Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol - Skemi u inċentivi għal min iħaddem
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi skemi u inċentivi hemm għal min iħaddem, biex persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, ikollhom opportunitajiet aħjar biex jaħdmu, b’mod partikolari:
i. persuni li għandhom ’il fuq minn 50 sena;
ii. persuni li kienu qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni għad-droga;
iii. persuni li huma rreġistrati bħala homeless; u
iv. persuni li skontaw sentenza ta’ priġunerija?
Jista’ jgħid ukoll kemm huwa faċli jew diffiċli għal min iħaddem biex jirrikorri għal dawn l-iskemi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li Jobsplus għandha diversi skemi u inċentivi għal min iħaddem, biex persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, ikollhom opportunitajiet aħjar biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
L-iskema tal-Mature Workers, hija mmirata għal min iħaddem persuni li għandhom ’il fuq minn 45 sena (sa 65). Biex min iħaddem jikkwalifika għal din l-iskema, l-impjegat irid ikun ilu jirreġistra fuq l-ewwel jew it-tieni parti tar-registru għal 6 xhur konsekuttivi qabel ma dan ikun sab l-impjieg. Barra minn hekk iż-żmien ta’ meta waqaf mir-reġistrar u meta sab l-impjieg ma jridx jaqbeż 15-il ġurnata.
Jekk il-persuna li se jħaddem ikollha l-kriterji meħtiega, min iħaddem jibbenifika minn tnaqqis ta’ taxxa ta’ €11,600 fuq perjodu ta’ sentejn, li jfisser tnaqqis ta’ €5,800 kull sena. Barra minn hekk, jekk min iħaddem joffri taħriġ lill-impjegat u jkun “outsourced ” jista jibbenifika ukoll minn tnaqqis ta’ taxxa addizzjonali. Dan it-tnaqqis huwa ta’ 50% ta’ kemm jiġi jiswa t-taħriġ u jista’ jieħu sa massimu ta’ €400 għal kull impjegat.
Jobsplus toffri wkoll l-iskema tal-Bridging the Gap lill-persuni b’diżabilità u vulnerabbli fosthom individwi:
• Li kienu qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni għad-droga;
• Li huma rreġistrati bħala homeless;
• Li skontaw sentenza ta’ priġunerija,
• Li jattendu d-DETOX
• Li għandhom is-sapport ta’ social worker, probation officers,
• Persuni b’diżabilita,
• Oħrajn li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali, u
• Każijiet soċjali oħra.
Din l-iskema tiffaċilità t-transizzjoni għall-impjieg għal min qiegħed ifittex xogħol billi tiġi provduta esperjenza u taħriġ prattiku fuq post tax-xogħol skont il-bżonn. Dan it-taħriġ jgħin biex l-individwi jiksbu tagħrif, kapaċitajiet u kompetenzi li huma bżonnjużi biex jinstab u jinżamm l-impjieg.
Fil-perjodu mifthiem ma’ Jobsplus, min iħaddem ikollu l-opportunita li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol, b’sapport kontinwu min-naħa ta’ Jobsplus u Lino Spiteri Foundation. L-għan aħħari huwa li persuni vulnerabbli msemmija hawn fuq jiġu impjegati wara l-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-iskema. Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw għotja fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali.
L-iskema tal-Work Exposure tassisti lill-persuni li huma bla xogħol biex jakkwistaw il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għal xogħol partikolari permezz ta’ taħriġ prattiku fuq il-post tax-xogħol. Matul il-perjodu tal-iskema, l-individwi jirċievu għotja ta’ taħriġ li tvarja bejn il-paga minima u €7.50 fis-siegħa skont it-titlu ta’ xogħol li wieħed jagħżel. Biex persuna tikseb ċertifikat fl-aħħar tal-iskema trid tkun minn tal-inqas attendiet 70% tas-siegħat. Is-siegħat li wieħed irid jattendi jvarjaw bejn 200 u 280-il siegħa skont ix-xogħol li wieħed jagħżel biex jitħarreġ fuqu. Min iħaddem ikollu l-opportunita li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol. Din l-iskema hija kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+). Din l-iskema tikkumplimenta l-skemi u inizzjattivi msemmija hawn fuq li huma speċifikament mmirati għall-gruppi vulnerabbli.
Jobsplus tassisti wkoll lil min iħaddem permezz ta’ sapport u gwida fil-mili tal-applikazzjonijiet ta’ dawn l-iskemi. Dawn l-applikazzjonijiet jinstabu fuq is-sit elettroniku ta’ Jobsplus, u għaldaqstant mhux diffiċli għal min iħaddem biex jirrikorri għalihom. Sapport ieħor jingħata lil min iħaddem mis-sezzjoni ġewwa Jobsplus li tassisti lil dawn il-gruppi vulnerabbli biex tiffaċilità kemm jista’ jkun il-proċessi t’impjieg.
Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu biex in-numru f’impjieg ta’ persuni vulnerabbli jkompli jiżdied.