Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet ilmenti l-Malta Public Transport dwar is-servizz fl-2023?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat mill-Operatur tat-Trasport Publiku li fil-perjodu imsemmi kien irċieva 4,756 ilment dwar is-servizz, fosthom dwar:
· Bus Stops u Bus Shelters li jinkludu talbiet sabiex jiġu installati bus shelters jew bus stops ġodda, talbiet għal rilokazzjoni u manutenzjoni,
· Talbiet sabiex jiġu modifikati xi rotot jew frekwenzi kif ukoll introduzzjoni ta rotot ġodda,
· Talbiet għal informazzjoni dwar is-servizz tat-trasport pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid dwar liema kwestjonijiet kienu l-ilmenti li saru dwar it-trasport pubbliku fl-2022?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2022, l-ilmenti u suġġerimenti li waslu għand Transport Malta kienu dwar is-segwenti:
· Talbiet għal informazzjoni dwar is-servizz tat-trasport pubbliku.
· Talbiet sabiex jiġu modifikati xi rotot jew frekwenzi kif ukoll introduzzjoni ta rotot ġodda,
· Bus Stops u Bus Shelters li jinkludu talbiet sabiex jiġu installati bus shelters jew bus stops ġodda, talbiet għal rilokazzjoni u manutenzjoni,
· Puntwalita u affidabbiltà tas-servizz tat-trasport pubbliku,
· Ilmenti dwar għeluq ta’ toroq u kif dawn jolqtu lis-servizz tat-trasport pubbliku,
· Ilmenti fuq xufiera u impjegati li jaħdmu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.
Peress li skont il-klassifika b’reputazzjoni għolja tal-Universitajiet fid-Dinja, QS World University Ranking 2024 u Times Higher Education (THE) World University Rankings 2023, l-Università ta’ Malta hija kklassifikata 851-900 u 801 – 1000 rispettivament u skont il-QS World University Rankings 2024, il-kriterji ġew ikklassifikat kif jidher fit-tabella li qed tingħata separatament, jista’ l-Ministru:
a. jgħid x’kienet il-klassifika tal-Università ta’ Malta skont dawn il-klassifiċi msemmija mill-2018 s’issa;
b. xi strateġija qed taddotta l-Università ta’ Malta biex ittejjeb il-klassifika tagħha fil-klassifiċi imsemmija fis-snin li ġejjin;
c. jgħid jekk ġieli sarx xi studju dwar dan l-aspett (tar-rating internazzjonali) mill-istess Università u/jew mill-Ministeru;
d. jgħid jekk sar dan it-tip ta’ studju biex titjieb il-klassifika tal-Università, meta sar; u
e. jekk dan l-istudju ma sarx, għalfejn qatt ma sar u jekk hemmx il-pjan li jsir fi żmien qasir?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Malta qiegħda klassifikata mal-aqwa 3% fid-dinja meta tqis li n-numru ta’ universitajiet globalment huwa stmat bejn wieħed u ieħor 31,000. Lil hinn mill-klassifiċi ġenerali, bosta mill-punteġġi individwali tal-kriterji li jikkostitwixxu dawn ir-riżultati qegħdin dejjem jitjiebu b’mod konsistenti.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta li l-Pjan Strateġiku ta’ l-Università ta’ Malta hu li jidentifika l-għanijiet u l-prijoritajiet neċessarji biex kull sena jitjieb l-operat u tissaħħah l-ambizzjoni li tkun fost l-aqwa istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Wieħed mit-temi strateġiċi jinkludi r-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien li jfittex li jwasslu għall-promozzjoni ta’ riċerka eċċezzjonali billi jiġu attirati riċerkaturi ta’ livell għoli bil-għan li jinħoloq ambjent ta’ riċerka inklussiva u tiġi ssaportjata l-Iskola Dottorali tal-Università biex tikber il-popolazzjoni ta’ studenti dottorali u jiġu indirizzati bżonnijiet lokali u globali, oqsma emerġenti ta’ riċerka u jiġu inkoraġġati clusters ta’ riċerka multidixxipplinari.
Bħala parti mill-istrateġija filwaqt li tibqa' tissalvagwardja r-relevanza tal-qasam, l-Università ser tkun qed tgħaqqad ċertu dipartimenti akkademiċi taħt oqsma ta’ suġġetti oħra bil-għan li tikseb ukoll post fil-klassifiċi ta’ oqsma ta’ suġġetti ġodda u b’hekk tkompli ttejjeb postha f’dawn il-klasssifiċi.
