Legislature:
Category:
Reset
Active:

National Sailing Association – faċilitajiet għal-Logħob tan-Nazzjonijiet iż-Żgħar 2023

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’faċilitajiet se jagħti l-Gvern lin-National Sailing Association fid-dawl tal-logħob tan-Nazzjonijiet iż-Żgħar tal-2023 li se jkun qed isiru f'Malta? Dawn il-faċilitajiet, jekk se jkun hemm, se jkunu disponibbli fuq bażi temporanja jew permanenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjan strutturat biex jintużaw faċilitajiet mgħammra apposta għal kull attività sportiva waqt il-Logħob tan-Nazzjonijiet iż-Żgħar. Dawn il-faċilitajiet mistennija jibqgħu jintużaw b’mod permanenti.

SportMalta – kuntratti tal-management

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tal-management ta’ SportMalta, inkluż tal-Kap Eżekuttiv, diretturi u kapijiet tad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt SportMalta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-karigi u l-ħlasijiet li jirċievi l-maniġment ta’ SportMalta hu kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ta’ Kandja – Shooting Range nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru: a. Jinforma lill-Kamra x’kienet l-ispiża totali tax-Shooting Range nazzjonali f’Ta’ Kandja; u b. Iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tqassim ta’ din in-nefqa, inkluż lista tal-kumpaniji kollha li bbenefikaw minn din in-nefqa u l-ammont li kull kumpanija, flimkien mal-kontribuzzjoni eżatta, tat għal dan il-proġett?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ta’ Kandja – Shooting Range nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega lill-Kamra għaliex ix-Shooting Range f'Ta' Kandja jinsab fi stat ħażin, kif ġie rrapportat fil-media, wara nefqa ta’ miljuni ta’ Ewro ftit snin ilu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-Shooting Range f'Ta' Kandja hi operattiva. Ninfurmah ukoll li riċentament kien hemm tliet kompetizzjonijiet internazzjonali kif ukoll lokali mħejjija mill-Malta Shooting Sport Federation (MSSF) kif ukoll mill-FKNK. Uħud minn dawn il-kompetizzjonijiet kellhom ukoll attendenza minn tiratturi barranin li kollha faħħru ħafna l-post.

Ta’ Kandja – Shooting Range nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jispjega meta se tissewwa x-Shooting Range f’Ta’ Kandja u x'se tiswa lill-pubbliku biex tissewwa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tiswija fuq ix-xibka kkaġunata minn riħ qawwi li laqtet lill-istess faċilità ser issir permezz ta' tender li ġie ppublikat fil-ġimgħat li għaddew. Rigward range numru 4 bħalissa għaddejja medjazzjoni mal-kuntrattur sabiex din tiġi riżolta. Infurmat li l-medjazzjoni tinsab f'fażi avvanzata.

Remote Working Policy – ħaddiema taċ-Ċivil

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti n-numru eżatt ta’ impjegati tal-Gvern, maqsuma b’Ministeru u entità taħt kull Ministeru, li bħalissa qegħdin jaħdmu b'mod remot, f’konformità mar-remote working policy?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 923.

Balluta – tixtrid ta’ skart tal-kostruzzjoni fil-baħar

Question

Peress li mill-bidu tal-ġimgħa li tibda t-13 ta’ Ġunju sal-lum, skart tal-kostruzzjoni niġġes il-bajja taħt l-eks Sit tal-NSTS, tul il-kosta ta’ Qui-Si-Sana, fejn għandi wkoll ritratti biex nipprova dan, għaldaqstant tista' l-Ministru tispjega għaliex ma ttieħdet l-ebda azzjoni immedjata biex dan it-tniġġis tal-baħar jitwaqqaf? Tista’ tgħid x'azzjoni qed tittieħed kontra dawk li huma responsabbli għal dan it-tniġġis tal-baħar? Fid-dawl tal-fatt li dan huwa t-tieni każ ta’ tniġġis mill-iskart tal-kostruzzjoni tul il-kosta bejn il-Bajja tal-Balluta u Qui-Si-Sana f’dawn l-aħħar sitt ġimgħat, bl-aħħar wieħed ikun fil-bajja tal-Balluta sitt ġimgħat ilu, tista’ l-Ministru tispjega dak li sar biex jiġi evitat it-tniġġis ta’ din il-kosta jerġa’ jiġri?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li lill-ERA ma waslilha l-ebda rapport riċenti dwar xogħlijiet li minnhom irriżulta skart li ħammeġ il-baħar matul ix-Xatt ta’ Qui-si-Sana. Spezzjonijiet minn uffiċċjali tal-ERA li saru wara li waslitilha l-Mistoqsija Parlamentari, ma wrew l-ebda turbidità fil-baħar matul il-kosta msemmija. Nistieden lill-Onor. Interpellant biex jghaddi evidenza li jista’ ghandu ta’ skart li qed jispiċċa jew jinxteħet il-baħar, lill-awtorità kompetenti għall iktar investigazzjoni.

