Jista’ l- Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti r-railings tal-promenade ta’ Tas-Sliema, bejn Fond Għadir u l-Waterpolo Pitch ta’ Tas-Sliema, li huma kollha sadid?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ser isir intervent fuq ir-railng li hemm bejn il-Pitch tal-Waterpolo u ż-żona magħrufa bħala Għar id-Dud/Chalet. Dan ix-xogħol se jsir bi qbil mal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.
Tista’ l- Ministru tgħid meta se jiġu installati l-arbli tad-dawl neqsin fil-promenade f’Tas-Sliema, li saritilhom il-ħsara minn maltemp aktar minn tliet snin ilu u li ilhom neqsin minn dakinhar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta ser tkun qed tikkordina x-xogħol biex isir dawl ġdid fil-Promenada f’Tas-Sliema bħala parti minn proġett biex tinbidel il-bankina li ser isir minn Infrastructure Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 1015, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinħatar il-Bord tad-Diretturi tal-PBS, għal liema terminu se jinħatar, u x'se tkun ir-remunerazzjoni tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari numru 1015.
Peress li skont it-Terms of Reference tal-Bord Editorjali tal-PBS (para. 6d) l-istess Bord irid kull sena jippreżenta rapport, jista' l-Ministru jippubblika r-rapport mill-2016 sal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li r-rapport imsemmi jiġi preżentat mill-Bord Editorjali lill-Bord tad-Diretturi permezz ta' dokument li jkun fih l-għażla tal-programmi li jiġu shortlisted mill-istess Bord.
L-iskeda finali mbagħad tiġi preżentata lill-azzjonista prinċipali tal-PBS u ċjoè l-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kif tqassmu l-flus li jagħti l-Gvern fuq programmi Extended Public Service Obligation (EPSO) għas-snin 2019, 2020 u 2021?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-programmi li potenzjalment ikunu eliġibbli għall-vot tal-EPSO jaqgħu taħt dawn il-ġeneri:
· Programmi tat-tfal
· Programmi ta’diskussjonijiet u ġrajjiet kurrenti
· Drama
· Programmi edukattivi, kulturali u ta’informazzjoni ġenerali
· Programmi Għawdex/Maltin ta’barra
· Trasmissjonijiet ta’ ġrajjiet ta’ karattru nazzjonali
· Programmi reliġjużi
· Transmissjonijiet tal-Parlament
F’dan l-isfond, ninsab infurmat illi l-fondi jiġu allokati skond il-ġeneri msemmija. Matul is-sena jsiru diskussjonijiet biex jaraw l-andament tal-programmi u minn żmien għal żmien isir aġġornament minn ġeneru għal ġeneru.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex il-pazjenti li jmorru jiġbru r-riżultati tal-X-Ray mill-Poliklinika fl-Imsida, fil-ġurnata u l-ħin li fih ġew infurmati biex imorru, huma mġiegħla jistennew għal aktar minn erba' sigħat qabel jingħata r-riżultat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Imsida ma hemmx Poliklinika.
Fid-dawl tat-tixrid riċenti ta' skart minn proġett fil-Balluta li niġġes il-Bajja tal-Balluta, tista' l-Ministru tispjega x'miżuri ttieħdu biex ma jkunx hemm aktar skart imxerred fil-Bajja tal-Balluta minn dan il-proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ERA immedjatament waqqfet ix-xogħlijiet, kif ukoll ordnat lill-applikant biex jieħu l-miżuri ta' mitigazzjoni meħtieġa sabiex ma jkunx hemm aktar tixrid ta' materjal fil-baħar.
Dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni meħuda fuq dan il-proġett jinkludu:
1. installazzjoni ta' mesh addizzjonali sabiex l-ilqugħ fil-baħar jiżdied;
2. l-piling works komplew mingħajr l-użu ta' ilma bħala drilling fluid sabiex jitnaqqas l-ammont ta' runoff;
3. tpoġġa lqugħ fuq il-blat sabiex materjal iġġenerat mill-piling works ma jispiċċax il-baħar;
4. il-preżenza ta' Environmental Monitor sabiex jassigura li l-miżuri hawn fuq imsemmija jkunu adegwati u jitwaqqaf ix-xogħol b’mod immedjat jekk jirriżulta li l-miżuri ma jkunux effettivi.
Fis-16 ta’ Mejju, l-Awtorità ħarġet ukoll notifika ta’ multa minħabba li skart ta’ materjal minn dan il-proġett spiċċa fil-baħar.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti r-railings tal-promenade f’Tas-Sliema, bejn Fond Għadir u l-Waterpolo Pitch ta’ Tas-Sliema, peress li huma kollha sadid?
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu installati l-arbli tad-dawl neqsin fuq il-promenade f’Tas-Sliema, li kienet saritilhom il-ħsara minn maltemp aktar minn tliet snin ilu u li ilhom neqsin minn dakinhar?
