Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gżira – toroq madwar il-Knisja – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlestew it-toroq madwar il-Knisja tal-Gżira, ċjoè Triq Manoel De Vilhena u Triq Carlo Manchè?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta diġà temmet ix-xogħlijiet kollha previsti fi Triq Carlo Manche. Dawn ix-xogħlijiet tlestew fis-26 t'April 2022. Triq Carlo Manche ġiet mgħoddija lid-dipartiment tax-xogħlijiet biex jesegwixxi xogħlijiet ta' pavimentar minn April 2022. Fir-rigward ta’ Triq Manuel de Vilhena, Infrastructure Malta diġà temmet l-ewwel fażi ta' xogħlijiet sal-knisja u għaddiet din il-parti tas-sit lid-dipartiment tax-xogħlijiet, għax-xogħlijiet tal-pavimentar. Il-kuntrattur tal-aġenzija issa qed jara li jlesti l-fażi finali tax-xogħlijiet fi Triq Manuel de Vilhena, fin naħa ta’ fuq tas-sit, fi żmien ġimagħtejn. Din iż-żona mbagħad tiġi trasferita lid-dipartiment tax-xogħlijiet biex tkompli bix-xogħlijiet tal-pavimentar kif previst.

Imsida – Triq ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titlesta t-triq tax-xatt tal-Imsida (isem proprju x-Xatt ta' Ta' Xbiex) peress li jidher li x-xogħol tas-servizzi huwa lest iżda t-triq għadha fi stat diżastruż bi trabijiet u ħofor?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8629 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Kliniċi għal dentisti tal-Gvern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm kliniċi għal dentisti tal-Gvern? Kemm hemm dentisti u x'inhu n-numru ta' dentisti li suppost ikun hemm f'dawn il-kliniċi tal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 18-il dentist u 4 konsulenti fl-isptarijiet Mater Dei, Gozo General Hospital u St. Vincent de Paul.

Lista ta’ stennija għal servizzi ta’ dentist

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni fil-lista ta' stennija għal servizzi ta' dentist? Kemm minnhom huma minuri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pazjenti għal servizz ta’ Orthodontics hemm 2,183 waqt li għal Oral Surgery hemm 521 għal proċeduri taħt Local anesthesia u 493 taħt General anesthesia u 228 minn dawn huma minorenni.

CommCare – servizz ta’ nurse

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7993, li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu, jista l-Ministru jgħid f’liema ħinijiet jingħata s-servizz ta’ nurse tal-CommCare (HealthMark)? Jista’ jgħid ukoll jekk mediċina preskritta minn konsulent biex tingħata wara s-6.00 p.m. ikunux jistgħu jagħtuha fil-ħin rakkomandat?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta’ nurse u carer tal-CommCare li jiġi pprovdut mill-kuntrattur, HealthMark, jiġi pprovdut filgħodu bejn is-sebgħa u s-siegħa u filgħaxija bejn l-erbgħa u s-sebgħa. F’każ li jinqala’ bżonn għal servizz ta’ nurse urġenti, bejn is-siegħa u l-erbgħa, dan jingħata xorta waħda. Dan is-servizz ma jingħatax wara s-sebgħa ta’ filgħaxija.

Tas-Sliema – Sqaq Xatt Qui-si-Sana

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Sqaq Qui-si-Sana (jew Sqaq Xatt Qui-si Sana) f'Tas-Sliema, li s-site plan tiegħu qed tintbagħat separatament kif mitlub fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5089, huwiex sqaq pubbliku jew privat?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit hekk kif indikat fuq is-site plan provduta mhuwiex propjetà tal-Gvern.

