Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol - Skemi u inċentivi għal min iħaddem
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi skemi u inċentivi hemm għal min iħaddem, biex persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, ikollhom opportunitajiet aħjar biex jaħdmu, b’mod partikolari:
i. persuni li għandhom ’il fuq minn 50 sena;
ii. persuni li kienu qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni għad-droga;
iii. persuni li huma rreġistrati bħala homeless; u
iv. persuni li skontaw sentenza ta’ priġunerija?
Jista’ jgħid ukoll kemm huwa faċli jew diffiċli għal min iħaddem biex jirrikorri għal dawn l-iskemi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat
li Jobsplus għandha diversi skemi u inċentivi għal min iħaddem, biex persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, ikollhom opportunitajiet aħjar biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
L-iskema
tal-Mature Workers, hija mmirata għal min iħaddem persuni li għandhom ’il fuq minn 45 sena (sa 65). Biex min iħaddem jikkwalifika għal din l-iskema, l-impjegat irid ikun ilu jirreġistra fuq l-ewwel jew it-tieni parti tar-reġistru għal 6 xhur konsekuttivi qabel ma dan ikun sab l-impjieg. Barra minn hekk iż-żmien ta’ meta waqaf mir-reġistrar u meta sab l-impjieg ma jridx jaqbeż 15-il ġurnata.
Jekk il-persuna li se jħaddem ikollha l-kriterji meħtieġa, min iħaddem jibbenefika minn tnaqqis ta’ taxxa ta’ €11,600 fuq perjodu ta’ sentejn, li jfisser tnaqqis ta’ €5,800 kull sena. Barra minn hekk, jekk min iħaddem joffri taħriġ lill-impjegat u jkun “
outsourced
[1]
” jista’ jibbenefika ukoll minn tnaqqis ta’ taxxa addizzjonali. Dan it-tnaqqis huwa ta’ 50% ta’ kemm jiġi jiswa t-taħriġ u jista’ jieħu sa massimu ta’ €400 għal kull impjegat.
Jobsplus toffri wkoll l-iskema tal-Bridging the Gap lill-persuni b’diżabilità u vulnerabbli fosthom individwi:
· Li kienu qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni għad-droga;
· Li huma rreġistrati bħala homeless;
· Li skontaw sentenza ta’ priġunerija,
· Li jattendu d-DETOX
· Li għandhom is-sapport ta’ social worker, probation officers,
· Li għandhom diffikultajiet ta’ Saħħa Mentali, u
· Każijiet Soċjali oħra.
Din l-iskema tiffaċilita t-transizzjoni għall-impjieg għal min qiegħed ifittex xogħol billi tiġi provduta esperjenza u taħriġ prattiku fuq post tax-xogħol skont il-bżonn. Dan it-taħriġ jgħin biex l-individwi jiksbu tagħrif, kapaċitajiet u kompetenzi li huma bżonnjużi biex jinstab u jinżamm l-impjieg.
Fil-perjodu miftiehem ma’ Jobsplus, min iħaddem ikollu l-opportunità jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol, b’appoġġ kontinwu minn Jobsplus u l-Lino Spiteri Foundation. L-għan aħħari huwa li persuni vulnerabbli msemmija hawn fuq jiġu impjegati wara l-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-iskema. Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw għotja fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali.
L-iskema tal-Work Exposure tassisti lill-persuni li huma bla xogħol biex jakkwistaw il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għal xogħol partikolari permezz ta’ taħriġ prattiku fuq il-post tax-xogħol. Matul il-perjodu tal-iskema, l-individwi jirċievu għotja ta’ taħriġ li tvarja bejn il-paga minima u €7.50 fis-siegħa skont it-titlu ta’ xogħol li wieħed jagħżel. Biex persuna tikseb ċertifikat fl-aħħar tal-iskema trid tkun minn tal-inqas attendiet 70% tas-siegħat. Is-siegħat li wieħed irid jattendi jvarjaw bejn 200 u 280-il siegħa skont ix-xogħol li wieħed jagħżel biex jitħarreġ fuqu. Min iħaddem ikollu l-opportunità li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol. Din l-iskema hija kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+), u tikkumplimenta l-iskemi u l-inizjattivi msemmija hawn fuq li huma mmirati b’mod speċifiku lejn gruppi vulnerabbli.
