huma relattivi, jiġifieri l-iskor u l-klassifikazzjoni ta’ università jiddependu mil-prestazzjoni ta’ 2,191 università parteċipanti oħra . Jekk xi wħud minn dawn l-universitajiet itejbu l-prospettiva internazzjonali tagħhom. pereżempju jekk qegħdin iżidu iktar staff internazzjonali, studenti internazzjonali u sħab fir-riċerka internazzjonali, l-iskor tal-Università ta’ Malta jista’ jonqos kemxejn, anki jekk fir-realtà l-prestazzjoni tal-Università tkun baqgħet l-istess jew addirittura tjiebet. Ta’ min jinnota li irrispettivament minn dan in-nuqqas ta’ 1.6 punti, il-prospettiva internazzjonali hija l-indikatur li fih l-Università hija kklassifikata fl-aħjar pożizzjoni meta kkumparata mal-indikaturi l-oħra. Fil-fatt, l-Università tinsab fis-716-il pożizzjoni globalment fil-prospettiva internazzjonali.

Karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-linja li ilhom jagħtu servizz iktar minn 15-il sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma hemm l-ebda karozza tal-linja li qiegħda topera fis-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda li għandha aktar minn ħmistax-il sena.

Sustainable Transport Driving Licence Surrender Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti taħt is-Sustainable Transport Driving Licence Surrender Scheme sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34275.