Legislature:
Category:
Reset
Active:

Looked After Children Service – Riżenji ta’ social workers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw social workers mil-Looked After Children Service (LAC) minn Jannar 2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li minn Jannar 2023 sal-lum kien hemm 3 Social Workers illi rriżenjaw mis-servizz tal-Looked After Children (LAC). Tnejn minn dawn kienu ilhom aktar minn 3 snin jaħdmu mal-Looked After Children, waqt li Social Worker oħra (ta’ nazzjonalità barranija), irriżenjat wara ġimgħa.

Looked After Children Service — Riżenji ta’ social welfare professionals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw social welfare professionals mil-Looked After Children Service (LAC) minn Jannar 2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu indikat minnha kien hemm biss Social Welfare Professional wieħed / waħda biss li rriżenja/t mis-servizz li qiegħda tirreferi għalih.

Looked After Children Service – Trasferimenti ta’ Social Workers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew trasferiti social workers mil-Looked After Children Service (LAC) minn Jannar 2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-FSWS, bħal kull entità oħra governattiva, meta tagħmel il-kuntratt tal-impjieg ma’ kull impjegat ġdid għandha kuntratt standard li, fost l-oħrajn, jindika li l-impjegat qed jiġi impjegat mal-Fondazzjoni u mhux ma’ servizz partikolari u li, għad li jkun indikat servizz partikolari bħala first place of employment, dik mhux assenjazzjoni għal dejjem, imma l-impjegat jista’ jiġi trasferit skont l-esiġenzi tas-servizz. Minkejja dan, il-prassi hija li la impjegat ikun sejjer tajjeb u ma jkunx hemm raġunijiet straordinarji biex impjegat jiġi trasferit dan ma jsirx ħlief jekk l-esiġenzi jitolbu hekk jew issir talba mill-impjegat innifsu. Ilum l-prassi hija li ħlief jekk ikun assolutament meħtieġ għall-esiġenzi tas-servizz, ma jsirux forced moves. Għaldaqstant, bħalissa fis-servizz indikat mill-Onor. Interpellanta, hemm 3 impjegati li qed jitolbu transfer. Ovvjament dawn it-talbiet jintlaqgħu meta jkun hemm post/vakanza fis-servizz li wrew ix-xewqa li jmorru fih u meta ukoll ikun hemm min jissostitwixxihom.

Looked After Children Service – Trasferimenti ta’ Social Welfare Professionals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew trasferiti social welfare professionals mil-Looked After Children Service (LAC) minn Jannar 2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu indikat minnha, kien hemm talba waħda biss għal transfer minn dan is-servizz mill-kategorija ta’ impjegati msemmija fil-mistoqsija tagħha.

Child Protection Services – Taħriġ lill-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji bil-lista tat-taħriġ speċjalizzat, inkluż il-units jew it-temi, li jingħataw lill-ħaddiema meta jibdew fiċ-Child Protection Services? Jista’ jispeċifika wkoll il-kategorija tal-ħaddiema li jiġu msejħa biex jattendu dan it-training?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-lista ta’ topics li dwarhom jingħata taħriġ lill-ħaddiema meta jibdew jaħdmu fid-Direttorat tal-Protezzjoni tal-Minuri hija kif qed ikun elenkat hawn taħt, u għaldaqstant it-taħriġ jikkonsisti fl-areas u dwar is-suġġetti elenkati: 1. Working at CPS, 2. Preparing for Courts, 3. Child Development, 4. Hidden Challenges: The Professionals' Role - Knowledge and Practices, 5. Baby Basic Care, 6. Working with Neglectful Parents, 7. Attachment, 8. Trauma-informed practice, 9. Child Abuse & Neglect - What is Maltreatment? 10. Sexual Abuse, 11. Parental Alienation, 12. Substance Misuse in Pregnant Users & Parents, 13. Recognising Non-Accidental Injuries, 14. Forensic Interviewing, 15. Assessment Framework & Dept. of Health Review Tools (UK), 16. Ontario Assessment Tools, 17. Tools for Working with Children, 18. SDM (Strategic Decision Making), 19. Basic principles of forensic psychology, u 20. L-induction training ġeneriku li jingħata lill-impjegati ġodda kollha li jiġu ingaġġati mill-FSWS.

