Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Swieqi - Charging pillars għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm charging pillars pubbliċi għall-vetturi elettriċi fis-Swieqi? Kemm minnhom huma operattivi u fejn jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tas-Swieqi hemm14-il charging point, li jinsabu fi Triq is-Swieqi, Triq l-Istasija, Triq tal-Ibraġġ, Triq ix-Xiber, Triq il-Miżura c/w Triq l-Istasija, Triq Slielem u Triq Keffa.

San Ġiljan - Charging pillars għall-vetturi elettriċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm charging pillars pubbliċi għall-vetturi elettriċi f’San Ġiljan? Kemm minnhom huma operattivi u fejn jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ San Ġiljan hemm12-il charging point, li jinsabu fi Triq Ta’ Giorni, Spinola Bay Parking Lot (quddiem Tigullio), Triq Lapsi c/w Triq San Mark, Triq il-Qalb Imqaddsa, Triq Mikiel Anġ Borġ (Tigullio Parking) u fi Triq Manwel Dimech (Pjazza tal-Balluta).

Tas-Sliema - Charging pillars għall-vetturi elettriċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm charging pillars pubbliċi għall-vetturi elettriċi f’Tas-Sliema? Kemm minnhom huma operattivi u fejn jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Tas-Sliema hemm 14-il charging point, li jinsabu tnejn fi Triq ix-Xatt, Xatt ta’ Qui Si Sana, Triq Ċensu Xerri, Triq Sir Adrian Dingli, Triq Bisazza (Parking lot) u Għar id-Dud.

