Legislature:
Category:
Reset
Active:

CCF – policy dwar priġunieri transgender

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) dwar priġunieri transgender?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy kurrenti. Infurmat ukoll li bħalissa għaddej proċess ta' evalwazzjoni bejn l-Aġenzija u Taqsima SOGIGESC fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex ikun assigurat li l-policy tibqa' tkun aġġornata skont l-aħħar standards internazzjonali.

CCF – Bord ta’ Monitoraġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Bord ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) fl-2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Bord ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) iltaqa’ darba fix-xahar għas-sena indikata.

CCF – Bord ta’ Monitoraġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’rakkomandazzjonijiet għamel il-Bord ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) fis-snin 2022 u 2023? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-irwol tal-Bord ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien imsaħħaħ fl-aħħar snin, anke skont ir-rakkomandazzzjonijiet hekk kif kienu fid-dominju pubbliku b’rabta mar-riformi li kienu implimentati fis-sistemi korrettivi, u li issa qed ikunu segwiti. Segwitu ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, tul is-sena 2022, l-irwol tal-imsemmi Bord ta’ Monitoraġġ kien estiż billi b’żieda mal-membri attwali, żdied membru tal-bord ġdid li beda jservi fuq bażi full time b’uffiċċju awtonomu fdat bil-mansjonijiet ta’ Kummissarju għall-Ħarsien u l-iżvilupp tal-Priġunieri. Tali rakkomandazzjonijiet dwar il-proċess rijabilitattivi jinħadmu skont il-proċeduri interni skont il-liġi rispettiva u hekk kif imexxija bejn it-tmexxija tal-ħabs u l-istess Bord. Fi żmien li ġej, skont kif imsemmi fil-liġi relevanti, jitpoġġa l-ewwel rapport annwali fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Stabbilimenti ta’ negozju li ma jużawx POS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ħwienet jew stabbilimenti ta' negozju f'Malta li s’issa għadhom ma jużawx 'The Best Point-of-Sale' (POS) u allura jaċċettaw flus kontanti biss?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Priġunieri li qed jiskontaw sentenza fuq prostituzzjoni u tlajjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm nisa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fuq prostituzzjoni u tlajjar rispettivament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi mara waħda tinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tiskonta sentenza fuq tlajjar.

Prostituzzjoni u tlajjar — Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, jew istituzzjoni korrettiva oħra, fuq prostituzzjoni u tlajjar maqsuma skont dawn l-etajiet: a. bejn it-18-il sena u t-30 sena; b. bejn il-31 sena u l-40 sena; ċ. bejn il-41 sena u l-50 sena; d. bejn il-51 sena u s-60 sena; u e. 'il fuq minn 60 sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi mara waħda, fl-età ta’ bejn il-41 sena u l-50 sena tinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fuq tlajjar.

Trasport pubbliku — Ilmenti fl-2023

Question

Jista’ l-Ministru jgħid dwar liema kwestjonijiet kienu l-ilmenti li saru dwar it-trasport pubbliku fl-2023?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn Jannar sall-bidu ta’ Settembru 2023, l-ilmenti u s-suġġerimenti li waslu għand Transport Malta kienu dwar is-segwenti: · Talbiet għal informazzjoni dwar is-servizz tat-trasport pubbliku · Bus Stops u Bus Shelters li jinkludu talbiet sabiex jiġu installati bus shelters jew bus stops ġodda, talbiet għal rilokazzjoni u manutenzjoni · Talbiet sabiex jiġu modifikati xi rotot jew frekwenzi kif ukoll introduzzjoni ta rotot ġodda · Ilmenti fuq xufiera u impjegati li jaħdmu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku · Ilmenti dwar għeluq ta’ toroq u kif dawn jolqtu lis-servizz tat-trasport pubbliku · Puntwalità u affidabbiltà tas-servizz tat-trasport pubbliku

Trasport Pubbliku — Ilmenti riżolti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-ilmenti dwar it-trasport pubbliku li saru fl-2022 u fl-2023 ġew riżolti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull ilment u suġġeriment li jasal għand Transport Malta rigward is-servizz tat-trasport pubbliku jiġi evalwat u fejn ikun possibbli tittieħed l-azzjoni addattata sabiex dawn l-ilmenti u suġġerimenti jiġu indirizzati. Ta' min isemmi l-fatt li ħafna mill-ilmenti u r-rakomdazzjonijiet li l-operatur jirċievi minn għand il-pubbliku jkunu dwar il-frekwenzi tar-rotot. Kien għalhekk li l-Gvern, flimkien mal-operatur, ħabbar investiment ta' €20 miljun biex inxtraw 30 karozza tal-linja elettrika ġdida li qed iwassalu għal żieda li tlaħħaq l-410 vjaġġ aktar kuljum fuq numru ta' rotot li huma meqjusa importanti għall-konnettività. Kif wieħed jista’ japprezza, ċertu suġġerimenti jew ilmenti ma tistax tinżamm statistika fuqhom jekk ġewx magħluqa jew le minħabba n-natura tagħhom.