Rapporti dwar vittmi tat-traffikar uman

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rapportati vittmi tat-traffikar uman (human trafficking victims) għal kull sena, għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022? X'inhi l-identità tal-ġeneru ta' kull vittma? X'inhi n-nazzjonalità ta' kull vittma?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Każ dwar inkjesta pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' azzjoni konkreta ttieħdet wara l-inkjesta pubblika mill-Imħallef Emeritus Geoffrey Valencia fuq il-qtil tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li sabet li l-istat u l-istituzzjonijiet fallew u qed ifallu lill-vittmi tal-vjolenza domestika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza immedjatament bdew ħidma sabiex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta tal-Imħallef Emeritus Geoffrey Valencia, filwaqt li l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika ntalbet sabiex tkun il-kordinatur ta’ din il-ħidma. Bħala parti mill-ħidma tal-Korp tal-Pulizija sabiex jitwettqu r-rakomandazzjonijiet tal-Inkjesta tal-Imħallef EmeritusValenzia dwar il-vjolenza domestika, riċentament il-Korp ippubblika Standard Operating Procedure (SOP) intern aġġornat għall-membri kollha tiegħu, li jiddefinixxi linji gwida ċari dwar il-proċeduri li għandhom jintużaw meta l-membri tal-Korp tal-Pulizija jirrispondu għal rapporti relatati ma’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru. F'dan il-proċess, intalbet l-opinjoni professjonali ta’ diversi esperti fis-settur u t’entitajiet oħrajn. L-SOP tindirizza l-irwoli u r-responsabbiltajiet li għandhom il-pulizija meta jirrispondu u jitkellmu mal-vittmi tal-imsemmija każijiet. Id-dokument jiggwida wkoll lill-pulizija, fost oħrajn rigward verifiki u azzjonijiet relatati ma’ protezzjoni temporanja; ordni ta’ protezzjoni; u ordni ta’ trażżin. L-SOP titratta wkoll dwar taħriġ speċjalizzat li jingħata lill-membri tal-Korp tal-Pulizija sabiex jibqa’ jiġi provdut servizz tal-ogħla kwalità. F’konformità mal-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni tal-Pulizija (2020-2025), f’Ottubru 2020 twaqqfet il-Gender-Based & Domestic Violence Unit. Fuq parir tal-esperti, kif ukoll tal-GREVIO (Group of Experts on Action against Violence against Women and Domestic Violence), din it-taqsima tikkonsisti f’uffiċjali speċjalizzati u mħarrġa sabiex jagħtu l-aqwa servizz lill-vittmi kollha tal-vjolenza domestika. Fil-preżent il- GB&DV Unit żdiedet għal 48 uffiċjal u bħalissa hemm sejħa interna għall-uffiċjali li jixtiequ jingħaqdu ma’ din it-taqsima, bil-għan li r-riżorsa umana ta’ dan il-Unit tkompli tissaħħaħ. Sabiex il-GB&DV Unit ma jibqax iċċentralizzat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, bħalissa għaddejja ħidma sabiex l-Għassa ta’ Santa Luċija tinbidel fl-ewwel hub, li se jilqa’ fih il-vittmi li jagħmlu rapport relatat mal- Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru. Apparti l-uffiċjali tal-Pulizija, fil-hub se jkun hemm ukoll preżenza ta’ social workers. Il-Kummissjoni fuq il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika qed tipprovdi t-taħriġ li ġej sabiex tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha f’dik li hi prevenzjoni, waħda mill-erba’ kolonni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Taħriġ minn diversi aġenziji lill-professjonisti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-vjolenza domestika fosthom lill-uffiċjali tal-pulizija, professjonisti varji fil-qasam tas-saħħa, fil-qasam legali u fil-qasam soċjali, kif ukoll lill-edukaturi; taħriġ lill-ġurnalisti li jaħdmu fil-PBS dwar it-tfassil etiku, dinjituż u riċerkat ta’ rappurtaġġ u dokumentazzjoni ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Il-Kummissjoni qegħda tipprepara biex isir seminar għall-membri tal-ġudikatura li ser jitratta suġġetti saljenti. Qed issir ukoll kampanja kontinwa ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni sabiex teduka lill-pubbliku u twassal messaġġ kontra l-vjolenza domestika b’diversi modi u li tindirizza persuni varji fis-soċjetà bħal student fl-iskejjel, żgħażagħ u adulti. Qed isir ix-xogħol preparatorju sabiex din il-kampanja tkompli tikber u tissaħħaħ. Ukoll fl-aħħar jiem imnedija linja nazzjonali għas-sapport tal-vittmi ta’ kriminalità – 116006. Din il-linja nazzjonali toffri informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità u kif taċċessa servizz ta’ appoġġ filwaqt li sservi ta’ gwida għal diversi servizzi mhux biss mill-Aġenzija għas-Sapport tal-Vittmi tal-Kriminalità iżda anke minn entitajiet oħrajn, kemm tal-istat u anke minn għaqdiet u organizzazzjonijiet volontarji. Tagħti spazju wkoll lill-vittmi biex jitkellmu b’mod kunfidenzjali ma’ professjonisti fl-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità u daqstant ieħor tirreferihom skont il-bżonnijiet tagħhom. Offruti wkoll servizz ta’ sapport emozzjonali; gwida legali u aċċess għal informazzjoni jew aġġornamenti dwar rapporti li jsiru lill-pulizija. Dan is-servizz tat-telefon bla ħlas beda jopera mit-Tnejn sal-Ħadd bejn is-7.30 ta’ filgħodu u s-7.30 ta filgħaxija. Id-diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza ser jibqgħu jaħdmu sabiex ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-imsemmija inkjesta jkomplu jiġu attwati fl-intier tagħhom. Din l-informazzjoni tinkludi biss miżuri mittieħda mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza.