AIMS – Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1765 u jipprovdi lista ta' konsulenti li għandha l-AIMS, jgħid kemm tħallsu mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm minnhom għadhom attivi u jekk humiex on a retainer basis?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi tul il-perjodu msemmi, l-AIMS kellha tlett (3) konsulenzi legali, li preżentament wieħed minnhom biss għadu attiv, żewġ (2) konsulenzi attivi fir-rigward ta’ Integrita Sportiva, konsulenza waħda (1) dwar Anti-Doping li għadu attiv u konsulenza waħda (1) attiva dwar Data Protection Compliance. F’kull każ, tkun segwita l-proċedura skont ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1764 u tgħid: i.    jekk il-Gvern iqisx li t-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija huwa biżżejjed sabiex jindirizza r-riskji li jistgħu jirriżultaw minn kriżi internazzjonali li taffettwa kemm il-provvista tal-elettriku minn Sqallija kif ukoll il-provvista tal-LNG; ii.   x’inhu l-pjan ta’ kontinġenza tal-Gvern f’każ li, minħabba kriżi internazzjonali jew ġeopolitika, Malta tiffaċċja diffikultajiet kemm fl-importazzjoni tal-elettriku kif ukoll fil-provvista tal-LNG; iii.   jekk sarux studji jew stress tests dwar ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija ta’ Malta f’xenarju fejn il-provvista tal-elettriku minn Sqallija u l-importazzjoni tal-LNG jiġu affettwati fl-istess ħin u jekk iva, meta saru u x’kienu l-konklużjonijiet ewlenin tagħhom; u iv.   x’miżuri addizzjonali qed jippjana l-Gvern sabiex isaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija għal Malta u jnaqqas id-dipendenza tagħha fuq sorsi ta’ enerġija importati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema tal-enerġija ta’ Malta hija mfassla biex tissodisfa standards internazzjonali ta’ sigurtà tal-provvista u hija sostnuta minn taħlita ta’ ġenerazzjoni lokali, interkonnessjoni ma’ Sqallija u miżuri operattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskju. F’dan il-kuntest it-tieni interconnector, li x-xogħol fuqu huwa avvanzat sew, huwa investiment importanti li jkompli jsaħħaħ ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Is-sistema tinkludi wkoll arranġamenti ta’ kontinġenza u kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni li jistgħu jintużaw permezz ta’ fuels alternattivi f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħala parti mill-miżuri nazzjonali għas-sigurtà tal-provvista. Bħalma jsir f’ġurisdizzjonijiet oħra, il-kunsiderazzjoni tal-kontinġenzi trid iżżomm bilanċ bejn il-livell ta’ reżiljenza meħtieġ, il-probabbiltà ta’ avvenimenti simultanji eċċezzjonali u l-ispejjeż involuti. Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija indirizzata kemm permezz tal-miżuri nazzjonali kif ukoll fil-kuntest tal-qafas Ewropew dwar is-sigurtà tal-provvista, li jippromwovi koperazzjoni, kordinazzjoni u assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri fil-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-prassi applikabbli fl-industrija tal-enerġija hija li l-kapaċità tal-impjanti ta’ ġenerazzjoni tkopri eventwalità ta’ N-1, jiġifieri, per eżempju, meta jintilef sors ewlieni wieħed tal-provvista. L-eventwalità indikata mill-Onor. Interpellant tirreferi għal okkorrenza ta’ N-2, li tmur lil hinn mill-kriterji standard ta’ pjanar adottati fis-settur tal-enerġija. L-entitajiet u l-operaturi responsabbli mill-infrastruttura tal-enerġija jwettqu b’mod regolari valutazzjonijiet tar-riskju u eżerċizzji ta’ pjanar biex jassiguraw is-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistema. F’dan il-kuntest, il-Gvern jieħu l-informazzjoni u l-pariri tekniċi meħtieġa billi jistrieħ ukoll fuq il-kompetenzi u l-għarfien speċjalizzat tal-entitajiet u l-operaturi rilevanti, inklużi l-Energy and Water Agency, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, l-Enemalta plc, l-Interconnect Malta u l-International Energy Services Centre. Fejn ikun meqjus neċessarju, il-Gvern jagħmel użu wkoll minn konsulenza u kompetenza internazzjonali sabiex jissaħħu l-proċessi ta’ pjanar, valutazzjoni u reżiljenza tas-sistema tal-enerġija. L-investimenti fil-ġenerazzjoni lokali, fit-tieni interconnector u f’infrastruttura relatata jkomplu jsaħħu l-kapaċità tas-sistema biex tindirizza firxa ta’ xenarji ta’ riskju u jassiguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista. Il-Gvern jibqa’ kunfidenti li, bis-saħħa tal-investimenti li saru u li qed isiru fl-infrastruttura tal-enerġija, Malta tinsab f’pożizzjoni tajba sabiex tkompli tassigura provvista stabbli, sigura u affidabbli tal-elettriku. Infakkar ukoll li l-Gvern qed ikompli jinvesti b’mod sostanzjali fl-enerġija rinnovabbli, bil-għan li Malta tilħaq madwar 350MW ta’ enerġija mix-xemx sal-2030 u madwar 300MW addizzjonali minn enerġija mir-riħ fis-snin ta’ wara. Qegħdin isiru wkoll investimenti fis-sistemi ta’ ħażna tal-enerġija permezz ta’ batteriji biex l-enerġija ġenerata minn sorsi rinnovabbli tkun tista’ tintuża f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. Barra minn hekk, il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura enerġetika, inkluż permezz tat-tieni interconnector u l-ippjanar ta’ interkonnessjoni addizzjonali mal-grid Ewropea. Fl-istess waqt, il-Gvern qed joffri għajnuna lis-settur domestiku u dak kummerċjali biex jinvestu f’miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u teknoloġiji ta’ ħażna tal-enerġija, inklużi batteriji. Dawn il-miżuri jikkontribwixxu biex tiżdied il-kapaċità ta’ ħażna tal-enerġija ġenerata lokalment, jitnaqqsu l-quċċati tad-domanda u tkompli tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista.

Akkomodazzjoni turistika – Liċenzji sospiżi/revokati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1755 u jgħid kemm ġew sospiżi jew irrevokati liċenzji ta' akkomodazzjoni turistika minħabba ksur tar-regoli jew rapporti ripetuti ta' storbju, imġiba antisoċjali jew problemi relatati mal-ordni pubblika matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll f'liema lokalitajiet kienu jinsabu dawn il-proprjetajiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-snin 2024, 2025 u sal-ġurnata li fiha qed tingħata din it-tweġiba l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma ssospendiet u lanqas irrevokat l-ebda liċenzja ta’ akkomodazzjoni turistika b’konsegwenza ta’ rapporti ta’ storbju, imġiba antisoċjali jew problemi relatati mal-ordni pubblika Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant  ghall-mistoqsija parlamentari numru 1754, fejn gie spjegat f’aktar dettal ir-relazzjoni bejn imgieba anti-socjali u l-licenzja tal-Awtorita’.

