Legislature:
Category:
Reset
Active:

PBS — Salarji u allowance/benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8624 u 10900 u jagħti s-salarji gross u kwalunkwe allowance u/jew benefiċċji oħra tal-pożizzjonijiet li ġejjin fi ħdan il-PBS mill-2012 sal-lum: Uffiċċjal Kap Eżekuttiv (CEO); Chairman; Editur; Kap tal-Aħbarijiet; u Managers?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-PBS li l-informazzjoni rikjesta tirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ xogħol, ħin u riżorsi li ma jiġġustifikax l-ispiża rikjesta sabiex tingħata l-istess informazzjoni.

Bini ta’ bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10901 u jgħid kemm inbnew bus shelters ġodda mill-2013 sal-2022? Jista’ jgħid ukoll kemm inbnew bus shelters ġodda fl-2023? Jista’ jgħid fejn inbnew u kemm sewa kull bus shelter?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-aħħar 2022 twaħħlu ħames canopies kbar fejn wieħed ikun jista’ jistkenn mill-elementi waqt li jkun qiegħed jistenna l-karrozzi tal-linja. Dawn il-canopies twaħħlu 2 ġewwa l-Isptar Mater Dei, fil-Ferry Terminal taċ-Ċirkewwa, il-Bombi u Marsascala. Infurmat ukoll li twaħħlu 49-il bus shelter ġdid fil-lokalitajiet sussegwenti: Fgura 6 Marsaskala 2 Marsa 1 Qawra/ Buġibba 1 Birkirkara/ Fleur De Lys 3 Sliema 4 Ta’Xbiex 1 Mtarfa 5 Qrendi 1 Rahal Ġdid 1 San Pawl il-Baħar 7 Naxxar 7 Mosta 2 San Ġwann 1 Qormi 1 Luqa 1 Santa Luċija/Tarxien 2 Mġarr 1 Balzan 1 Dingli 1 Ninsab infurmat li mis-sena 2023, il-bus shelters ġodda reġgħu waqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 363.79 ‘Ordni dwar delegazzjoni ta’ funzjoni lil Kunsilli Lokali (Bus Shelters)’. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat mill-Gvern Lokali għal aktar informazzjoni minn dik id data 'l quddiem.

PBS Ltd — Kontijiet awditjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar sena li l-PBS Ltd ressqet il-kontijiet awditjati tagħha lill-Malta Business Registry? Jista’ jgħid għaliex il-PBS Ltd neħħiet l-awdituri tagħha? Jista’ jgħid min huma l-awdituri ġodda li ħatret il-PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-PBS li l-aħħar sena li l-PBS Ltd ressqet il-kontijiet awditjati tagħha lill-Malta Business Registry kienet fis-sena 2022. Infurmat ukoll li l-PBS Ltd neħħiet l-awdituri tagħha għaliex dan huwa proċess normali għat-tħaddin ta' 'good governance'. Finalment, infurmat mill-PBS li l-awdituri ġodda huma CSA Group.

MTA — Infiq fuq is-Sela Cup

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefqet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) biex tisponsorja s-Sela Cup li saret fi Newcastle s-Sibt 5 u l-Ħadd 6 ta' Awwissu, 2023?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa kienet ta’ €1.7m li tinkludi kull attività u reklamar li sar f’St. James Park. It-tim Ingliż ta’ Newcastle United, it-tim Taljan tal-Fiorentina u Villareal ta’ Spanja, ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni. Din in-nefqa ssarrfet f’valur ta’ reklamar għal pajjiżna li jlaħħaq is-€7m. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra preżentazzjoni b’aktar informazzjoni.

Transport Malta – rapporti dwar vetturi li jarmu duħħan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati rapporti bejn is-sena 2021 u s-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ma’ Transport Malta dwar vetturi li jarmu dħaħen eċċessiv tal-exhaust? Jista’ jgħid kemm vetturi individwali ġew irrappurtati matul l-istess perjodu u x’azzjoni ttieħdet kontra tali vetturi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2021 u s-sena 2023 ġew ippreżentati 802 rapport li minnhom 394 għaddew mill-emissions test, 171 fallew it-test u ġew mħarrka, filwaqt li 237 ma attendewx għat-test u nħarġitilhom restrizzjoni fuq il-liċenzja tal-vettura.