Inizjattiva oħra ser tkun li tkompli tqajjem kuxjenza fost il-korp akkademiku dwar l-importanza li wieħed ikollu profil aġġornat fuq Google Scholar. Ir-riċerka huwa kriterju importanti fil-klassifiċi msemmija u b’hekk il-preżenza ta’ akkademiċi tal-Università ta’ Malta fuq Google Scholar hi kruċjali. Għaldaqstant ġie organizzat workshop bil-għan li tiġi enfasizzata l-importanza ta’ pjattaformi bħal Google Scholar.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta li fir-rigward ta’ dawn ir-ratings internazzjonali, ta’ min wieħed jiċċara li iżjed milli jsiru studji, irid isir monitoraġġ u analisi kontinwa. Dan qed isir mill-Kumitat għall-Assikuarazzjoni tal-Kwalità fejn intlaħqu diversi tragwardi fosthom:
Rivalutazzjoni ta’ ċerti kriterji bħal thresholds minimi ta’ membri fi ħdan ċertu oqsma, ġiet imsaħħa l-amministrazzjoni tal-Kumitat għall-Assikurazzjoni tal-Kwalità biex b’hekk tiffoka iktar fuq l-analisi tal-vari kriterji ta’ dawn il-klassifiċi, sapport kontinwu għar-riċerka u l-publikazzjoni fuq pjattaformi rinomati bħal Scopus u Web of Science, laqgħat mad-Direttur tal-Librerija sabiex dejjem titjieb il-parteċipazzjoni tal-akkademiċi fl-OAR u n-numru t’akkademiċi bi profil fuq Google Scholar, u kif ukoll xogħol kontinwu fil-qasam tal-Business Intelligence (BI) biex isir monitoraġġ u analisi kontiwa ta’ data.
Karozzi tal-linja — evidenza dwar spezzjonar tas-sigurtà
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra evidenza dwar l-ispezzjonar ta' sigurtà fuq il-karozzi tal-linja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sample ta’ kopji tal- formoli tal-ispezzjonijiet ta' sigurtà fuq il-karozzi tal-linja.
Malta Public Transport — Studju minn Customer Experience Focus Group
Question
Fid-dawl li f'Ġunju 2022 sar Customer Experience Focus Group mill-Malta Public Transport, jista’ l-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat ta' dan l-istudju?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan li studju sar minn Malta Public Transport li hija kumpanija privata u għaldaqstant jista' jintalab lill-kumpanija direttament.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-trasport pubbliku huwiex pet-friendly?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġarr ta' annimali fuq il-mezzi tat-trasport pubbliku huwa rregolat permezz tal-leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.56, Regolamenti dwar il-Ġarr Tal-Passiġġieri, Kaptiolu 68 J(1) li tgħid u nikkwota:
· Ħadd m’għandu jgħabbi jew itella’ annimali, ħlief klieb li jservu ta’ gwida, fuq motor route bus kemm-il darba dawk l-annimali ma jkunux f’kontenitur jew ġarriera u dawn jinżammu fuq il-ħoġor tal-passiġġier li jkun qiegħed iġorrhom
Dawn ir-regolamenti jispjegaw ukoll f’kapitlu 41 dan li ġej:
Ix-xufiera u l-operaturi m’għandhomx iżommu lill-passiġġieri milli jitilgħu fuq vettura għall-ġarr tal-passiġġieri akkumpanjati minn kelb tal-assistenza li għandu jinkludi klieb ta’ gwida, u klieb tas-smigħ.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li ġew riveduti r-rotot tal-karozzi tal-linja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsabu nformati li l-bażi tan-network tat-trasport pubbliku bi skeda kien daħal fis-sena 2015. Minn dak iż-żmien sar numru konsiderevoli ta’ tibdil u addizzjonijiet li jikkonsistu fl-introduzzjoni tar-rotot ġodda, tibdil fir-rotta kif ukoll żidiet fil-frekwenzi.
Transport Malta – Eżerċizzju dwar il-frekwenzi tat-trasport
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'eżerċizzju jsir biex Transport Malta tiddeċiedi fejn il-frekwenza tal-karozzi tal-linja għandha tiżdied jew tonqos?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab informat li Transport Malta tagħmel diversi eżerċizzji qabel ma tittieħed id-deċiżjoni jekk il-frekwenza tar-rotot jinħtieġu jiżdiedu jew jonqsu. Dawn jinkludu:
· Minn żmien għal żmien isir eżerċizzju fejn jiġu analizzati n-numru ta’ passiġġieri li jkunu għamlu użu mir-rotot fil-ħinijiet diversi tal-ġurnata. B’dan l-eżerċizzju jiġi stabbilit jekk il-kapaċità tal- frekwenza tar-rotot individwali humiex ilaħħqu mad-domanda.
· Minn osservazzjonijiet li jsiru minn uffiċjali ta' Transport Malta li jwettqu spezzjonijiet regolari minn postijiet differenti
· Konsiderazzjoni tas-suġġerimenti li jaslu kemm għand Transport Malta kif ukoll għand l-operatur privat li jopera s-servizz tat-trasport publiku jiġifieri Malta Public Transport.