Is-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema – Żoni b’inċidenza ta' storbju, diżordni u mġiba antisoċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1753 u jgħid jekk il-Pulizija identifikatx xi żoni fis-Swieqi, f’San Ġiljan u f’Tas-Sliema bħala hot spots fejn iseħħu b'mod regolari każijiet ta' storbju, diżordni jew imġiba anti-soċjali? Jista’ jgħid ukoll x'miżuri speċifiċi ttieħdu sabiex tissaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija f'dawn iż-żoni?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-pulizija l-areas kollha huma importanti u jingħataw attenzjoni meħtieġa f’kull ħin. Billi ċerta żoni jkunu frekwentati aktar minn oħrajn il-forzi tal-ordni jieħdu dawk il-miżuri xierqa biex tissaħħaħ il-boun ordni. Qed isiru patrols aktar frekwenti, monitoraġġ permezz ta’ cameras, iddaħħal il-kunċett ta’ on the spot fines u ttieħdu dejjem miżuri meħtieġa.

Is-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema – Multi/pieni relatati ma’ storbju, diżordni u mġiba antisoċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1752 u jgħid kemm inħarġu multi jew pieni relatati ma’ storbju eċċessiv, imġiba anti-soċjali jew ksur tal-ordni pubblika fis-Swieqi, f’San Ġiljan u f’Tas-Sliema matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x'kien il-valur totali ta' dawn il-multi u kemm minn dawn ġew effettivament imħallsa?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Is-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema – Rapporti relatati ma’ storbju, diżordni u mġiba antisoċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1751 u jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet relatati ma' storbju eċċessiv, imġiba anti-soċjali, ġlied jew diżordni fiż-żoni residenzjali tas-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rapporti wasslu għal prosekuzzjonijiet jew għal xi forma ta’ azzjoni legali?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi - Fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1136 u 1452 u jgħid kemm kienu l-fondi allokati mill-Gvern, minn SportMalta jew minn kwalunkwe entità pubblika oħra lill-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista dettaljata ta’ kull għaqda, federazzjoni, assoċjazzjoni jew klabb sportiv li rċieva finanzjament matul dawn is-snin, filwaqt li għal kull wieħed jindika: a.  l-isem tal-entità; b.  l-ammont mogħti; ċ.  id-data tal-ħlas; d.  l-iskema jew il-programm li taħtu ngħata l-finanzjament; u e.  l-iskop li għalih ingħata l-finanzjament? Jista’ jgħid ukoll: i.   jekk kienx hemm applikazzjonijiet għal finanzjament li ġew miċħuda jew approvati biss parzjalment matul l-istess perjodu u, jekk iva, jippreżenta lista tagħhom flimkien mar-raġunijiet għaliex ma ġewx approvati fl-intier tagħhom; ii.  xi kriterji jintużaw sabiex jiġu evalwati u approvati dawn l-applikazzjonijiet għal finanzjament; u iii.  kemm kien l-ammont totali allokat għall-finanzjament tal-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi għal kull waħda mis-snin imsemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat huma diversi l-iskemi li jgħinu għaqdiet sportivi u l-entitajiet li jagħtu din l-għajnuna mhux kollha jaqgħu taħt dan il-Ministeru, għaldaqstant l-informazzjoni mhux miġbura kif qed tintalab minnu u mhux kollox jista’ jitwieġeb minn dan il-Ministeru.  Taħt l-istess Ministeru wkoll hemm diversi għajnuniet li jingħataw. Intant, ninsab infurmat ukoll kif fost oħrajn Sport Malta tagħti għajnuna mifruxa bl-iskemi ta’ Parteċipazzjoni internazzjonali u dawk ta’ turiżmu sportiv li fl-aħħar snin għenu mijiet ta’ għaqdiet bl-ammonti investiti jidru hawn taħt. Skema 2024 (€) 2025 (€) 2026 (€) Skema Parteċipazzjoni Internazzjonali 1,045,042.65 1,028,358.38 125,166.81 2,198,567.84 Turiżmu Sportiv 192,627.44 230,451.90 36,375.00 459,454.34 Total kull sena 1,237,670.09 1,258,810.28 161,541.81 2,658,022.18