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex tnejn biss mit-23 rakkomandazzjoni magħmula mill-GRECO ġew implimentati bi sħiħ, filwaqt li 11 mit-23 rakkomandazzjoni ġew implimentati parzjalment u disgħa mit-23 rakkomandazzjoni ma ġew implimentati xejn?
Meta se jiġu implimentati bi sħiħ il-11-il rakkomandazzjoni li ġew implimentati parzjalment? Meta se jiġu implimentati d-disa' rakkomandazzjonijiet li ma ġew implimentati xejn?
Response (ABELA, ROBERT)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li bħala fatt din hi l-iktar amministrazzjoni li għamlet bidliet, inkluż leġiżlattivi, biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt u l-governanza f’pajjiżna. Bidliet li kienu rikonoxxuti minn entitajiet jew awtoritajiet awtorevoli bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Venezja, fost oħrajn.
Kif jirriżulta mir-rapport li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant, hemm 14-il rakkomandazzjoni li jew twettqu b’mod sħiħ, jew inkella skont l-analisi tal-GRECO, qed ikunu implimentati.
Dan differenti ħafna minn rapporti ta’ żminijiet oħra, bħal dak tal-2011, fejn mit-total tar-rakkomandazzjonijiet ma kien twettaq xejn. Eventwalment dawk ir-rakkomandazzjonijiet kienu twettqu wara li nbidel il-gvern.
Dwar l-aħħar rapport, li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant, l-awtoritajiet jibqgħu jżommu proċess ta’ konsultazzjoni u djalogu mal-GRECO.
Fid-dawl tal-konsegwenzi serji ħafna li qed ikollha fuq l-industrija tas-servizzi finanzjarji tagħna u fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum, jista’ l-Ministru jaġġorna din il-Kamra dwar x’qed isir biex Malta titneħħa mil-lista griża tal-Financial Action Task Force (FATF) u meta qed jistenna li pajjiżna jitneħħa mil-lista griża tal-FATF?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-istituzzjonijiet kkonċernati wettqu ħidma kbira sabiex jitwettaq il-pjan t’azzjoni.
Filwaqt li nixtieq nassigura lill-Onor. Interpellant illi qiegħed isir dak kollu li hemm bżonn sabiex pajjiżna jitneħħa mill-lista l-griża, la hu xieraq u mhux prudenti illi nispekulaw dwar id-deċiżjonijiet tal-FATF.
Tneħħija mil-lista tar-Renju Unit ta' pajjiżi b'riskju għoli għall-ħasil ta' flus u finanzjament tat-terroriżmu
Question
Jista' l-Ministru jispjega x'qed isir biex pajjiżna jitneħħa mil-lista tar-Renju Unit ta' pajjiżi b'riskju għoli għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li qiegħed jitwettaq sabiex Malta twettaq il-pjan t’azzjoni, kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 1155, għandu jservi sabiex jintlaħaq l-istess għan fir-rigward tal-lista indikata minnu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 521, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl tal-periklu reċenti tas-sigurtà fejn struttura kbira ta’ scaffolding kważi waqgħet fit-triq u l-bankina fil-Balluta, u fid-dawl tat-tixrid reċenti ta’ skart mill-istess proġett li tniġġes il-Bajja tal-Balluta, jista’ l-Ministru jispjega:
a. x’miżuri ttieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-nies li jimxu fuq il-bankina u l-karozzi li jgħaddu fit-Triq it-Torri; u
b. x'miżuri ttieħdu biex ma jkunx hemm aktar skart imxerred fil-Bajja tal-Balluta minn dan il-proġett?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Infurmat li l-OHSA ħadet passi immedjati biex l-armar inkwestjoni jkun marbut b’mod sigur.
B’referenza għat-tieni mistoqsija dwar kontroll tal-iskart fil-Bajja tal-Balluta, il-kontroll tal-iskart u t-tniġġiżs huwa fir-responsabbilità tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u għaldaqstant tali mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.
Tas-Sliema — bdil ta' railings mal-promenade bejn Fond Għadir u l-Waterpolo pitch
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti r-railings tal-promenade f’Tas-Sliema, bejn Fond Għadir u l-Waterpolo Pitch ta’ Tas-Sliema, li huma kollha sadid?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista sħiħa tad-direct orders kollha maħruġa minn kull ministeru u kull entità taħt dawn il-ministeri, bejn is-26 ta' Marzu u l-25 ta' Mejju, 2022?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Skont it-Terms of Reference tal-Bord Editorjali tal-PBS (para 6d) l-istess Bord irid jippreżenta rapport kull sena, għaldaqstant, jista' l-Ministru jippubblika r-rapporti tal-PBS mill-2016 sal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS? Meta jagħlaq it-terminu tal-ħatra tagħhom? Kemm hija r-remunerazzjoni tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri attwali tal-Bord offrew ir-riżenja tagħhom u ninsabu fil-proċess li jinħatar Bord ġdid.