Legislature:
Category:
Reset
Active:

EV Meters

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-EV Meters jistgħux japplikaw għalihom sidien ta’ garage spaces ukoll u mhux biss sidien ta’ lock up garages?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħdin nikkunsidraw kif ser isiru emendi fil-Provvista tal-Elettriku sabiex sidien ta’ garage spaces ukoll u mhux biss sidien ta’ lock up garages ikunu jistgħu japplikaw ghall-EV meter.

Kumpless Sportiv ta’ Tal-Qroqq – squash courts – xogħol ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-Squash Courts ġewwa l-Kumpless Sportiv ta’ Tal-Qroqq? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba dawn il-courts jitnaddfu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-courts tal-isquash għandhom manutenzjoni kontinwa u tindif ta' kuljum. Fil-fatt, preżentament hemm pubblikazzjoni ta' sejħa għall-kwotazzjonijiet għall-courts wieħed u tnejn biex jiġu rinnovati. Barra minn hekk f’courts tlieta u erbgħa ġiet installata arja kundizzjonta. F’dawn il-courts it-tim nazzjonali jitħarreġ kuljum mingħajr ħlas waqt li l-pubbliku ġenerali jużawhom bi ħlas minimu.

Santa Luċija – Kulleġġ San Tumas More – xogħlijiet fuq il-gym u sala

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-gym u sala fl-iskola sekondarja, Kulleġġ San Tumas More ġewwa Santa Luċija u meta qed jistenna li dawn ix-xogħlijiet jitlestew?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll dawk ta’ finishes fuq il-gym u sala fl-iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija, Kulleġġ San Tumas More, għandhom jibdew fix-xhur li ġejjin wara li jingħalaq l-istadju ta’ evalwazzjoni tat-tender relattiv. Ix-xogħolijiet huma mistennija li jitlestew fi Q2 2023.

Marsa – Kumpless Sportiv – aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari dawk li jużaw ‘wheelchair’, ġew inkorporati fix-xogħlijiet ta' upgrade li saru fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-upgrading tal-grawnd tal-Marsa Athletics huwa investiment ta’ €3 miljun f’uniformità sħiħa mal-permess tal-ippjanar u b’aċċessibbiltà sħiħa għall-aċċess għas-siġġijiet tar-roti. L-investiment se jkun qed jaġġorna l-faċilitajiet għal livell internazzjonali u se jintroduċi aċċessibbiltà għaż-żoni kollha meta dawn kienu neqsin għal snin sħaħ. Meta l-proġett ikun lest għal kollox l-utenti tas-siġġijiet tar-roti mhux biss ser ikollhom żoni magħżula iżda wkoll ser ikollhom aċċess sal-quċċata tal-istands. Waqt l-Olimpjadi Speċjali, dawk kollha li jużaw is-siġġijiet tar-roti ġew akkomodati mal-korsa biex isegwu l-logħob.

Balluta – tixrid ta’ skart

Question

Fid-dawl tal-periklu reċenti tas-sigurtà fejn struttura kbira ta’ scaffolding kważi waqgħet fit-triq u l-bankina fil-Balluta u fid-dawl tat-tixrid reċenti ta’ skart mill-istess proġett li tniġġes il-Bajja tal-Balluta, jista’ l-Ministru jispjega: 1- x’miżuri ttieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-nies li jimxu fuq il-bankina u l-karozzi li jgħaddu fit-Triq it-Torri; u 2- x'miżuri ttieħdu biex ma jkunx hemm aktar skart imxerred fil-Bajja tal-Balluta minn dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 521 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Sirens – kumpless sportiv – faċilitajiet ta’ aċċessibilità

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'faċilitajiet ta' aċċessibbiltà hemm fil-kumpless sportiv akkwatiku tas-Sirens, liema proġett kien iffinanzjat sa €2.2 miljun mill-Awtorità tal-Ippjanar, li jippermettu lil persuni b'diżabilità jidħlu u joħorġu mill-pixxina?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess tal-iżvilupp tal-kumpless sportiv akkwatiku tas-Sirens jaħseb għall-kundizzjoni speċifika li titlob approvazzjoni tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ qabel il-ħruġ tal-permess ta’ konformita’. Inżid illi l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita kienet ukoll konsultata waqt il-proċess tal-applikazzjoni u ma nstabet ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-pjanti kif approvati.