Bus stops mingħajr shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bus stops (skont il-lokalitajiet Maltin u Għawdxin) li għadhom bla shelter għall-passiġġieri biex ikunu jistgħu jistkennu mix-xemx jew mix-xita waqt li jkunu qed jistennew?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta u f’ Għawdex hawn total t’elfejn u sebgħa u erbgħin (2,047) bus stop li ħames mija u tlieta u disgħin (593) minnhom għandhom bus shelter jew canopies. Wieħed irid jirrimarka li fuq bosta minn dawn il-bus stops hemm restrizzjoni ta’ spazju u għaldaqstant mhuwiex possibbli li jiġi installat bus shelter fuqhom.

Karozzi tal-linja — Manutenzjoni tal-ACs

Question

Fid-dawl tal-ilmenti li jsiru fil-ġranet sajfin dwar l-Air Conditioners (AC) tal-karrozzi tal-linja, li minkejja li jkun qed ikessaħ, xorta toħroġ is-sħana minn isfel u mill-ġnub, kif ukoll ħafna drabi l-ACs ikunu qed iqattru, jista' l-Ministru jgħid kull meta ssir manutenzjoni tal-ACs u kull meta jitnaddfu jew jinbidlu l-filters?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operatur tat-trasport pubbliku regolarment iwettaq manutenzjoni fuq l-air conditioners tal-karozzi tal-linja. Apparti dan, qabel ma’ jidħol l-istaġun tas-sajf, l-air conditioners kollha jiġu ċċekkjati li qegħdin jaħdmu sew u li ma jkollhom l-ebda ħsarat. Fejn ikun hemm bżonn issir it-tiswija u t-tibdil tal-“components” meħtieġa. Isiru wkoll spezzjonijiet ukoll fuq il-kompressur u radiator, “top-ups” tal-gas fejn jekk ikun hemm bżonn, kif ukoll tibdil ta’ fuses, relays, blowers, drains u pajpijiet, u l-filters. Ta’ min wieħed jinnota li kull xahar il-filters kollha jiġu mnaddfa u fejn ikun hemm bżonn, jinbidlu.

Stħarriġ dwar is-salarji f’Malta

Question

Peress li skont l-aħħar stħarriġ is-salarju medju f'Malta hu ta' €1,850, u peress li l-medju (average) hu sensittiv għal figuri estremi, jista' l-Ministru jgħid x'inhu d-dħul li hu fin-nofs u l-iktar komuni ('median' u 'mode' salary)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-paga medja bejn Jannar u Marzu 2023 kienet ta’ €1,848 fix-xahar. Għal dan l-istess perjodu, il-paga medjana (median) kienet ta’ €1,582 fix-xahar. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarriġ dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol għall-ewwel tliet xhur tal-2023 (LFS Q1 2023). Is-salarju nħadem abbazi tas-salarju bażiku annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn sahra, bonuses jew allowances. Dawn il-figuri jinkludu impjegati li fl-impjieg prinċipali tagħhom jaħdmu full-time jew part-time jew full-time with reduced hours. Din l-informazzjoni dwar persuni li jaħdmu għal rashom mhix disponibbli.

Ħaddiema li qed jaqilgħu l-paga minima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li hawn ħaddiema li jaqilgħu l-paga minima?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta illi n-numru ta’ impjegati li kienu qed jaqilgħu l-paga minima għas-sena 2022 hu stmat li kien ta’ 2,372 persuna. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarrig dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS) għas-sena 2022. Is-salarju nħadem abbażi tas-salarju bażiku annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn sahra, bonuses jew allowances. Dawn il-figuri jinkludu impjegati li jaħdmu full-time biss. Din l-informazzjoni għal persuni li jaħdmu għal rashom mhix disponibbli.

Ħaddiema li jaqilgħu sa €1,000 fix-xahar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema li jaqilgħu sa €1,000 fix-xahar?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ impjegati li kienu jaqilgħu sa €1,000 fix-xahar għas-sena 2022 hu stmat li laħaq 47,412-il persuna. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarriġ dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS) għas-sena 2022. Is-salarju nħadem abbazi tas-salarju bażiku annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn sahra, bonuses jew allowances. Dawn il-figuri jinkludu impjegati li jaħdmu full-time jew part-time jew full-time with reduced hours. Din l-informazzjoni dwar persuni li jaħdmu għal rashom mhix disponibbli.

Malta Public Transport – ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet ilmenti l-Malta Public Transport dwar is-servizz fl-2022?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat mill-operatur tat-trasport publiku li fil-perjodu msemmi kien hemm 9,466 ilment jew suġġeriment dwar is-servizz. Is-suġġerimenti kienu jirrigwardaw talba għall-bidliet fil-frekwenza tar-rotot, talbiet għar-rotot ġodda u modifiki, talbiet għar-rilokazzjoni ta' bus stops u bus shelters jew inkella bus stops u bus shelters ġodda, ilmenti rigward il-karozzi tal-linja u x-xufiera, kif ukoll nuqqas ta' puntwalità. Kien hemm ukoll suġġerimenti oħra per eżempju fuq r-refunds tal-kreditu ta' fuq it-Tallinja Card.