Atleti li jirrappreżentaw lil Malta – Spejjeż imħallsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm atleti magħżula sabiex jirrappreżentaw lil Malta li kellhom iħallsu, kompletament jew parzjalment, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni jew spejjeż oħra relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jindika n-numru ta' każijiet, id-dixxiplini sportivi involuti u r-raġuni għaliex dawn l-ispejjeż ma ġewx koperti minn fondi pubbliċi jew mill-entità sportiva rispettiva?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-assoċjazzjonijiet sportivi u l-Kumitat Olimpiku Malti huma korpi awtonomi u indipendenti li jamministraw l-affarijiet tagħhom b’mod indipendenti. Għaldaqstant, dan il-Ministeru ma jistax jiprovdi l-informazzjoni kif mitluba. Fl-istess ħin hemm diversi iskemi f’dan ir-rigward li jiġu mogħtija minn SportMalta u l-Ministeru u huma amministrati mill-entità stess skont il-proċeduri u l-kriterji tagħha.

Atleti b’diżabilità – Fondi allokati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi sabiex jiġu sostnuti atleti b'diżabilità, inklużi atleti paralimpiċi u dawk li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet organizzati minn Special Olympics Malta, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika, għal kull sena, l-ammont allokat, il-programm jew l-iskema ta' finanzjament, il-benefiċjarji u l-iskop li għalih ingħata l-finanzjament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella riprodotta hawn taħt: Sena Assoċjazzjoni Ammont Allokat Skema 2024 Special Olympics €200,000 Ftehim għall-Għajnuna lill-Atleti ta' Special Olympics 2024 Malta Paralympic Committee €91,736.38 Skema ta' Tagħmir Tekniku għall-Atleti tal-MPC 2024 Malta Paralympic Committee €20,000 Skema - Parteċipazzjoni Internazzjonali 2025 Special Olympics €200,000 Ftehim għall-Għajnuna lill-Atleti ta' Special Olympics 2025 Malta Paralympic Committee €94,510.58 Skema ta' Tagħmir Tekniku għall-Atleti tal-MPC 2025 Malta Paralympic Committee €25,000 Skema - Parteċipazzjoni Internazzjonali 2026 Special Olympics €200,000 Ftehim għall-Għajnuna lill-Atleti ta' Special Olympics 2026 Malta Paralympic Committee €250,000 Skema ta' Tagħmir Tekniku għall-Atleti tal-MPC 2026 Malta Paralympic Committee €30,000 Skema - Parteċipazzjoni Internazzjonali

Parteċipazzjoni fl-isport – Miri nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-miri nazzjonali sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-isport f'Malta sal-2030?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gvern qed jaħdem sabiex, permezz tal-Malta Vision 2050, ikompli jrawwem kultura fejn l-attività fiżika u l-isport isiru parti mill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini kollha. Għalkemm il-Malta Vision 2050 tistabbilixxi l-indikaturi ewlenin sal-2035, dawn jipprovdu direzzjoni ċara wkoll għall-miri nazzjonali sal-2030. Fost il-miri ewlenin hemm: ·   li tiżdied il-parteċipazzjoni regolari fl-attività fiżika minn 32% tal-popolazzjoni għal 50% , permezz ta’ programmi fl-iskejjel, fuq il-post tax-xogħol u fil-komunità, b’enfasi partikolari fuq it-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni vulnerabbli u l-anzjani; ·   li jitkompla t-titjib u t-tkabbir tal-infrastruttura sportiva madwar il-pajjiż, sabiex jiżdied l-aċċess għall-faċilitajiet sportivi u jiġi mħeġġeġ involviment akbar tal-komunità fl-isport, bil-mira li jittejjeb il-proporzjon ta’ faċilitajiet sportivi appoġġjati mill-Gvern għall-popolazzjoni; ·   li jissaħħaħ l-iżvilupp tal-isport kompetittiv u tal-atleti elite permezz ta’ investiment kontinwu fil-faċilitajiet, il-coaching u s-servizzi ta’ appoġġ, sabiex jiżdied in-numru ta’ atleti elite fil-pajjiż; Dawn il-miri huma sostnuti wkoll permezz ta’ inizjattivi konkreti tal-Gvern, fosthom programmi li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-isport, fosthom gyms bla ħlas għal żgħażagħ, investiment kontinwu fl-infrastruttura sportiva u miżuri li jagħmlu l-isport aktar aċċessibbli għall-komunità kollha. B’dan il-mod, il-Gvern qed jaħdem sabiex sal-2030 jitkompla l-progress lejn soċjetà aktar attiva, b’saħħitha u parteċipattiva, f’konformità mal-viżjoni fit-tul tal-Malta Vision 2050.

