Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm xufiera jaħdmu mal-Malta Public Transport bħalissa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku li n- numru ta’ xufiera li jaħdmu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku huwa kif isegwi:
Fuq bażi Full-Time
957
Fuq bażi Part-Time
87
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10656 fejn ġie kkonfermat li l-laqgħat tar-review board għat-tfal għadhom isiru onlajn, issa li l-pandemija għaddiet, jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex qed tiġi kkunsidrata li l-laqgħat isiru wiċċ imb wiċċ? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed jiġi assigurat li l-vuċi tal-ġenituri, li wħud minnhom huma persuni vulnerabbli, wkoll qed tinstema' tajjeb permezz ta’ dan il-metodu onlajn?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sistema użata għal laqgħat tar-review board hija mhux biss primarjament aktar effiċjenti, iżda huma l-ġenituri stess li huma aktar komdi jikkomunikaw online, hekk kif din is-sistema qed tiffaċilita li l-ġenituri jistgħu wkoll jitkellmu mal-bord, mill-uffiċċju tal-Avukat tagħhom.
Tajjeb li nsemmi wkoll li min ma għandux avukat jiġi offrut assitenza legali u min ma jridx avukat u għandu diffikultà li jingħaqad online, jiġi assistit mill-ħaddiema soċjali tiegħu/tagħha.
Inżid li l-online sessions qed jiffaċilitaw li l-ġenituri jingħaqdu għas-seduti tal-bord, meta dawn ma jkunux jistgħu jattendu fiżikament, bħal meta jkunu msifrin barra minn Malta, jew f’każi li jkollok wieħed mill-ġenituri l-ħabs. Dawn is-sessions online qed jiffaċilitaw ukoll il-ħidma tal-avukati tal-ġenituri, hekk kif l-Avukati qed jiffrankaw li skariġġ minn post għall-ieħor.
Irrid fl-aħħar nett infakkar li l-online sessions isiru wara li l-partijiet involuti ikunu attendenew case review.
Ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta u l-American University of Malta
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti li hemm li jirregolaw il-ftehim bejn il-Gvern u l-American University of Malta (AUM) ġaladarba l-art li qed tokkupa din l-Università hija art pubblika?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
TCNs — Infermiera li applikaw għal rwoli fi skala 1 sa 7
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm infermiera minn pajjiżi terzi (TCN), li applikaw għal rwoli fi skala 1 sa 7 fl-2023 u sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 2 infermiera minn pajjiżi terzi li applikaw għal irwoli fi skala 7 fl-2023.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm infermiera minn pajjiżi terzi (TCN) li okkupaw karigi fi skala 1 sa 7, f’Lulju 2023?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 12 infermiera minn pajjiżi terzi li okkupaw karigi fi skala 7 f’Lulju 2023.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm infermiera minn pajjiżi terzi (TCN) f’kull skala minn 1 sa 7, f’Awwissu 2023?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 12-il infermiea minn pajjiżi terzi fi skala 7 f’Awwissu 2023.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi twila l-lista ta’ stennija għall-MRI u jipprovdi tabella bl-ammont tagħhom u bix-xahar u s-sena tar-referral?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi twila l-waiting list għall-katarretti u jipprovdi tabella bl-ammont tagħhom u bix-xahar u s-sena tar-referral?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispeċifika xi jfisser il-high-risk group li l-website uffiċjali tal-għoti tad-demm (bl-Ingliż) tagħmel referenza għalih?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi high-risk group tirreferi għal persuni li jistgħu jkunu esposti għall-HIV, Epatite B, Epatite Ċ, sifilide jew infezzjonijiet oħra li jistgħu jiġu trażmessi permezz ta’ donazzjoni tad-demm.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk huwiex minnu li persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi (TCN) ma jistgħux jagħtu d-demm anke jekk huma residenti f’Malta għal tul ta’ żmien (long-term residents) u saħansitra huma professjonisti fil-qasam tas-saħħa bħal tobba u infermiera?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joriġinaw minn pajjiżi endemiċi għall-malarja ma jistgħux jagħtu d-demm f’Malta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10004 fejn intqal “li l-applikazzjoni li timtela direttament minn fuq il-portal tal-FES tirrikjedi email. Min m’għandux email jista’ jżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov u jingħataw l-assistenza dovuta”: fid-dawl li hemm każijiet fejn is-servizz.gov ma’ setgħux jgħinu lill-familja għax ma kellhomx e-mail address, kif jistgħu dawn il-persuni jagħmlu aċċess għal servizzi bħal Skolasajf, Klabb 3-16 u Skolasports fejn f’ċerti każi lanqas biss jafu jaqraw, aħseb u ara kemm għandhom email address? Jista’ l-Ministru jiċċara x’linji gwida hemm għas-servizz.gov f’dawn iċ-ċirkostanzi u qiegħed dawn il-linji gwida fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm servizz.gov u kif ukoll l-FES joffru kwalunkwe tip ta’ għajnuna neċessarja lil kulħadd kemm permezz tat-telephone u kif ukoll jekk iżuru l-uffiċini tas-servizz.gov.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10546 fejn intwera li ntefqu €20,000 għad-diskors tas-Senatur Matteo Renzi f’konferenza organizzata mill-Foundation for Social Welfare Services (FSWS), jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-ġustifikazzjoni li jintefqu €20,000 fuq dan id-diskors? Jista’ l-Ministu jgħid xi kredenzjali għandu s-Senatur Renzi fil-qasam soċjali? Jista’ jgħid ukoll jekk ġewx ikkunsidrati kelliema awtorevoli oħra minfloku u jekk iva, liema?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninsab infurmat li meta kien qiegħed jippjana l-attività msemmija l-management tal-FSWS ried li jistieden personalità internazzjonali ta’ kalibru u ta’ esperjenza biex ikun il-keynote speaker għall-attività li kellha bħala tema: The Welfare State and Welfare Services: Present challenges, Future needs.