Gżira – Triq Manoel de Vilhena — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu lesti x-xogħlijiet fi Triq Manoel de Vilhena, fil-Gżira (it-triq tal-Knisja), li ilha magħluqa 'l fuq minn sena, u meta se tkun miftuħa għall-karozzi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

MCCAA – lista ta’ mediċini

Question

Fid-dawl li sa ftit taż-żmien ilu l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) kienet toħroġ lista ta’ mediċini li l-prezzijiet tagħhom kienu raħsu, u peress li din il-lista issa ilha ma toħroġ, tista' l-Ministru tgħid jekk dan huwiex minnu u jekk iva, tista' tgħid għaliex lista bħal din m'għadhiex tiġi ppubblikata?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-dawl tal-qagħda ekonomika dinjija, l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur qed taħdem b’sinerġija mal-Awtorità dwar il-Mediċini b’għan ħolistiku biex jinżamm bilanċ bejn l-istabilità fil-prezzijiet u l-aċċessibilità tal-mediċini.

FATF – trasparenza u żieda benefiċjarja tal-kumpaniji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7615, peress li l-mistoqsija ma kenitx dwar min għamel id-due diligence iżda dwar min kienu s-sjieda benefiċjarja wara l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, liema kumpanija ngħatat il-konċessjoni tal-isptarijiet, jista’ l-Ministru jgħid jekk inbidlux jew le matul il-konċessjoni? Jekk inbidlu, min kienu s-sjieda benefiċjarja l-ġodda?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Vitals Global Healthcare llum jisimha Steward Malta Ltd. Fl-2017 l-Malta Business Registry ma kellhiex il-poter legali illi tiġbor l-informazzjoni fuq is-sidien benefiċjari. Madankollu skont il-liġi, din l-informazzjoni hija aċċessibbli għal persuni ġuridiċi kif jiddefinixxi fl-artikolu 10 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 16.18.

Programmi fuq TVM u TVM News — produtturi ta' programmi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3008 issa li għaddew disa' xhur u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' produtturi indipendenti li pproduċew programmi fuq TVM u TVM News għall-iskedi Ottubru 2020-Settembru 2021 u Ottubru 2021-Settembru 2022?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.

Programmi fuq TVM u TVM News — produtturi ta' programmi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3009 issa li għaddew disa' xhur u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' produtturi indipendenti li se jkunu qed jipproduċu programmi fuq TVM u TVM News għall-iskeda Ottubru 2022-Settembru 2023?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.

Assoċjazzjonijiet sportivi – għoti ta’ fondi

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista sħiħa tal-fondi mogħtija lil kull assoċjazzjoni sportiva, maqsuma assoċjazzjoni b'assoċjazzjoni, għas-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba numru 3563, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi ġodda mogħtija s’issa matul din is-sena qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar – għoti ta’ fondi

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista sħiħa tal-fondi mogħtija lil kull assoċjazzjoni sportiva, maqsuma skont l-assoċjazzjoni, b'rabta mal-preparamenti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f'pajjiżna fl-2023?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba numru 8171.

Tas-Sliema – arbli tad-dawl mal-promenade

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti arbli tad-dawl li ilhom bil-ħsara għal ħafna xhur (ritratti tagħhom qed jintbagħtu separatament) b’oħrajn ġodda u installati arbli tad-dawl li huma neqsin matul il-promenade ta’ Tas-Sliema?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ġejt infurmat li saret diskussjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, it-TZRA u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi dwar is-sitwazzjoni tad-dawl fix-xatt ta’ Tas-Sliema, fejn ġie miftiehem li jinbeda proġett pilota għaż-żona ta’ Għar id-Dud/Chalet. Fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu installati 22 fanal ġdid.

PBS — Salarji u allowance/benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8624 u jagħti s-salarji gross u kwalunkwe allowance u/jew benefiċċji oħra tal-pożizzjonijiet li ġejjin fi ħdan il-PBS mill-2012 sal-lum: Uffiċċjal Kap Eżekuttiv (CEO); Chairman; Editur; Kap tal-Aħbarijiet; u Managers?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.

Bini ta’ bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inbnew bus shelters ġodda mill-2013 sal-2022? Jista’ jgħid ukoll kemm inbnew bus shelters ġodda fl-2023? Jista’ jgħid fejn inbnew u kemm sewa kull bus shelter?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Vetturi bil-“Y” plates

Question

B’referenza għar-regolamenti li jgħidu li vetturi bil-“Y” Plates m'għandhomx jiġu pparkjati barra u għandhom jinżammu ġewwa garaxx, jista' l-Ministru jgħid min għandu l-awtorità li jimmulta dawn il-vetturi LPTV u lil min għandhom isiru rapporti meta dawn il-vetturi ma jinżammux ġewwa garaxxijiet skont l-imsemmija regolamenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-infurzar tar-Regolamenti li qed issir referenza għalihom preżentement għandu jsir mill-uffiċjali tal-Infurzar ta’ Transport Malta.