· Meta tinħoloq domanda ġdida bħal pereżempju meta daħal is-servizz tal-Fast Ferry fejn minħabba dan is-servizz ġdid daħlu fis-seħħ tlett rotot ġodda sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-ivjaġġar tal-passiġġiera.
Jista’ l-Ministru jgħid liema rotot tal-karozzi tal-linja żdiedu fil-frekwenza tagħhom bejn Jannar u Ġunju 2023?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm żidiet fil-frekwenza fuq ir-rotot sussegwenti:
· 13A Tas-Sliema/ San Ġiljan - il-Belt Valletta
· 42 iċ-Ċirkewwa – il-Belt Valletta
· 48 Buġibba – il-Belt Valletta
· 222 iċ-Ċirkewwa – Tas-Sliema
Ninformah ukoll li sal-aħħar ta’ Lulju 2023 hu mistenni li se jidħlu fis-seħħ żidiet fuq 13-il rotta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar investiment f'karozzi tal-linja ġodda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar investiment f`karozzi tal-linja li għamel l-opertur privat tat-trasport pubbliku kien bejn April u Ġunju ta’ din is-sena fejn dan daħħal fis-servizz 25 karozza tal-linja ġdida ta’ 12-il metru li jaħdmu bl-elettriku. Dawn żdiedu mal-flotta li kien hemm.
Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin jiżdiedu mal-flotta 5 karozzi tal-linja ġodda li wkoll jaħdmu bl-elettriku.
Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jsiru spezzjonijiet ta' sigurtà fuq il-karozzi tal-linja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Public Transport Unit fi ħdan Transport Malta għandha ħamest uffiċjali li xogħlom hu li ta’ kull jum jispezjonaw numru ta’ karrozzi tal-linja għal fost l-oħrajn affarijiet li jikonċernaw is-sigurtà ta’ dawn il- vetturi. Bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena dan il-Unit wettaq medja ta’ 554 spezzjoni fix-Xahar li jikonċernaw s-sigurtà fuq il-karozzi tal-linja.
Dan minbarra spezzjonijiet li jsiru min sezzjoni oħra fi ħdan l-istess Awtorità, jiġifiri il-Vehicle Inspectorate Unit li bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena wettqu medja ta’ 50 spezzjonijiet addizjonali fix-Xahar fuq l-istess karrozzi tal-linja.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu l-pjanijiet biex jinfetaħ sptar ġdid għas-saħħa mentali ħdejn l-Isptar Mater Dei? Meta huwa maħsub li dan jinbeda u jinfetaħ għall-pazjenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qed isir id-diżinn iddettaljat tal-proġett, li fuqu jkunu ibbażati id-dokumenti li jkunu meħtieġa mill-Awtorita tal-Ippjanar biex jinħarġu l-permessi neċessarji.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjan hemm għall-Isptar Mount Carmel wara li jinbena l-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjan huwa illi wara li jinbena l-isptar il-ġdid, l-isptar Monte Karmeli jibqa jservi bħala faċilita għall-pazjenti li għandhom bżonn perjodu fit-tul ta’ riabilitazzjoni jew ghandhom mard mentali kroniku.
Jista' l-Ministru jgħid kif isiru l-laqgħat tar-Review Board (tat-tfal) jekk hux online jew fiżikament (in person)? Jekk jiltaqa' online, x'inhi r-raġuni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-bord jiltaqa’ kemm b’mod fiżiku kif ukoll online. Ninsab infurmat li meta jinstemgħu t-tfal, is-seduti jsiru fiċ-Children’s House kif titlob il-liġi.
Id-deċiżjoni li l-laqgħat tal-Bord isiru online ittieħdet matul il-pandemija tal-Covid-19. Ninsab infurmat li fil-fatt dan wassal sabiex matul il-pandemija ix-xogħol qatt ma waqaf minħabba li din is-sistema instabet li hija effiċjenti u li ntlaqgħet tajjeb mill-partijiet.
Kien għalhekk li din is-sistema baqgħet titħaddem sabiex tinżamm l-effiċjenza. Ninsab infurmat ukoll li l-każijiet jinstemgħu fil-ħin preċiż u tkun ukoll iffaċilita l-proċedura, fis-sens, illi l-Bord jisma’ lil-kulħadd b’mod puntwali u korrett.
L-effiċjenza hi fl-aħjar interess tal-minuri.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kors fis-social work li huwa ppjanat li jingħata mill-MCAST hux se jkun ta' livell ta' diploma jew Livell 5 tal-Malta Qualifications Framework (MQF), jew inqas, jew iktar?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kors li qed jiġi ppjanat mill-MCAST se jkun ta’ livell 6.