Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sliema – promenade – istallar u tiswija ta’ arbli tad-dawl

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3005 dwar l-istallar ta’ arbli tad-dawl fil-Promenade ta’ Tas-Sliema, issa li għaddew seba’ xhur oħra mill-aħħar mistoqsija parlamentari tiegħi dwar dan is-suġġett, tista’ l-Ministru tgħid meta se jiġu installati l-arbli tad-dawl li huma neqsin tul din il-Promenade u li ritratti tagħhom qed jintbagħtu separatament? Tista’ tgħid ukoll meta l-arbli tad-dawl, tul l-istess promenade, li ilhom bil-ħsara għal ħafna xhur, ser jiġu sostitwiti b'oħrajn ġodda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ġaladarba l-Onor. Interpellant din id-darba kien aktar speċifiku dwar liema arbli qed jirreferi għalihom, nitolbu biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat għaliex l-arbli u dwal dekorattivi li jidhru fir-ritratti li ppreżenta ma’ din il-mistoqsija mhumiex fir-responsabbiltà tal-Enemalta.

MCCAA – lista ta’ mediċini

Question

Fid-dawl li sa ftit taż-żmien ilu l-MCCAA (Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur) kienet toħroġ lista ta’ mediċini li l-prezzijiet tagħhom kienu raħsu, u peress li din il-lista issa ilha ma toħroġ, jista' l-Ministru jikkonferma li dan hu minnu u jekk iva, jista' jgħid għaliex lista bħal din m'għadhiex tiġi ppubblikata? Jista' jgħid ukoll kemm għolew il-prodotti essenzjali, kif miġburin mill-Uffiċċju tal-Istatistka, bejn Mejju 2013 u April 2023, maqsuma għal kull prodott?

Response (CARUANA, CLYDE)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema prodotti qed jirreferi.

Promenade ta’ Tas-Sliema bejn ix-Chalet u Qui-Si-Sana – periklu fil-pedamenti

Question

Fid-dawl li bħalissa fil-pedamenti tal-Promenade ta’ Tas-Sliema bejn ix-Chalet u Qui-Si-Sana hemm periklu li jista’ jwassal għall-kollass tal-imsemmi promenade ta’ Tas-Sliema f’dik iż-żona, jista' l-Ministru: a. jgħid jekk sarux xi studji professjonali li jiddeterminaw l-istat tal-pedamenti msemmija u jekk le, għaliex dan ma sarx immedjatament meta wieħed jara li ġie enfasizzat il-periklu imminenti; b. jikkonferma jekk hemmx xi periklu imminenti li l-imsemmija promenade tiġġarraf; u ċ. jikkonferma l-periklu, u jagħti spjega lill-Kamra ta' x'miżuri se jittieħdu u meta se jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-nies li jimxu/jiġru fuq il-promenade, u jgħid meta se jsiru t-tiswijiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8745 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Qasam tal-edukazzjoni u soċjali – għoti ta’ fondi mill-Aġenzija Komunità Malta

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8250 , jista' l-Ministru jagħti l-ammonti totali li kull organizzazzjoni rċeviet, skont id-dokument imqiegħed mal-istess mistoqsija, flimkien mal-ammonti li kull donatur ikun ta lil kull organizzazzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni aġġornata sal-10 ta' Mejju 2023, mitluba mill-Onor. Interpellant hija skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni ma tinkludix informazzjoni dwar għaqdiet li setgħu għażlu li jagħtu lura d-donazzjoni fl-aħħar jiem.

PBS — Salarji u allowance/benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jagħti s-salarji gross u kwalunkwe allowance u/jew benefiċċji oħra tal-pożizzjonijiet li ġejjin fi ħdan il-PBS mill-2012 sal-lum: Uffiċjal Kap Eżekuttiv (CEO); Chairman; Editur; Kap tal-Aħbarijiet; u Managers?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt sabiex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Mediċina Rivoraxaban

Question

Peress li l-pilloli Rivoraxaban ilhom out of stock għal aktar minn erba' ġimgħat, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta dawn il-pilloli se jkunu disponibbli fil-POYC?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pilloli Rivoraxaban mhux out of stock.