Tas-Sliema — Qui Si Sana – overflow tad-drenaġġ

Question

Fid-dawl li s-Sindku ta’ Tas-Sliema ilu aktar minn ġimgħa jappella lill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-overflow tad-drenaġġ fuq il-bajja fi Qui-Si-Sana, fejn saħansitra poġġa filmat fuq il-midja soċjali biex juri l-periklu allarmanti għas-saħħa tal-għawwiema, għaldaqstant tista' l-Ministru tispjega għaliex dan l-overflow tad-drenaġġ ma twaqqafx immedjatament u meta se tissolva din il-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi jidher li hu riżolt. Ninsab infurmata wkoll li nstab is-sors tal-ilma maħmuġ li jidher kienet infrastruttura ta' terzi, u barra minn network tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Madanakollu, il-Korporazzjoni offriet l-assistenza tagħha lill-awtoritajiet kompetenti u se ssegwi l-każ skont il-bżonn. F'każijiet simili, l-investigazzjonijiet isiru mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Tas-Sliema — Qui Si Sana – overflow tad-drenaġġ

Question

Fid-dawl li s-Sindku ta’ Tas-Sliema ilu aktar minn ġimgħa jappella lill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-overflow tad-drenaġġ fuq il-bajja fi Qui-Si-Sana, fejn saħansitra poġġa filmat fuq il-midja soċjali biex juri l-periklu allarmanti għas-saħħa tal-għawwiema, għaldaqstant jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex dan l-overflow tad-drenaġġ ma twaqqafx immedjatament u meta se tissolva din il-problema?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi llum se joħrog avviz biex iz-żona terġa' tinfetaħ għall-għawm.

Programmi televiżi aċċessibbli għal persuni bi problemi ta' smigħ

Question

Fid-dawl li f’Settembru 2020 l-eks Ministru Abela qal li għandu jkun hemm diskussjoni biex naraw kif il-programmi televiżivi jkunu aktar aċċessibbli għal persuni bi problemi ta' smigħ, jista’ l-Ministru jgħid dakinhar kemm kien hemm programmi fuq TVM aċċessibbli għal dawn il-persuni? Minn dakinhar li l-Ministru qal li dawn il-programmi għandhom jiżdiedu, kemm fil-fatt żdiedu? U jekk żdiedu, liema huma l-programmi li issa huma aċċessibbli għal persuni bi problemi ta’ smigħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sa Settembru 2020 is-servizzi u programmi kienu l-Aħbarijiet tas-18:00 u Insights bil-lingwa tas-sinjali, kif ukoll verżjoni ta' Għawdex Illum bis-sotto titoli. Mill-iskeda ta' Ottubru 2021 minbarra dawn l-imsemmija, żdied programm għat-tfal kuljum, Avaru, li minbarra li kellu l-lingwa tas-sinjali u s-sotto titoli, kien iddedikat għal tfal bi problemi ta' tagħlim u problemi sensorjali.

Bord Editorjali tal-PBS — rapporti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1157, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti kollha li ġew ippreżentati mill-Bord Editorjali lill-Bord tad-Diretturi mill-2016 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija numru 1157 m’għandi xejn aktar xi nżid.

PBS — Bord Editorjali - membri

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 1016, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinħatar il-Bord Editorjali tal-PBS, għal liema terminu se jinħatar, u x'se tkun ir-remunerazzjoni tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari numru 1016.

PBS – impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni impjegati mal-PBS fuq bażi full-time u part-time u kemm hemm persuni li jipprovdu servizzi lill-PBS fuq bażi ta’ kuntratt?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella t’hawn taħt. Impjegati Full time104 Impjegati Part time1 Impjegati bil-Kuntratt18

Tas-Sliema, San Ġiljan u Swieqi — Għases tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija stazzjonati f'kull ħin fl-Għassa tal-Pulizija f'Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi fl-għassa ta’ Tas-Sliema jkun hemm medja ta’ 28 uffiċjal tal-Pulizija u ta’ San Ġiljan ikun hemm medja ta’ 56 uffiċjal tal-Pulizija. Barra minn hekk fl-għassa ta’ San Ġiljan hemm ħames uffiċjali oħra tal-Komunità li joperaw f’din il-lokalità. Fil-lokalità ta’ tas-Swieqi hemm tim ta’ ħames uffiċjali tal-Komunità. Ma’ dawn wieħed irid isemmi, illi fid-dawl tal-oġġettivi u għanijiet tal-pulizija fejn tidħol is-sigurtà u protezzjoni taċ-ċittadin u l-infurzar tal-liġi, il-lokalitjiet imsemmija huma koperti wkoll min uffiċjali tat-taqsima tal-RIU li joperaw f’kull ħin, kif isir f’lokalitajiet oħra f’din il-gżira.

Tas-Sliema – patrols tal-Pulizija bil-mixi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qegħdin isiru patrols tal-Pulizija bil-mixi mal-promenade ta' Tas-Sliema, u jekk iva, kemm-il darba dawn isiru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kif diġà ngħad f’mistoqsija relatata, ta’ kuljum il-pulizija ssegwi diversi tipi ta’ rondi ġewwa Tas-Sliema, inkluż il-promenade. Dawn isiru skont id-disponibilità ta’ uffiċjali mill-għassa ta’ Tas-Sliema anke permezz tal-vetturi tagħhom. Rondi kontinwi jsiru wkoll min uffiċjali tal-RIU li jkopru ż-żona indikata fost żoni oħra, u dan barra illi hemm ħinijiet fejn ir-rondi jsiru minn uffiċċjali mit-taqsima tal-Pulizija tal-Komunità, u xi drabi, minn dawk mit-Taqsima tal-Klieb. Bħal dejjem kull tip ta’ ronda hija importanti u hija mmirata li tilħaq il-ħtiġijiet diversi tal-komunità, fost irwoli oħra.

Gżira – poliklinika – ġbir tar-riżultati tal-X-Rays

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex il-pazjenti li jmorru jiġbru r-riżultati tal-X-Ray mill-Poliklinika fil-Gżira, fil-ġurnata u l-ħin li fih ġew infurmati biex imorru, kienu mġiegħla jistennew għal aktar minn erba’ sigħat qabel jingħataw ir-riżultat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema pazjent jew data qed jirreferi.