Parteċipazzjoni fl-isport – Studji

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi studji wettaq il-Gvern dwar il-livell ta' parteċipazzjoni fl-isport f'Malta u jqiegħed dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-evalwazzjoni tal-livell ta’ parteċipazzjoni fl-attività fiżika u fl-isport huwa proċess kontinwu, u l-Ministeru regolarment jiġbor u janalizza informazzjoni sabiex jivvaluta l-impatt tal-miżuri li qed jiġu implimentati. F’dan il-kuntest, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Proposti 520 u 522 tal-Manifest Elettorali, il-Kulleġġ San Benedittu qed iwettaq evalwazzjoni annwali tal-mudell ta’ attività fiżika u sport fl-iskejjel primarji. Din tinkludi ġbir ta’ informazzjoni mingħand studenti, ġenituri, edukaturi u Kapijiet tal-Iskejjel, sabiex ir-riżultati jintużaw għat-titjib kontinwu tal-programm.

Kunsilli lokali – Fondi għall-faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kunsilli lokali rċevew fondi sabiex itejbu l-faċilitajiet sportivi matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika għal kull wieħed: i.    il-proġett; ii.   il-valur tiegħu; u iii.   l-istadju li jinsab fih?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill- Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill- Ministru kkonċernat.

Skejjel tal-Istat – Faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid: i.    liema faċilitajiet sportivi fl-iskejjel tal-Istat huma disponibbli għall-użu tal-komunità wara l-ħin tal-iskola; ii.   liema faċilitajiet sportivi fl-iskejjel tal-Istat mhumiex disponibbli u għaliex; u iii.  kemm-il booking sar matul l-2025 għal kull faċilità sportiva fl-iskejjel tal-Istat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