Stazzjon nazzjonali – programm

Question

B’referenza għall-programm imxandar fuq l-istazzjon nazzjonali li kien fih il-promozzjoni ta’ ktieb mill-awtur tiegħu, liema ktieb qed jiddefendi u jippromwovi l-propaganda falza dwar Adolf Hitler, jista' l-Ministru jgħid: a. min kien l-editur; b. x'kienet il-motivazzjoni tal-editur u l-bord editorjali biex ixandru programm li jippromwovi l-ideat Nazzisti fuq stazzjon li għandu jeduka lin-nies u mhux jiżgwidahom fuq fatti storiċi; ċ. x'passi se jittieħdu kontra dawk il-persuni responsabbli għat-tixrid ta' programm bħal dan; d. min huma l-persuni li jagħmlu l-iskrinjar u jekk hemmx xi bord speċifiku; e. x'inhuma l-proċeduri attwali li huma maħsuba biex jiskrinjaw dak li jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali tax-xandir; u f. x'se jsir biex jiġi żgurat li dan ma jirrepetix ruħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nikkundanna, kif jikkundanna wkoll il-PBS, bla ebda riżervi l-kummenti mtennija mill-awtur waqt il-programm de quo, liema kummenti ċertament ma kellhomx jixxandru. Kemm-il kummenti kif ukoll t-tema kif trattata m’humiex aċċettabbli li jixxandru fuq il-mezzi tal-PBS. Infurmat ukoll li bdiet investigazzjoni mill-Editur Reġistrat biex jiġi stabbilit għalfejn kien hemm dan in-nuqqas, kemm min-naħa tal-produzzjoni kif ukoll min-naħa tad-Dipartiment tal-Kontroll tal-Kwalità ta’ PBS. Il-programmi kollha li jixxandru jgħaddu mill-iskrutinju tad-Dipartiment tal-Kontroll tal-Kwalità. Kif tintemm l-investigazzjoni ser ikunu qed jittieħdu l-passi u l-azzjonijiet kollha mehtiega. Intant infurmat li PBS għamlet stqarrija pubblika dwar dan il-fatt li ġiet ippubblikata fuq is-sit tvmnews.mt u wkoll fl-Aħbarijiet ta’ TVM nhar il-Ġimgħa 14 ta’ April 2023. Intant PBS xandret ukoll apoloġija pubblika tal-preżentatur tal-programm.

Severance package ta’ individwu

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7503 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7134 u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7352, jista' jgħid x'qed jiswa lill-poplu Malti kull oġġett tas-severance package tal-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kif approvat f’Diċembru 2019, kull sena, u x'inhi l-ispiża totali ta' dan is-severance package fuq bażi annwali?

Response (ABELA, ROBERT)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mogħti lili dwar spejjeż marbuta ma’ eks Prim Ministri.

Severance Packaged ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7352 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7134, jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed jiswa lill-poplu Malti kull oġġett tas-severance package tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kif approvat f’Diċembru 2019, kull sena, u x'inhi l-ispiża totali ta' dan is-severance package fuq bażi annwali?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Rimi ta’ batteriji ta’ vetturi elettriċi difettużi u/jew utilizzati għalkollox

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif batteriji ta' vetturi elettriċi difettużi u/jew utilizzati għalkollox qed jintremew u fejn qed jintremew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-batteriji ta’ vetturi elettriċi li jispiċċaw skart jittieħdu ġo faċilitajiet li huma awtorizzati mill-ERA għall-immaniġġjar ta’ skart li jikkonsisti fost oħrajn, f’batteriji minn vetturi elettriċi. Dawn jieħdu ħsieb sabiex il-batteriji jiġu esportati lejn Stati Membri oħra għar-riċiklaġġ. Barra minn hekk, il-produtturi ta’ dawn il-batteriji (li jinkludu importaturi) jew partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom, huma obbligati li jikkonformaw mal-obbligi estiżi tal-produttur (Extended Producer Responsibility), inkluż l-obbligu li jieħdu lura skart ta’ batteriji minn vetturi elettrici mingħand utenti aħħarin.

Awtorità tal-Artijiet — Tas-Sliema – Fond – encroachment, clearance, title jew ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x'forma ta’ encroachment, clearance, title jew ftehim ingħata/ingħataw mill-Awtorità tal-Artijiet jew mill-Gvern fuq is-sit li huwa okkupat mill-fond f’Tas-Sliema li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jippreżenta kopja ta’ dawn l-encroachments, ftehimiet jew clearances?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta' l-Artijiet tikkonferma li s-sid ingħata l-kunsens sabiex japplika għal permess ta’ żvilupp ma l-Awtorità tal-Ippjanar, kif inhi l-prassi normali. L-Awtorità tal-Artijiet tkun tista' tagħti Encroachment Concession biss jekk l-Awtorità tal-Ippjanar tapprova l-permessi tagħha.