Jobsplus tassisti wkoll lil min iħaddem permezz ta’ sapport u gwida fil-mili tal-applikazzjonijiet ta’ dawn l-iskemi. Dawn l-applikazzjonijiet jinstabu fuq is-sit elettroniku ta’ Jobsplus, u għaldaqstant mhux diffiċli għal min iħaddem biex jirrikorri għalihom. Sapport ieħor jingħata lil min iħaddem mis-sezzjoni ġewwa Jobsplus li tassisti lil dawn il-gruppi vulnerabbli biex tiffaċilita kemm jista’ jkun il-proċessi t’impjieg.
Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu biex in-numru f’impjieg ta’ persuni vulnerabbli jkompli jiżdied.
[1]
Taħriġ li jsir barra mill-post tax-xogħol jew offrut minn partijiet terzi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni:
i. li għandhom ’il fuq minn 50 sena;
ii. li kienu qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni għad-droga;
iii. li huma rreġistrati bħala homeless; u
iv. li skontaw sentenza ta’ priġunerija,
li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u sabu impjieg sal-aħħar tas-sena 2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li kien hemm 330 persuna f’dawn il-kategoriji li sabu mpjieg fl-2025
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni:
i. li għandhom ’il fuq minn 50 sena;
ii. li kienu qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni għad-droga;
iii. li huma rreġistrati bħala homeless; u
iv. li skontaw sentenza ta’ priġunerija,
li ma sabux xogħol sal-aħħar tas-sena 2025 minkejja li kienu qegħdin jirreġistraw?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li jaqgħu f’dawn il-kategoriji u li kienu għadhom qed jirreġistraw fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta’ Diċembru 2025 kien ta’ 393. Iktar informazzjoni dettaljata tinsab fit-tabella ppreżentata.
Persuni
[1]
li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta' Diċembru 2025
Total
li għandhom ’il fuq minn 50 sena
265
li kienu qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni għad-droga
50
li skontaw sentenza ta’ priġunerija
54
li huma każ soċjali
24
[1]
Il-persuni f’kull kategorij m’humiex ripetuti.
National Strategic Policy for Positive Parenting 2016 - 2024
Question
Fid-dawl li n-National Strategic Policy for Positive Parenting 2016-2024 skadiet fl-2024, jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi mnedija l-istrateġija nazzjonali li jmiss?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, bħalissa għaddejjin b’diskussjonijiet mal-Kumitat ta’ Trobbija Pożittiva u t-Tisħiħ tal-Familja, filwaqt li qed isiru wkoll tħejjijiet għal konsultazzjoni wiesa’ mal-imsieħba ewlenin fis-settur soċjali, bil-għan li tiġi ffinalizzata l-istrateġija nazzjonali li jmiss.
National Strategic Policy for Positive Parenting 2016 - 2024 - Objettivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-objettivi li ntlaħqu jew li ma ntlaħqux fin-National Strategic Policy for Positive Parenting 2016 - 2024?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-maġġoranza tal-objettivi li jiffurmaw parti min-National Strategic Policy for Positive Parenting 2016–2024 ġew implimentati permezz ta’ ħidma koordinata mwettqa kemm minn entitajiet u aġenziji fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, kif ukoll minn entitajiet interministerjali oħra. Barra minn hekk, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal għandu wkoll numru ta’ Public Social Partnerships (PSPs) ma’ diversi NGOs, bil-għan li nsaħħu l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri u jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-imsemmija politika.
Dawk l-objettivi li għal diversi raġunijiet għadhom ma ġewx konklużi jew implimentati b’mod sħiħ, għadhom għaddejjin diskussjonijiet u għadha għaddejja ħidma fuqhom, u ser ikunu kkunsidrati u riflessi fl-Istrateġija Nazzjonali li jmiss, sabiex ikun assigurat li l-ħidma f’dan il-qasam tkompli tissaħħaħ b’mod konsistenti u koordinat.