Ninsab infurmat ukoll li l-management ried ukoll li l-persuna magħżula tkun personalità mill-Ewropa. Ovvjament, ma setax ikun politiku fil-gvern u allura l-għażla kienet ristretta għal politiku li kien f’kariga governattiva u li r-rekord tiegħu fil-gvern kien juri impenn favur is-sotenn tal-welfare state u favur it-titjib tas-servizzi soċjali.
Is-Senatur Renzi kien wieħed mill-eks mexxejja li jaqgħu f’din il-kategorija. Intgħażel hu kemm minħabba li seta’ jiġi fid-data ppjanata u kemm għax l-ispeaking fees tal-hekk imsejjaħ lecture circuit Anglo-Sassonu huma finazjarment astronomiċi u projbittivi. Fuq kollox, ir-rekord tal-gvern tas-Senatur Renzi, li kien Prim Ministru tal-Italja fis-snin 2014 – 2016, hu dak ta’ gvern riformista u progressiv.
Fuq kollox, Renzi huwa wieħed minn dawk il-politiċi li jsostni, kif għamel anke waqt id-diskors tiegħu hawn Malta, li l-Ewropa ma tistax tkun Ewropa jekk ma tkunx Ewropa soċjali. Dawn huma kredenzjali biżżejjed li jiġġustifikaw l-għażla tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji, azzjonijiet u/jew rakkomandazzjonijiet li ħareġ bihom il-Kumitat ta’ esperti biex jindirizza l-parent alienation fl-aħjar interess tat-tfal, li ġie mwaqqaf fl-2021?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal vara l-istudju rigward il-parental alienation waqt konferenza li saret fid-19 ta’ Ottobru 2023. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istudju u rakkomandazzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-kumitat ta’ esperti biex jindirizza l-parental alienation li ġie mwaqqaf mill-Ministru tal-Ġustizzja flimkien mal-Ministru tal-Politika Soċjali, fl-2021?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumitat ta’ esperti biex jindirizza l-parental alienation, qiegħed jaħdem qatigħ sabiex din il-pjaga tiġi indirizzata. Wieħed irid japprezza illi saru diversi interventi u xogħol intern mill-istess kumitat li wassal sabiex ftit ġimgħat ilu, propju fid-19 t’Ottubru 2023, inżammet konferenza fuq l-istess suġġett.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-rakkomandazzjonijiet għal soluzzjonijiet leġislattivi li ħareġ bihom il-kumitat ta’ esperti maħtur fl-2021 biex jindirizza l-problema ta’ parental alienation, skont kif kellu r-responsabilità li jagħmel?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal dak li għandu x’jaqsam ma’ tibdil leġiżlattiv huwa pjanat li tinħareġ White Paper għal konsultazzjoni pubblika. Sadanittant però, abbażi ta' dak propost ħriġna sejħa għal aktar professjonisti legali biex iservu ta’ Avukati tat-Tfal.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7775 fejn ġie ċċarat li l-iScooters għall-użu tal-anzjani kienu għaddew għand il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta biex imexxi dan il-proġett, iżda dan kellu jintemm ħesrem minħabba l-COVID, issa li l-COVID għaddiet, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan biex il-kunsill jerġa’ jniedi dan il-proġett biex iżid l-aċċessibiltà għall-anzjani fil-Belt Valletta, u jekk le, x’ser isir jew x’sar minnhom dawn l-iscooters?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif imwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7775, ma kienx hemm domanda għas-servizz tal-iscooters b’hekk dan waqaf milli jkompli jopera bħala servizz.
L-iscooters qegħdin fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa għall-użu tal-anzjani residenti tal-istess dar.
Fid-dawl li fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4996 intqal li l-appuntament ta’ follow-up ma' psikjatri jiġi “determinat mit-tim multidixxiplinarju li jkun qed isegwi lill-pazjent” u kien hemm ilmenti li fil-fatt il-psikjatra jgħid lill-pazjent li għandu appuntament pereżempju fi żmien tliet xhur, imma meta jmur għand ir-receptionist qiegħed jingħata appuntament iktar ‘ilbogħod u li saħansitra dawk l-appuntamenti ġieli jiġu kkanċellati u jingħataw appuntament ħafna iktar ’il bogħod, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jassigura li l-appuntamenti, jingħataw dejjem skont il-bżonn hekk kif iddettat mill-professjonisti skont il-ħtieġa tal-pazjent? Jista’ jgħid ukoll x’rimedju għandu l-pazjent meta jkollu problema ta’ dan it-tip? Hemm xi tip ta’ Customer Care fi ħdan is-servizzi għas-saħħa mentali u jekk iva, fejn u kif jista’ jiġi kkuntattjat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-appuntamenti jingħataw l-aktar viċin possibbli għal dak li jkun irrakomanda it-team multidixxiplinarju. Il-Customer Care tas-servizzi tas-Saħħa Mentali jista' jiġi ikkuntattjat fuq 2330 4444.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi twila l-lista ta’ stennija ġewwa l-Orthopaedic għal knee replacement u jipprovdi tabella bl-ammont tagħhom u bix-xahar u s-sena tar-referral?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il ġurdien mejjet inġabar mid-Dipartiment tas-Sanità minn tas-Sliema, San Ġiljan u l-Gżira, rispettivament għal kull lokalità, f’April 2023?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il ġurdien mejjet inġabar mid-Dipartiment tas-Sanità minn tas-Sliema, San Ġiljan u l-Gżira, rispettivament għal kull lokalità, f’Mejju 2023?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.