FATF – trasparenza u żieda benefiċjarja tal-kumpaniji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7313, peress li l-mistoqsija parlamentari ma kenitx tirrigwardja liema poteri legali kellha jew ma kellhiex il-Malta Business Registry (MBR), jew liema kumpanija kienet qed isservi bħala azzjonista, u peress li l-Gvern huwa ‘on record’ numru ta’ drabi jgħid li għamel due diligence dettaljat qabel ma ngħatat il-konċessjoni, u għalhekk il-Gvern jaf min kienu l-persuni, l-individwu, ossija l-Ultimate Beneficial Owners wara l-kumpaniji li ngħataw il-konċessjoni tal-Isptarijiet u jekk inbidlux jew le matul il-konċessjoni, u peress li l-Gvern għandu d-dover lejn il-poplu Malti u Għawdxi, jista’ l-Ministru jgħid min kienu s-sjieda benefiċjarja tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament meta ngħataw il-konċessjoni tal-Isptarijiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-MBR ma kenitx involuta fid-due diligence fuq l-imsemmija kumpanija.

FATF – trasparenza u żieda benefiċjarja tal-kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6805, 6806 u 6988, li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u lill-Prim Ministru rispettivament, u ċjoè: F'konformità mal-gwida tal-FATF dwar it-trasparenza u s-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji, jista' l-Ministru jgħid min kienu s-sidien benefiċjarji tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta ngħataw il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet statali tagħna fl-2016 u jekk kienx hemm xi bidla fis-sjieda benefiċjarja ta’ din il-kumpanija fl-2017?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Vitals Global Healthcare (C 70546) illum jisimha Steward Malta Ltd. Fl-2017 il-Malta Business Registry ma kellhiex il-poter legali illi tiġbor l-informazzjoni fuq is-sidien benefiċċjari. L-azzjonista fl-2017 kienet il-kumpanija Bluestone Investments Malta Ltd (C 67975).

Severance package ta’ individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7134, jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed jiswa lill-poplu Malti kull oġġett tas-severance package tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kif approvat f’Diċembru 2019, kull sena, u x'inhi l-ispiża totali ta' dan is-severance package fuq bażi annwali?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata fseduta oħra.

Severance package ta’ individwu

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega lill-Kamra d-dettalji tas-severance package tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, x'sewa lill-poplu Malti s'issa u x'qed jiswa lill-poplu Malti kull sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-benefiċċji ta’ tmiem il-kariga ta’ eks Prim Ministru kienu introdotti bi skemi li jmorru lura bosta snin u li matul iż-żmien kienu wkoll emendati, kif spjegat fi tweġiba parlamentari 14827 tal-leġiżlatura XIII. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm ukoll ċirkostanza fejn it-terminal benefits, flimkien ma’ benefiċċji oħrajn, tħallsu fuq bażi personali. Pereżempju, l-Eks Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, is-Sur Richard Cachia Caruana, tħallas €179,931.34 bħala benefiċċju terminali, li ma kinux taxxabbli, flimkien ma’ €36,453.25 (li jkopru l-perjodu tan-notice bbażat fuq salarju ta’ tliet xhur) u €39,549.28 għal vacation leave mhux utilizzat, li jlaħħqu għal total ta’ €255,933.87. Dan wara li kien sfiduċjat mill-parlament. Intant, is-severance package, approvat f’Diċembru tal-2019, huwa kif jidher hawn taħt. - Karozza mħallsa u użu ta’ xufier; - Passaport diplomatiku u faċilitajiet tal-protokol oħra; - Faċilita tat-telefon fuq żewġ land lines u sistema tal-internet; - Kompjuter jew laptop bi printer u scanner; - Mobile phone, b’telefonati sa massimu ta’ €2,330 fis-sena; - Kopja tal-Gazzetta tal-Gvern; - Terminal benefit JEW Transitional allowance (Skont parametri prevalenti, f’dan il-każ it-terminal benefit kopra l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2008, meta ġie appuntat Kap tal-Oppożizzjoni, sal-aħħar ġurnata tiegħu bħala Prim Ministru fit-12 ta’ Jannar 2020); - Is-servizz ta’ uffiċċjal pubbliku biex iservi ta’ assistent personali; - L-użu ta’ uffiċċju (kif spjegat fi tweġiba parlamentari 2150 tal-Leġiżlatura XIV) - L-użu tat-tieni karozza.