Strateġija Nazzjonali ta’ kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2024
Question
Fid-dawl li l-Istrateġija Nazzjonali ta’ kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali skadiet fl-2024, jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi mnedija l-istrateġija nazzjonali li jmiss?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor.Interpellanta li l-Istrateġija Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u għall-Inklużjoni Soċjali 2025-2030 ġiet ippubblikata wara proċess estensiv ta’ konsultazzjoni fil-livell nazzjonali li involva diversi partijiet interessati. Din ġiet imnedija uffiċjalment f’Jannar 2025, aktar minn sena ilu.
Strateġija Nazzjonali ta’ kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2024 - Objettivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-objettivi li ntlaħqu jew li ma ntlaħqux fl-Istrateġija Nazzjonali ta’ kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2024?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Inerpellanta li l-Istrateġija Nazzjonali ta’ kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2024 preċedenti, ġiet evalwata bħala parti mill-proċess ta’ tħejjija għall-Istrateġija Nazzjonali għat-tnaqqis tal-Faqar u għall-Inklużjoni Soċjali 2025-2030 u r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni ġew ippubblikati u annessi mal-istrateġija finali adottata f’Jannar 2025, aktar minn sena ilu.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-miżura fejn persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, speċjalment ġenituri waħedhom, setgħu jaħdmu ftit sigħat fil-ġimgħa (sa mhux iktar minn tmien sigħat) biex ikunu jistgħu jsostnu lilhom infushom u lill-uliedhom twaqqfet, meta kienet tassisti persuni f’riskju ogħla tal-faqar? Jista’ jgħid ukoll jekk għandux pjan biex idaħħal miżura simili fil-futur qarib?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta, illi l-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, matul is-sena 2014, embarka fuq strateġija ta’ Making Work Pay, fejn fost diversi proposti ġew mnedija t-Tapering tal-Benefiċċji u l-In Work Benefit. L-introduzzjoni ta’ dawn iż-żewġ benefiċċji naqqsu b’mod b’saħħtu d-dipendenza soċjali u kif ukoll introduċew aktar nisa’ fid-dinja tax-xogħol.
Bħala fatt bejn is-sena 2014 u s-sena 2026 id-dipendenza soċjali naqset b’65%, fejn illum nistgħu niddefinixxu illi qiegħdin jiġu recorded l-anqas ammont ta’ benefiċċjarji tal-Għajnuna Soċjali f’kull żmien. Barra minn hekk, Malta hija m eqjusa fuq quddiem nett fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fil-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.
Tajjeb li jingħad ukoll illi s-sistema li kienet tiġi ppratikata preċedentament u li qiegħda tirreferi għaliha, l-Onorevoli Interpellanta ma’ kienitx tista tibqa taħdem minħabba illi aktar kienet tressaq lil tali ibenefiċċjarji lejn id-dipendenza soċjali, minbarra illi tali skema kienet ukoll tiġi sfruttata kontra l-benefiċċjarju. Importanti li jingħad illi persuni li kienu jirċievu l-benefiċċju soċjali u daħlu fid-dinja tax-xogħol bis-saħħa tat-Tapering tal-Benefiċċji, aktar minn 80% tagħhom baqgħu fid-dinja tax-xogħol u għalhekk qiegħdin nassiguraw illi dawn il-persuni, hekk kif jaslu għall-età pensjonabbli tagħhom jiġu eliġibbli għall-Pensjoni Kontributorja,
Fid-dawl li skont il-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, ġenituri waħedhom huma f'riskju ta’ faqar assolut, jista’ l-Ministru jgħid b’mod prattiku x’miżuri ser jieħu biex ġenituri waħedhom, speċjalment nisa, ma jispiċċawx fil-faqar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Niġbed l-attenzjoni tal- Onor. Interpellanta li l-pubblikazzjoni tal-Bank Ċentrali li kkwotat, speċifikament, Tabella 1c, tindika li bejn l-2012 u l-2024, id-dħul disponibbli ta’ ġenituri waħedhom żdied b’ 72%, l-istess perċentaġġ ta’ tkabbir osservat fost koppji ġenituri.