Juvenile Court — Sentenzi mogħtija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' sentenza ngħatat għal kull każ li nstabu ħatja tfal taħt it-18-il sena li tressqu quddiem il-Juvenile Court fis-snin 2020, 2021 u 2022?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Pajjiżi klassifikati sikuri għal ritorn ta’ asylum seekers

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta' pajjiżi klassifikati bħala "safe" biex jiġu ritornati asylum seekers u failed asylum seekers? Jista' wkoll jipprovdi lista ta' pajjiżi klassifikati bħala "mhux safe"?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Membru għal dak provdut fl-Att dwar il-Protezzjoni Internazzjonali, Kap. 420 tal-Liġijiet ta' Malta, li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Asylum seekers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn asylum seekers li l-post tal-oriġini tagħhom huwa klassifikat "safe"? Jista' jgħid kemm hawn asylum seekers li l-post tal-oriġini tagħhom huwa klassifikat "mhux safe"?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Att dwar il-Protezzjoni Internazzjonali (Kap. 420) jipprovdi l-lista ta' pajjiżi klassifikati bħala siguri, filwaqt li ma teżistix lista ta' pajjiżi ta' oriġini mhux siguri. Infurmat li n-numru ta’ asylum seekers li l-pajjiż tal-oriġini tagħhom huwa klassifikat bħala sigur fl-imsemmija lista huwa ta’ 102.

Failed asylum seekers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn failed asylum seekers li l-post tal-oriġini tagħhom huwa klassifikat "safe"? Jista' jgħid kemm hawn failed asylum seekers li l-post tal-oriġini tagħhom huwa klassifikat "mhux safe"?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Att dwar il-Protezzjoni Internazzjonali (Kap. 420) jipprovdi l-lista ta' pajjiżi klassifikati bħala siguri, filwaqt li ma teżistix lista ta' pajjiżi ta' oriġini mhux siguri. Infurmat li n-numru ta' failed asylum seekers minn pajjiżi klassifikati bħala siguri li attwalment għandhom dokument tal-Pulizija hu ta’ 91. Fir-rigward ta’ dawn il-persuni għaddejja ħidma mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom, bl-istess mod li ġew ritornati diversi persuni li ma kinux intitolati għall-protezzjoni fl-aħħar ftit żmien.

Residenza San Vinċenz de Paul — applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti li qed jistennew biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Kemm hemm applikanti li qed jistennew biex jidħlu f'dar tal-anzjani fil-komunità?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ anzjani li qed jistennew biex jidħlu San Vinċenz de Paul huwa 4 u li qed jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani fil-komunità huma 1556.

Anzjani li qed jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma d-dati tal-applikanti li ilhom l-iktar jistennew biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paul u/jew fi djar tal-anzjani fil-komunità?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-data li ilhom jistennew biex jidħlu San Vinċenz de Paul hija 8 ta’ Marzu 2023.

Ta’ Xbiex – ħsara fuq il-funtana tal-marina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx spezzjoni minn aspett tekniku fuq il-ħsara li hemm fuq il-funtana fil-marina ta' Ta' Xbiex? Meta se jsiru t-tiswijiet neċessarji?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi wara spezzjonijiet tekniċi li saru, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jipprepara sejħa għall-offerti biex isiru t-tiswijiet meħtieġa. Din is-sejħa se tkun ippubblikata fil-ġimgħat li ġejjin.

Tas-Sliema – ħajt taħt il-promenade

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' azzjoni se tittieħed fid-dawl li ċediet parti mill-ħajt taħt il-promenade ta' Tas-Sliema, bejn ix-Chalet u Qui-si-Sana, u esponiet periklu kbir? Xi prekawzjonijiet strutturali se jittieħdu biex tiġi salvagwardata s-sigurtà u biex tiġi evitata traġedja f'każ ta' grigalata oħra?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li wara talba li saret mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed jevalwa l-ħsara li hemm u x’azzjoni għandha tittieħed.

FSWS – social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm social workers jaħdmu mal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Socjali (FSWS), sena b'sena, mis-sena 2012 sas-sena 2022? Għal kull sena jista’ jgħid: a. kemm minn dawn il-professjonisti telqu mill-FSWS; b. kemm minn dawn il-professjonisti ħadu transfer fi ħdan l-istess fondazzjoni biex saru Terapisti jew Counsellors; u ċ. kemm minn dawn il-professjonisti ħadu kariga fil-Management fi ħdan l-FSWS?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

FSWS – Social Welfare Professionals

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm Social Welfare Professionals fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) sa Marzu 2023? Jista' jispeċifika f'termini ta' numru u kategoriji l-kwalifiki li għandhom dawn is-Social Welfare Professionals fi ħdan il-Fondazzjoni (FSWS) (ċjoè skont is-suġġett u/jew kategorija tal-kwalifika f'Livell 6 fl-Istudji Umanistiċi)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba minnha hija skont kif diġà infurmajta fit-tweġibiet parlamentari numru 5822 u 5795. Fir-rigward tal-kwalifiċi tas-Social Welfare Professionals kollha, ninforma lill-Onor. Interpellanta li nkun qed ngħaddi din l-informazzjoni f’seduta oħra, hekk kif l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Juvenile Court — tfal imressqa li kellhom taħt it-18-il sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu tfal taħt it-18-il sena quddiem il-Juvenile Court fis-snin 2020, 2021 u 2022 u x'kienet l-età tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Juvenile Court — reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema reati tressqu tfal taħt it-18-il sena quddiem il-Juvenile Court fis-snin 2020, 2021 u 2022? Kemm minn dawn il-każijiet instabu ħatja? Kemm minn dawn il-każijiet għadhom pendenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.