FATF – trasparenza u żieda benefiċjarja tal-kumpaniji

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6805 u 6806, li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa rispettivament, u ċjoè: F'konformità mal-gwida tal-FATF dwar it-trasparenza u s-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji, jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu s-sidien benefiċjarji tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta ngħataw il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet statali tagħna fl-2016 u jekk kienx hemm xi bidla fis-sjieda benefiċjarja ta’ din il-kumpanija fl-2017?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Servizz free-to-air

Question

Fid-dawl li reċentement il-Gvern stqarr li se jżomm is-servizz free-to-air għal trażmissjoni DTV imma fl-aħħar ġranet kien hemm diversi lmenti minn diversi bnadi ta’ Malta li s-sinjali taċ-channels tat-TV Maltin qed jinqatgħu, u minn risposti li ngħataw lil dawk li ċemplu semmew li kienu ntfew repeaters/transmitters, inkluż f’Għawdex u fin-Naxxar, jista’ l-Ministru jispjega s-sitwazzjoni fuq is-servizz free-to-air li għadhom jużawh madwar 18,000 familja f’pajjiżna u li huwa garantit b’obbligu legali fuq il-Gvern skont il-Liġi Nazzjonali u l-Liġi Ewropea?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Servizz free-to-air

Question

Fid-dawl li reċentement il-Gvern stqarr li se jżomm is-servizz free-to-air għal trażmissjoni DTV imma fl-aħħar ġranet kien hemm diversi lmenti minn diversi bnadi ta’ Malta li s-sinjali taċ-channels tat-TV Maltin qed jinqatgħu, u minn risposti li ngħataw lil dawk li ċemplu semmew li kienu ntfew repeaters/transmitters, inkluż f’Għawdex u fin-Naxxar, jista’ l-Ministru jispjega s-sitwazzjoni fuq is-servizz free-to-air li għadhom jużawh madwar 18,000 familja f’pajjiżna u li huwa garantit b’obbligu legali fuq il-Gvern skont il-Liġi Nazzjonali u l-Liġi Ewropea?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi b’effett minn l-ewwel ġimgħa ta’ Marzu, ix-xandiriet tal-GIO fl-area ċentrali ta’ Malta jistgħu jinqabdu permess tat-trasmissjonijiet li qed isiru mill-Imtarfa. Intant tajjeb jiġi rrimarkat illi filwaqt li ma kien hemm l-ebda qtugħ fis-servizz tal-GIO u m’hemm l-ebda terminazzjoni ppjanata, kien hemm tibdil fl-infrastruttura minħabba li s-servizz ta’ trasmissjonijiet min-Naxxar kellu jitwaqqaf bħala parti mid-dikummisjoni tas-sit u t-torri li għal snin twal servew għal dan l-iskop. F’dan ir-rigward, infurmat ukoll li t-trasmissjonijiet mill-Imtarfa ssaħħu fil-qawwa tagħhom sabiex ikunu jistgħu jservu ċ-ċentru ta’ Malta. Fil-fatt, dan ix-xogħol huwa parti minn manutenzjoni kontinwa u pjan fit-tul għat-trasmissjonijiet. Fl-istess waqt it-transmitters l-oħra kollha mifruxa ma' Malta kollha baqgħu mhux mittiefsa. Fuq nota finali, nerġa’ ntenni u nikkonferma li s-servizz free-to-air ser jibqa’ garantit lill-familji Maltin u Għawdxin li jużaw l-aerial u dan propju ghaliex dan il-Gvern iħoss il-polz taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

San Ġwann – Ġnien George Zarb bejn Triq il-Ġiżi u Triq is-Sardinell – xogħlijiet infrastrutturali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6804, fejn il-Ministru stqarr li żewġ siġriet fi Ġnien George Zarb, li jinsab bejn Triq il-Ġiżi u Triq is-Sardinell f’San Ġwann, qed jagħmlu ħsara infrastrutturali u għalhekk se jitneħħew, u peress li dawk iż-żewġ siġriet li qed jirreferi għalihom il-Ministru ilhom hemm snin twal u qatt ma kkaġunaw l-ebda ħsara infrastrutturali, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħsarat infrastrutturali li qed isiru minn dawn is-siġar, fuq liema proprjetà qed tiġi kkaġunata u ġentilment jippreżenta rapport tal-periti li jikkonferma dan, u dan biex isir minn kollox biex jinżammu s-siġar limitati li għandna, speċjalment dawk li jieħdu ħafna snin biex jimmaturaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi rigward il-ħsarat infrastrutturali mill-imsemmija siġar tal-ficus fi Triq George Zarb, tali ħsarat infrastrutturali ma kinux fuq proprjetà privata, iżda fuq l-infrastruttura tal-imsemmi ġnien stess. Infurmat ukoll mill-istess Kunsill Lokali illi dawn il-ħsarat kienu evidenti u għalhekk l-istess Kunsill ma ħassx il-ħtieġa tar-rapport tal-Perit. Madankollu, infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, illi ser isiru l-arranġamenti kollha neċessarji biex dawn iż-żewġ siġar jiġu wkoll inkorporati f'dan il-ġnien il-ġdid flimkien mas-siġar l-oħrajn kollha u dan filwaqt li l-ġnien msemmi ser jiġi aċċessibbli għal kullħadd b'faċilitajiet li qabel ma kinux eżistenti.