Dan huwa riżultat ta’ miżuri bħac-childcare b’xejn u t-tapering tal-benefiċċji. Studji tal-Bank Ċentrali urew li kemm ic-childcare u kif ukoll it-tapering kellu effett pożitiv qawwi fuq il-ġenituri waħedhom. Mill-2012 ’il quddiem kien hemm tnaqqis ta’ 3.8 punti perċentwali fil-proporzjon f’riskju ta’ faqar u tnaqqis ta’ 43.5 punti perċentwali fil-proporzjon f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali.
It-titjib reġistrat mistenni jiżdied bit-tax cuts għall-ġenituri u żidiet f’benefiċċji oħrajn bħaċ-Childrens Allowance u l-In-Work Benefit.
Fid-dawl li skont il-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta’ Malta fl-2024 persuni li kienu waħedhom kienu f'riskju tal-faqar, b’14% riskju ogħla minn kemm kienu fl-2012, jista’ l-Ministru jgħid b’mod prattiku x’miżuri ser jieħu biex persuni waħedhom ma jispiċċawx fil-faqar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-publikazzjoni tal-Bank Ċentrali li kkwotat tispjega liż-żieda f’din ir-rata ma tirriflettix sitwazzjoni ta’ persuni jgħixu waħidhom li marret għall-agħar. Anzi l-istess pubblikazzjoni spjegat f’Tabella 1c li bejn l-2012 u l-2024 id-dħul disponibbli ta’ nies jgħixu waħedhom f’pajjiżna kiber b’66%.
Riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali - Persuni ’l fuq minn 65 sena
Question
Fid-dawl li skont il-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, persuni li għandhom ’il fuq minn 65 sena huma f’riskju ogħla ta’ faqar u esklużjoni soċjali, b’nisa anzjani huma saħansitra 9.5% f’riskju ogħla li jispiċċaw fil-faqar u esklużi, jista’ l-Ministru jgħid b’mod prattiku x’miżuri ser jieħu biex anzjani, speċjalment nisa, ma jispiċċawx fil-faqar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-pubblikazzjoni tal-Bank Ċentrali msemmija, fil-fatt hemm spjegat li ż-żieda f’din ir-rata ma tfissirx li l-qagħda tan-nisa anzjani marret għall-agħar. Anzi l-istess pubblikazzjoni spjegat f’Tabella 1b li bejn l-2013 u l-2024 id-dħul disponibbli tan-nisa anzjani f’pajjiżna kiber b’50.2%, jew ferm aktar miż-żieda osservata fost nisa anzjani Ewropej, li raw żieda ta’ 30.9% fl-istess perjodu.
L-istess pubblikazzjoni spjegat li anke mqabbel ma’ familja medja ta’ ħaddiema Ewropej, in-nisa anzjani f’Malta raw terz aktar fit-tkabbir tad-dħul disponibbli tagħhom.
Skont il-Bank Ċentrali ż-żieda fir-rata ta’ nisa anzjani f’riskju ta’ faqar u eskluzjoni soċjali tirrifletti l-fatt li ħafna nisa ta’ l-età tax-xogħol daħħlu jaħdmu (ir-rata f’pajjiżna kienet it-tieni l-anqas fl-UE u issa hija it-tieni l-aqwa) u dak tella’ l-limitu tad-dħul li bih il-Eurostat tkejjel ir-riskju tal-faqar. L-istess rapport innota li meta dawn in-nisa jirtiraw fis-snin li ġejjin, se jseħħ eżatt bil-maqlub u n-nisa anzjani f’Malta se jidhru l-aktar grupp fejn fih naqas ir-riskju ta’ faqar.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preżenti daħħal għexieren ta’ miżuri li permezz tagħhom żied id-dħul disponsibbli tan-nisa anzjani f’pajjiżna (bħall-anzjani kollha) tant li dawn kellhom fost l-ogħla titjib fid-dħul fl-Ewropa. Tant hu hekk li statistika Ewropea tindika li r-rata ta’ anzjani Maltin li jqisu ruħhom fqar naqas bin-nofs imqabbel mal-2013.
