Kumpaniji reġistrati f’Malta li m'għandhomx kont bankarju f'Malta
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17364 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm mit-58% tal-kumpaniji reġistrati f'Malta li m'għandhomx IBAN Malti għandhom sidien benefiċjarji aħħarin (Ultimate Beneficial Owners) barranin?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Kumpaniji reġistrati f’Malta li m'għandhomx kont bankarju f'Malta
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17364 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi, jista' l-Ministru jgħid kemm mit-58% tal-kumpaniji reġistrati f'Malta li m'għandhomx IBAN Malti għandhom sidien benefiċjarji aħħarin (Ultimate Beneficial Owners) barranin?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tali informazzjoni ma tinġabarx.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu reġistrati kumpaniji f'Malta sal-aħħar tal-2024 u kemm minn dawn il-kumpaniji ma resqux dikjarazzjoni tat-taxxa għas-sena ta’ stima 2024 (sena bażi 2023)?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena ta’ stima 2024, 54,747 kumpannija ntalbu li jibgħatu l-formola tat-taxxa. Minn dawn 28,458 għadhom ma bagħtux il-formola.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mediċina Jardiance 10mg hijiex disponibbli taħt l-iskema POYC u min hu intitolat li jirċievi din il-mediċina mingħajr ħlas?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-mediċina Empagliflozin 10 mg (l-isem ġeneriku ta’ Jardiance® 10 mg) tinsab disponibbli taħt l-iskema tal-POYC. Intitolat jirċievi din il-mediċina min ikun ibati mid-dijabete tat-tieni tip, u jkollu riżultati tal-HbA1c iktar minn 7% u inqas minn 10% minkejja trattament b’metformin u sulphonylurea u jkollu jew mard tal-qalb, mard kroniku tal-kliewi JEW inkella jkollu problemi ta’ piż (BMI izjed minn 30kg/m2).
Fid-dawl li l-mediċina Zyloric 300mg mhux qed tingħata lil kulħadd mingħajr ħlas taħt l-iskema POYC, jista’ l-Ministru jgħid taħt liema kundizzjonijiet din il-mediċina ma tingħatax b'xejn taħt l-iskema POYC?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-mediċina Allopurinol 300mg (Zyloric®) tingħata b’xejn mill-POYC lil min għandu waħda minn dawn il-kundizzjonijiet: Enzyme Disorders, Malignant Diseases, Inborn Errors of Metabolism jew Crystal Deposition Disease, jew inkella għandu l-kartuna r-roża u juża l-mediċina b’mod kroniku.
Ċelebrazzjonijiet tal-50 Anniversarju ta’ Malta Repubblika – spiża totali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża totali taċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 Anniversarju ta' Malta Repubblika? Jista’ jagħti lista sħiħa dettaljata ta’ kull spiża u lil min tħallset?
Ingaġġ ta’ persuna — Avviż ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern
Question
B’referenza għall-avviż ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern f'Diċembru 2024 dwar ix-xogħol mogħti lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament b’paga ta’ €78,000 fis-sena, jista’ l-Ministru jispjega:
a. għaliex dan l-avviż ġie ppubblikat diversi xhur wara li ngħata (skont l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, ix-xogħol ta’ konsulenza beda f’Lulju 2024);
b. x'inhuma t-termini eżatti ta' dan il-kuntratt;
ċ. x'kompetenza u kwalifiki għandha l-perunsa msemmija fil-qasam tat-taxxa u d-dwana;
d. x'konsulenza tat sal-lum, biex tiġġustifika s-salarju li qed tingħata minn fondi pubbliċi; u
e. għaliex dan ix-xogħol ta' konsulenza ngħata b'direct order u ma ġiex offrut lill-pubbliku?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna msemmija għandha esperjenza vasta fil-liġijiet fil-qasam kummerċjali, dak kriminali u ċivili, kif ukoll għarfien wiesa’ tas-servizz pubbliku.
Ninfurmah ukoll illi, hija tipprovdi servizzi ta’ pariri legali fil-qasam tat-taxxa u d-dwana kif ukoll abbozzar ta’ liġijiet, Avvizi Legali u xogħol ieħor ta’ natura legali u dan sabiex timla’ l-vojt fil-qasam legali wara li kien hemm vakanza ta’ zewġ avukati, biex tassigura li jkun hemm kontinwità fil-ħidma legali meħtieġa fl-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta.
Ninfurmah ukoll illi ġew osservati ir-regoli li joħorġu mill-Public Procurement Regulations u li skont ir-Regulazzjoni 111(2)3 ta’ S.L. 601.03 hemm stipulat li “kull sitt xhur il-kap ta' l-awtorità kontraenti għandu jippubblika fil-Gazzetta lista sħiħa tal-kuntratti dipartimentali kollha mogħtija minnu b'valur ta' aktar minn ħamest t’elef ewro (€5,000). Il-kuntratt imsemmi beda fl-10 ta’ Lulju 2024 u jiskadi fid-9 ta’ Lulju 2025 hekk kif jidher fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ir-rata hija ta’ ħamsin ewro (€50.00) fis-siegħa, għal massimu ta’ tletin siegħa xogħol fil-ġimgħa.
Jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa tad-donazzjonijiet li ngħataw minn applikanti tal-Malta Residence & Visa Program (MRVP) flimkien mal-isem tar-riċevitur tal-imsemmija donazzjoni, għall-2023 u l-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li d-donazzjonijiet mogħtija mill-applikanti tal-MRVP (Malta Residence and Visa Programme) mill-ewwel ta’ Jannar 2023 sal-aħħar ta’ Settembru 2024 skont ir-rekords ta’ Residenza Malta qiegħed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. L-għażla tal-għaqda non-governattiva ssir mill-applikant u tkun eliġibbli diment li l-għaqda tkun reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Residenza Malta tiġi involuta biss biex tapprova l-għażla tal-applikant f’każ li l-applikant ikollu x-xewqa li jagħti d-donazzjoni lil organizzazzjoni oħra mhux reġistrata bħala Għaqda Volontarja (NGO) bħal; Malta Community Chest Fund (MCCF) jew RIDT (Research, Innovation and Development Trust).
Ċekkijiet maħruġa lill-persuni li m'għandhomx ċittadinanza Maltija
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19893, jista' l-Ministru jagħti breakdown tan-nazzjonalitajiet tal-84,361 persuna li m'għandhomx ċittadinanza Maltija u rċevew ċekk bejn l-1 ta' Mejju 2024 u s-6 ta' Ġunju 2024? Jista’ jagħti wkoll ir-raġuni għaliex inħarġu dawn iċ-ċekkijiet u l-ammont totali ta’ dawn iċ-ċekkijiet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-breakdown tan-nazzjonalitajiet ma tistax tingħata għax dak il-livell ta’ dettall huwiex disponibbli.
L-ammont totali ta’ ċekkijiet li ħarġu lil persuni li m’għandhomx ċittadinanza Maltija hu €9,117,605.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intbagħtu ċekkijiet madwar Malta kollha bejn l-1 ta’ Mejju 2024 u s-6 ta’ Ġunju 2024? Jista’ jagħti r-raġuni tal-ħruġ ta’ dawn iċ-ċekkijiet? Jista’ jagħti wkoll it-total taċ-ċekkijiet maħruġa lill-persuni li għandhom ċittadinanza Maltija u persuni li m'għandhomx ċittadinanza Maltija f’dan l-istess perjodu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħarġu 269,563 ċekk, taħt l-iskema “Nippremjaw il-Bzulija” fil-perijodu indikat, dan bħala parti mill-proċeduri li ddaħħlet fis-seħħ b’mod annwali mill-2018 biex il-ħaddiema f’pajjizna jiġu kkumpensati, b’dawk li jaqilgħu l-inqas jieħdu l-akbar kumpens.
Minn dan l-ammont, kien hemm 185,202 ċekk li kienu indirizzati lil persuni li għandhom ċittadinanza Maltija. Kien hemm ukoll 84,361 ċekk kienu inidirizzati lil persuni li m’għandhomx ċittadinanza Maltija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew iġġenerati flus mill-kannabis għall-użu mediċinali f’Malta għall-importaturi fl-2023 u l-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm flus mill-kannabis medika ġew iċċarġjati lill-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini fl-2023 u fl-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-dħul tal-Awtorità dwar il-Mediċini relatat mar-regolamentazzjoni tal-prodotti tal-kannabis għall-użu mediċinali mill-2023 jammonta għal €400,050.
Fid-dawl tal-Akkużi Kriminali serji li qed jiffaċċja l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jkun qed jirtira l-Passaport Diplomatiku li ngħata lil dan l-individwu u jekk iva, meta se jiġri dan?
Fid-dawl tal-akkużi kriminali li qed jiffaċċja l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk (minbarra l-użu ta' Passaport Diplomatiku) l-allowances mogħtija lill-istess individwu kif deskritti fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7134 għadhomx se jingħatawlu?
Tista' l-Ministru tippreżenta d-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati ta' Automated Revenue Management Systems Ltd. (ARMS) għas-snin 2020, 2021, 2022?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati ta' Automated Revenue Management Systems Ltd għas-snin 2020 u 2021. Infurmata li tas-sena 2022 għandhom qegħdin jiġu finalizzati.
Kumpaniji reġistrati f’Malta li m'għandhomx kont bankarju f'Malta
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17364, jista' l-Ministru jgħid kemm mit-58% tal-kumpaniji reġistrati f'Malta li m'għandhomx IBAN Malti għandhom sidien benefiċjarji aħħarin (Ultimate Beneficial Owners) barranin?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17366, jista’ l-Ministru jgħid kemm mis-17,481 kumpanija fis-sena bażi 2021 u l-24,511 fis-sena bażi 2022 tal-kumpaniji reġistrati f’Malta li ma resqux dikjarazzjoni tat-taxxa għas-snin relatati għandhom sidien benefiċjarji aħħarin (Ultimate Beneficial Owners) barranin?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-aħħar informazzjoni disponibbli għall-Amministrazzjoni tat-Taxxa u Dwana, liema informazzjoni hi bbażata fuq sottomissjonijiet tal-kumpaniji rispettivi lill-istess Amministrazzjoni, in-numru ta' kumpaniji li ma ressqux dikjarazzjoni tat-taxxa, u li jidhru li għandhom sidien benefiċjarji aħħarin barranin huwa indikat hawn taħt:
Sena bażi
Numru ta’ kumpaniji li ma bagħtux il-formola tat-taxxa
Numru ta’ kumpaniji li għandhom sidien benefiċjarji aħħarin barranin
2021
17,481
5,160
2022
24,511
8,241