Looked After Children Service — Dettalji tat-taħriġ speċjalizzat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji bil-lista tat-taħriġ speċjalizzat, inkluż il-units jew temi, li jingħataw il-ħaddiema meta jibdew fil-Looked After Children Service (LAC)? Jista’ jispeċifika wkoll il-kategorija tal-ħaddiema li jiġu msejħa biex jattendu dan it-taħriġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, s-servizz tal-Looked After Children huwa servizz speċjalizzat li jaħdem ma’ tfal f’kura alternativa. Għaldaqstant, kull ħaddiem f’dan is-servizz matul l-2023 ingħata s-segwenti taħriġ: 1. Taħriġ fuq ir-reintegrazzjoni, l-assessjar u s-servizz li jista’ jingħata li kull familja li tkun qed tipprepara biex terġa’ tilqa’ fi ħdanha lil ulied, 2. Taħriġ fuq il-ħidma maż-żgħażagħ li għandhom diversi diffikultajiet, 3. Taħriġ fuq gender and sexual diversity in adolescents, 4. Taħriġ fuq l-effetti ta’ sustanzi illeċiti fuq iż-żgħażagħ, 5. Taħriġ fuq il-liġi tat-tfal li daħlet fis-seħħ għall-ewwel darba fl-2020, 6. Taħriġ fuq l-użu tal-internet b’mod san għat-tfal u żgħażagħ b’kollaborazzjoni ma’ Be Smart Online, 7. Taħriġ fuq assessjar speċjalizzat mħaddem mill-Looked After Children li jgħin sabiex jiġu assessjati l-possibilitajiet ta’ re-integrazzjoni (North Carolina Risk Assessment), 8. Taħriġ fuq l-għan tas-servizz tal-SAV, dwar Smart Goals li jridu jiġu identifikati mill-Looked After Children sabiex l-aċċess ta’ bejn il-ġenituri u t-tfal jilħaq l-għanijiet mixtieqa, 9. Taħriġ fuq l-aspetti Soċio-Mediċi ta’ tfal li esperjenzaw diversi trawmiet f’ħajjithom, 10. Taħriġ fuq Bruises/ signs of abuse, 11. Taħriġ fuq therapeutic parenting mis-Centre of Excellence in Child Trauma tal-Ingilterra. Nixtieq nelenka li, minbarra t-taħriġ li qed issir referenza għalih aktar ‘l fuq, is-social welfare professionals li jaħdmu fil-Looked After Children ingħataw u jingħataw ukoll taħriġ iktar speċifiku. Dan jinkludi: 1. Taħriġ fuq Social Work skills/principles/values, 2. Taħriġ fuq il-liġi iktar intensiv, 3. Taħriġ fuq North Carolina Risk Assessment ; liema assessjar pero’ dawn ma jistgħux jagħmluh waħedhom iżda biss taħt is-superviżjoni stretta ta’ social worker, u 4. Inbeda wkoll taħriġ, mogħti mill-Universita’ ta’ Malta lis-Social Welfare Professionals li jaħdmu fil-Looked After Children, speċifikament fuq Trauma informed practice. Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, matul dan ix-xahar ta’ November, hemm ukoll iktar taħriġ ippjanat, li jinkludi: 1. Strategies and Solutions workshop (Centre of Excellence in Child Trauma, UK), u 2. Ser jingħata taħriġ fuq Positive parenting. Inżid ukoll li, kull ħaddiem jingħata wkoll l-opportunità jattendi: 1. First aid course, 2. Paediatric First aid, 3. Mental health first aid. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, din ma hijiex il-lista sħiħa tat-taħriġ li jingħata, hekk kif it-taħriġ jiġi mogħti u assenjat kontinwament skont il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tas-servizz. Ngħalaq billi ninforma lill-Onor. Interpellanta li, is-social welfare professionals tal-Looked After Children Service, minkejja dan it-taħriġ, xorta jeħtieġ li jaħdmu taħt il-gwida tal-key workers li huma kollha social workers. Ir-rapporti u l-assessments huma kollha monitored u ffirmati minn social workers li josservaw x-xogħol li jkun sar. Diversi interventi jsiru wkoll bl-assistenza diretta tas-social workers li huma assenjati ma’ kull social welfare professional. Dan kollu jgħodd b’mod esklussiv ghall-Looked After Children Service.

Dizzjunarju tal-lingwa Maltija online

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet li jkun hemm dizzjunarju tal-lingwa Maltija online li jkun jista’ jintuża anke fuq il-mezzi tal-midja soċjali?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Università ta’ Malta — Tagħlim tal-ilsien Malti lill-barranin permezz ta’ Apps

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, l-ilsien Malti jiġi mgħallem lill-barranin, kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna, permezz ta’ apps tal-lingwi bħal Duolingo u Babbel?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-suġġett msemmi ser jibqa’ jiġi offrut u mgħallem anke permezz ta’ pjattaformi online, bħal ma sar matul dawn l-aħħar snin.

Monument lil Daphne Caruana Galizia

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet konkreti biex isir monument li jfakkar lil Daphne Caruana Galizia, ġurnalista li ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru, 2017? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx diskussjoni mal-familja dwar dan? Jekk ma hemmx pjanijiet konkreti, x’qed jistenna l-Gvern biex jibda dan il-proċess?