Fid-dawl li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), 16.8% tal-popolazzjoni Maltija hija f’riskju ta’ faqar, li dan ifisser iktar minn 92,000 persuna, u fid-dawl li meta tinkludi wkoll l-esklużjoni soċjali r-rata titla’ għal 19.7%, jiġifieri persuna minn kull ħamsa tesperjenza l-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta, kif ukoll li:
• tfal taħt it-18: ~24.1 % huma f’riskju ta’ faqar;
• adulti 18-64: ~11.9 %;
• anzjani (65+): ~29.7 %; u
• nisa iktar f’riskju mill-irġiel (nisa - 18.3 %: irġiel 15.6 %),
(Sors: NSO Malta | EU-SILC 2024: Salient Indicators - NSO Malta (aċċessat fis-7 ta’ Frar 2025), jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Gvern biex din ir-rata tonqos b’mod drastiku u b’mod effettiv?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta lir-rata ta’ Riskju ta’ Faqar jew Esklużjoni Soċjali, minn 24.6% fl-2013 illum niżlet għal 19.7%. Dan ifisser li fejn qabel kien hawn 1 minn kull 4 persuni ikkunsidrat hekk, illum fadal 1 minn kull 5.
Fl-istess perjodu l-għadd ta’ persuni mċaħħda severament materjalment u soċjalment minn 10.2% (1 minn kull 10 persuni) niżel għal 4% (1 minn kull 25 persuna); filwaqt l-għadd ta’ dawk mċaħħda materjalment u soċjalment minn 19.9% (1 minn kull 5 persuni) waqa’ għal 9% (1 minn kull 11-il persuna).
Kejl ieħor tal-progress li sar huwa dak ta’ persuni li jirċievu l-assistenzi soċjali. Dawn juru li l-għadd ta’ persuni fuq l-assistenza soċjali minn 12,708 fl-2013 sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda niżel għal 5,676; filwaqt li persuni li jirċievu l-assistenza soċjali għad-diżimpjieg minn 6,119 fl-2013 niżel għal 374.
Bla dubju dan il-progress nkiseb bis-saħħa tar-rankatura ekonomika li esperjenza l-pajjiż li ġab miegħu opportunitajiet ta’ xogħol bla preċedent. Bis-saħħa tal-ġid ekonomiku, stajna nkunu ta’ sostenn akbar mal-pensjonanti, familji bit-tfal u ma’ dawk bi dħul baxx. Stajna wkoll ninvestu f’benefiċċji ġodda u ntejbu dawk eżistenti biex nkattru d-dħul tal-familji, ta’ persuni b’diżabilità u biex ninkoraġġixxu persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Fuq medda ta’ 11-il sena, l-investiment fuq il-familji żdied għal aktar minn €414 miljun, u dan barra €364 miljun oħra nvestiti fuq childcare b’xejn. L-investiment totali fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji żdied bi €800 miljun, u fuq il-pensjonanti żdied b’ €630 miljun.
Saru riformi mportanti fl-assistenza tal-carers u fl-assistenza għad-diżabilita’ li mill-2015 ħallew €310 miljun fil-bwiet ta’ familji u persuni benefiċjarji.
Ninsabu ffukati biex, minkejja l-irwiefen li qamu madwarna mill-ġdid, nissoktaw nibnu u nkattru fuq dak li wettaqna biex inkunu ta’ spalla mal-familji u l-pensjonanti bi tnaqqis fit-taxxa u b’aktar sostenn soċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-benefiċċji ta’ korriment fuq il-post tax-xogħol matul l-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu intitolati għal benefiċċju ta’:
i. ġimgħa jew inqas;
ii. bejn ġimgħa u ġimagħtejn;
iii. bejn ġimagħtejn u xahar; u
iv. xahar jew iktar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-ammont ta’ applikazzjonijiet għall-Benefiċċju ta’ Korriment fl-2025 kien jammonta għal 2,153. Minnhom ġew miċħuda 864 każ.