SportMalta – Tenders maħruġa

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tat-tenders kollha maħruġa minn SportMalta matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, filwaqt li għal kull tender jindika: i.    is-suġġett; ii.   il-valur stmat; iii.   l-offerent rebbieħ; iv.   il-valur finali tal-kuntratt; u v.    jekk il-proġett tlestiex jew le?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li bejn l-2024 u l-2026, SportMalta ħarġet numru ta’ sejħiet għall-offerti relatati ma’ xogħlijiet, provvisti u servizzi sabiex tkompli ttejjeb l-infrastruttura sportiva u s-servizzi tagħha. Fl-2024 ġew konklużi b’suċċess żewġ proġetti ewlenin fil-Kumpless Nazzjonali tal-Għawm f’Tal-Qroqq, jiġifieri l-installazzjoni ta’ sistema ġdida għall-ħażna tal-fjuwil u s-sostituzzjoni tas-sistema tad-dawl tal-pixxina Olimpika, li t-tnejn tlestew. Matul l-2025 ingħataw kuntratti għal diversi inizjattivi oħra. Dawn jinkludu xogħlijiet ta’ tiswija fuq l-istrutturi tal-konkos fil-Kumpless Nazzjonali tal-Għawm, li bħalissa jinsabu sospiżi temporanjament bi qbil mal-kuntrattur sakemm jitlestew xogħlijiet oħra relatati, kif ukoll il-fażi finali tax-xogħlijiet fil-changing rooms ta’ Maria Assumpta, li għadhom għaddejjin. Ġie wkoll konkluż il-proġett ta’ estensjoni taż-żona tas-siġġijiet għall-ispettaturi u l-kostruzzjoni ta’ uffiċini u faċilitajiet anċillari fil-Kumpless Nazzjonali tal-Għawm, filwaqt li ġie stabbilit framework contract għall-provvista ta’ stickers, PVC boards u canvas prints, li jibqa’ fis-seħħ sal-2028. Fl-2026 tnedew aktar proġetti u sejħiet għall-offerti. Ix-xogħol relatat mal-provvista u l-installazzjoni ta’ art sportiva ġdida fil-Cottonera Sports Complex jinsab għaddej, filwaqt li żewġ proċeduri oħra – il-framework contract għall-provvista ta’ calcium hypochlorite għat-trattament tal-ilma tal-pixxina u s-sejħa għall-provvista ta’ servizzi ta’ external audit għall-perjodu 2026–2029 – għadhom fil-fażi ta’ evalwazzjoni. B’mod ġenerali, il-maġġoranza tal-proġetti li ngħataw matul dan il-perjodu jew tlestew b’suċċess jew jinsabu fl-istadju ta’ implimentazzjoni skont il-programm tax-xogħol stabbilit, filwaqt li l-bqija jinsabu fil-proċess ta’ evalwazzjoni skont il-proċeduri tal-akkwist pubbliku.

Mediċina sportiva – Impjegati mal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti fil-qasam tal-mediċina sportiva impjegati mal-Gvern?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li hemm tliet letturi speċjalizzati li jgħallmu fil-qasam tal-mediċina sportiva. Hemm ukoll żewġ membri tal-Bord tad-Diretturi tal-AIMS li huma speċjalizzati fis-suġġett.

SportMalta – Faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema faċilitajiet sportivi huma amministrati minn SportMalta u għal kull waħda minnhom jindika: i.    il-baġit annwali għall-manutenzjoni; ii.   x’kienet l-ispiża matul l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari; iii.   jekk hemmx xogħlijiet pendenti; u iv.   meta huma mistennija jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li SportMalta tamministra l-Cottonera Sports Complex, il-Marsa Sports Complex, in-National Pool Complex, il-Kirkop Sports Complex, Ta’ Kandja Shooting Range u l-M’Assumpta Sports Complex. L-allokazzjoni annwali għall-manutenzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet hija ta’ madwar €500,000. Din l-allokazzjoni tkopri l-manutenzjoni ordinjarja u ma tinkludix nefqa relatata ma’ proġetti kapitali jew investimenti infrastrutturali. In-nefqa fuq il-manutenzjoni kienet ta’ madwar €400,000 matul is-sena 2025, filwaqt li sal-lum fl-2026 tammonta għal madwar €200,000. Il-manutenzjoni tal-faċilitajiet titwettaq b’mod kontinwu u skont il-ħtiġijiet operattivi ta’ kull sit, sabiex dawn jibqgħu f’kundizzjoni tajba u jkunu jistgħu jkomplu jservu lill-utenti tagħhom. Minbarra l-manutenzjoni ta’ rutina, qed jitwettqu wkoll diversi interventi ta’ manutenzjoni straordinarja u titjib infrastrutturali, fosthom ix-xogħlijiet fuq is-saqaf u l-upgrade tas-sala prinċipali tal-Cottonera Sports Complex, li huma mistennija jitlestew sa Settembru. Qed jitmexxew ukoll ix-xogħlijiet relatati mal-grawnd ta’ Ħal Kirkop permezz ta’ sejħa għall-offerti maħruġa mill-Foundation for Tomorrow’s Schools (FTS), filwaqt li l-estensjoni tal-M’Assumpta Sports Complex tinsab għaddejja.

AIMS – Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta' konsulenti li għandha l-AIMS, jgħid kemm tħallsu mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm minnhom għadhom attivi u jekk humiex on a retainer basis?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.