CPD, LESA u Transport Malta — radjijiet diġitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-offerti għax-xiri ta' radjijiet diġitali għas-CPD, LESA u Transport Malta u jekk iva, min ingħata l-offerta u meta ngħatat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma ħarġitx sejħa għall-offerti għax-xiri ta’ radijiet diġitali.

Tas-Sliema – periklu fil-pedamenti tal-promenade

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija 8745, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, u ċjoe: Fid-dawl li bħalissa fil-pedamenti tal-Promenade ta’ Tas-Sliema bejn ix-Chalet u Qui-Si-Sana hemm periklu li jista’ jwassal għall-kollass tal-imsemmi promenade ta’ Tas-Sliema f’dik iż-żona, jista' l-Ministru: a. jgħid jekk sarux xi studji professjonali li jiddeterminaw l-istat tal-pedamenti msemmija u jekk le, għaliex dan ma sarx immedjatament meta wieħed jara li ġie enfasizzat il-periklu imminenti; b. jikkonferma jekk hemmx xi periklu imminenti li l-imsemmija promenade tiġġarraf; u ċ. jikkonferma l-periklu, u jagħti spjega lill-Kamra ta' x'miżuri se jittieħdu u meta se jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-nies li jimxu/jiġru fuq il-promenade, u jgħid meta se jsiru t-tiswijiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għamel spezzjoni taħt il-promenade fl-inħawi ta’ Għar id-Dud u Għar il-Lembi. Jirriżulta li l-ħsara hija kkawżata minn erożjoni tal-blat u beda jifforma għar żgħir fil-blat mal-livell tal-baħar. Waqt din l-ispezzjoni ma rriżultawx problemi fil-ħajt tal-konkos li fuqu qed isserraħ il-promenade ta’ Għar id-Dud. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ssottometta applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jagħmel xogħlijiet ta’ tiswija taħt din il-promenade. Dan sabiex ma ssirx aktar ħsara lill-pedament waqt diversi maltempati li jaħkmu dawn l-inħawi. Dan ix-xogħlijiet huma ppjanati li jsiru qabel din ix-xitwa.

Tas-Sliema – Triq il-Kbira – xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta eżatt se jkunu lesti x-xogħlijiet fi Triq il-Kbira (High Street), Tas-Sliema, peress li ilhom għaddejjin għal ħafna xhur? Jista' jgħid ukoll min se jerfa' r-responsabbiltà tal-ħsara li kkawżaw dawn ix-xogħlijiet lill-proprjetajiet tar-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li kien għaddej ix-xogħol ta’ skavar tal-ewwel fażi fi Triq il-Kbira f’Ta’ Sliema, instab ġibjun u kellu jsir survey, kif ukoll proposta ta’ struttura fuq is-saqaf tal-ġibjun sabiex jissaħħaħ u jiġi ppreservat u protett. Għaldaqstant, kien hemm dewmien mhux previst fuq ix-xogħlijiet f’din it-triq. Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel fażi ta’ Triq il-Kbira, f’Ta’ Sliema huma mistennija li jitlestew sat-tielet gimgħa ta’ Lulju, bit-tieni fażi tibda fix-xahar ta’ Ottubru 2023. Dan sabiex jittaffa l-inkonvenjent matul ix-xhur tas-sajf kif ukoll kif mitlub minn bosta awtoritajiet u partijiet oħra interessati.

Sliema – promenade – bdil ta’ railings

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3006 dwar il-bdil ta’ railings tul il-Promenade ta’ Tas-Sliema, jista’ l-Ministru jgħid meta l-poġġamani tal-ħadid, li huma mimlijin sadid, tul il-Promenade ta’ Tas-Sliema, li ritratti tagħhom qed jintbagħtu separatament, se jiġu mibdula issa li ninsabu ftit ġimgħat ’il bogħod mix-xhur tas-sajf u din l-istess promenande se tiġbed ħafna nies?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħadid fiż-żona tal-Fortizza, jew kif magħruf ic-Chalet, ġie ordnat u mistenni jinbidel fil-ġimgħat li ġejjin.