It-tabella t’hawn taħt tirreferi għat-talba tal-Onor. Interpellant fir-rigward taż-żmien li ġew intitolati għalih il-persuni eliġibbli. Tajjeb jiġi kkjarifikat illi fit-tabella t’hawn taħt hemm inklużi ukoll persuni illi ġew magħduda aktar minn darba ‘il għaliex dawn jidħlu f’perijodi differenti. Dawn jammontaw għal 154 persuna:
Intitolament ta' Benefiċċju
Benefiċċjarji
Ġimgħa jew anqas
593
Bejn ġimgħa u ġimagħtejn
241
Bejn ġimagħtejn u xahar
183
Xahar jew iktar
426
Total
1,443
Jista’ l-Ministru jgħid liema hija l-entità responsabbli li tassigura li l-krejnijiet li jkunu mqiegħda fuq il-post (tower cranes) huma siguri u li jkunu jifilħu anke għal riħ qawwi jew rwiefen?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li skont liġijiet illi jaqaw taħt l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq ix-Xogħol, f’każ ta’ fenomeni naturali eċċezzjonali li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tal-apparat tax-xogħol, f’dan il-każ tower crane, min iħaddem għandu jiżgura li issir spezzjoni speċjali minn persuni kompetenti sabiex ikun żgurat li jinżammu kundizzjonijiet tas-saħħa u sigurtà u li kwalunkwe deterjorazzjoni li seta’ kien hemm tinkixef u tiġi rimedjata fil-pront.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34521 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32580, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex il-bordijiet tas-social work, psikoloġija, psikoterapija, counselling u youth work ikollhom struttura awtonoma tad-dixxiplina kif sostniet il-Qorti Kostituzzjonali, fid-dawl li l-Kunsill Mediku, wara sentenza kostituzzjonali, ser jadotta sistema fejn ikun hemm kumitat tad-dixxiplina ġdid li jirrispetta l-awtonomija meħtieġa f’dawn il-każijiet?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment
ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34520 u jgħid kemm inħarġu ordnijiet taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Kap 602 fis-sena 2025, skont kull kategorija ta’ protezzjoni li tipprovdi din il-liġi?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub minnha huwa kif jidher hawn taħt.
99 Ordnijiet ta’ Protezzjoni Proviżjonali mqassmin kif elenkat hawn taħt:
i. 14 Ordnijiet ta’ Emerġenza (13
pendente lite
, 1 revokata)
ii. 26 Ordnijiet ta’ Ħarsien (
Care Order
) (8 kkonfermati, 18
pendente lite
)
iii. 5 Ordnijiet ta’ Superviżjoni (
pendente lite
)
iv. 2 Ordnijiet ta’ Ħarsien Korrettiv (1
pendente lite
, 1 revokata)
v. 52 Ordnijiet UMAS
[i]
(23 kkonfermati, 29
pendente lite
)
34 Ordnijiet ikkonfermati, i.e. li l-proċess legali kien mibdi fi snin preċedenti, mqassmin kif elenkat hawn taħt:
i. 21 Ordnijiet ta’ Ħarsien
ii. 5 Ordnijiet ta’ Superviżjoni
iii. 1 Ordni ta’ Ħarsien Korrettiv
iv. 7 Ordnijiet ta’ Ħarsien revokati.
[i]
UMAS – tindika l-frażi unaccomapnied minors asylum seekers, li tirreferi għal minuri mhux akkumpanjat illi qed ifittex l-ażil fil-ġżejjer Maltin
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34519 u jgħid kemm hemm tfal b’Ordni ta’ Ħarsien li għandhom bżonn akkomodazzjoni alternattiva, iżda ma ngħatatilhomx minħabba li m’hemmx akkomodazzjonijiet biżżejjed? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx lista ta' stennija għall-akkomodazzjoni alternattiva u jekk iva, kemm hi twila din il-lista?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm 12-il minuri b’Ordni ta’ Ħarsien li bħalissa qegħdin jiġu assessjati biex tinbidlilom ir-residenza fejn qed jgħixu.