Response (ABELA, ROBERT)

Diġà kont għamilt il-pożizzjoni tiegħi ċara pubblikament u nibqa’ konsistenti magħha.

FSWS – SOCIAL WORKERS U SOCIAL WELFARE PROFESSIONALS

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5795, fejn il-Ministru jagħti x’jifhem li l-job descriptions tas-social workers u l-job descriptions tas-social welfare professionals huma l-istess mal-entitatjiet kollha fejn jaħdmu s-social workers u s-social welfare professionals fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm tip wieħed ta’ job description kemm għas-social workers u kemm għas-social welfare professionals fi ħdan l-FSWS? Jekk hemm job descriptions ta’ social workers u social welfare professionals differenti ta’ units differenti, jista’ l-Ministru jqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor.Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

FSWS – SOCIAL WELFARE PROFESSIONALS

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9368, fejn intqal li hemm madwar 120 social welfare professional, jista’ l-Ministru jgħid f’liema units tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) jaħdmu s-social welfare professionals? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm social welfare professionals f’kull unit u kemm-il każ hemm assenjat fuqhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni mill-2012

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni li seħħew kull sena mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, wasslu għal korrimenti ħfief, gravi jew mewt?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li jien infurmat li l-istatistika uffiċjali miġbura f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea tirreferi għal korrimenti u mwiet u mhux għal inċidenti. Dan għaliex inċident mhux bilfors iwassal għal korriment. Għaldaqstant, waqt li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tiġbor statistika dwar imwiet fuq il-post tax-xogħol, statistika dwar korrimenti tista’ tinkiseb mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-okkorrenzi joħorġu mit-talbiet għal ħlas ta’ benefiċċju taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Qed inpoġġi l-lista tal-inċidenti fatali mit-2002 sa’ 2023 fuq il-Mejda tal-Kamra.

Inkjesti maġisterjali dwar korrimenti fuq siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm inkjesti maġisterjali li għadhom għaddejin li qed jinvestigaw korrimenti fuq siti ta’ kostruzzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm tmintax (18)-il inkjesta maġisterjali li għadha għaddejja dwar korrimenti fuq siti ta’ kostruzzjoni.

Inkjesti maġisterjali dwar imwiet fuq siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm inkjesti maġisterjali li għadhom għaddejin li qed jinvestigaw imwiet fuq siti ta’ kostruzzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm erbatax (14)-il inkjesta maġisterjali li għadha għaddejja dwar imwiet fuq siti ta’ kostruzzjoni.

Università ta’ Malta – Master of Social Work (MSW) – Study Units

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fid-dettall dwar l-istruttura, bil-lista tal-istudy units, tal-kors ta’ Master of Social Work (MSW) li jiġi offrut mill-Università ta’ Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kors imsemmi jiġi offrut kemm fuq bażi full time u anke part time. L-informazzjoni tal-kors tinsab pubblika fuq il-website tal-Università. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta li l-istudy units qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Promozzjoni tal-lingwa Maltija permezz tat-teknoloġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi strateġija hemm biex jiġi promoss l-ilsien Malti permezz tat-teknoloġija?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-livell primarju qed jingħata aċċess għal kotba bil-Malti fuq it-tablets. Għal iżjed informazzjoni nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Infermiera li rriżenjaw li rriżenjaw mis-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm irriżenjaw infermiera kull sena minn mas-Servizz Pubbliku minn Ottubru 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu mitlub minnha rriżenjaw 40 infermiera.

Użu tal-Malti minn tobba, infermiera u carers

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-lingwa tal-Malti hix wieħed mill-prerekwiżiti biex tobba, infermiera u carers minn pajjiżi barranin ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-pazjenti f’servizzi tas-saħħa offruti fis-Settur Pubbliku? Jekk iva, x’inhu l-livell li qed jintalab? X’inċentivi qed jingħataw il-ħaddiema biex jagħmlu kors tal-ilsien Malti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi profiċjenza fil-lingwa tal-Malti hi rekwiżit biex infermiera minn pajjiżi barranin ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-pazjenti f’servizzi tas-saħħa offruti fis-Settur Pubbliku. Il-kandidati li jiġu magħżula jridu jipprovdu evidenza ta' profiċjenza bażika fil-lingwa Maltija fi żmien sena mill-ingaġġ, billi jgħaddu b'suċċess mill-eżami fil-Basic Medical Maltese for the Healthcare Profession Part 1 tal-Università ta' Malta. Infermiera li ma jkunux kisbu dan iċ-ċertifikat fiż-żmien ta' prova, jingħataw estensjoni ta' darba biex jiksbu b'suċċess dan iċ-ċertifikat. Min jonqos li jippreżenta, sa tmiem il-perjodu ta' prova, evidenza li għadda b'suċċess, dan jirriżulta f'terminu awtomatiku tal-kuntratt tax-xogħol.