Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vetturi pparkjati ħażin — Kontravenzjonijiet - Multi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw multi ta’ kontravenzjoni għal vetturi pparkjati ħażin fi Triq ix-Xatt, f’Tas-Sliema fl-2024 u fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u it-18 ta’ Ġunju, 2025, inħarġu 682 kontravenzjoni lis-sidien u sewwieqa ta’ vetturi li pparkjaw ħażin fi Triq ix-Xatt, Tas-Sliema, mill-Pulizija u l-Uffiċjali tal-LESA.

Stat Libjan — Pagamenti dovuti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk il-Gvern għandux pjanijiet biex jirkupra mill-Istat Libjan u/jew l-entitajiet tiegħu pagamenti dovuti lil entitajiet u negozjanti Maltin għal xogħol li sar minnhom fil-Libja ħafna snin ilu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhuma dawn il-pjanijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti għaddej bil-ħidma tiegħu sabiex jikseb il-pagamenti dovuti lill-entitajiet Maltin. L-Ambaxxata ta’ Malta għal-Libja fi Tripli, qiegħda tqajjem dan il-każ regolarment mal-awtoritajiet rispettivi Libjani sabiex jiġu ritornati l-ħlasijiet dovuti. Madankollu il-Gvern qed iħeġġeġ ukoll lil dawn l-entitajiet ikkonċernati sabiex jiksbu parir legali li jista jkun ta’ assistenza meta jiġu mqajma mal-awtoritajiet Libjani.

Stat Libjan — Pagamenti dovuti

Question

Peress li l-kumpanija multinazzjonali li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, se tibda proċedimenti fil-qorti biex tirkupra d-djun Libjani tagħha mill-assi Libjani f’Malta, liema djun jaqbżu l-valur ta’ dawn l-assi, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk il-Gvern Malti għandux pjanijiet biex jissalvagwardja l-interessi ta’ entitajiet u negozjanti Maltin li għal ħafna snin ilhom dovuti pagamenti mill-Istat Libjan u/jew l-entitajiet tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Paragrafu 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011) tan-Nazzjonijiet Magħquda jipprovdi hekk: “Decides that all Member States shall freeze without delay all funds, other financial assets and economic resources which are on their territories, which are owned or controlled, directly or indirectly, by the individuals or entities listed in annex II of this resolution or designated by the Committee established pursuant to paragraph 24 below, or by individuals or entities acting on their behalf or at their direction, or by entities owned or controlled by them, and decides further that all Member States shall ensure that any funds, financial assets or economic resources are prevented from being made available by their nationals or by any individuals or entities within their territories, to or for the benefit of the individuals or entities listed in Annex II of this resolution or individuals designated by the Committee;” Filwaqt li Paragrafu 18 tal-istess Riżoluzzjoni, jipprovdi hekk: “Expresses its intention to ensure that assets frozen pursuant to paragraph 17 shall at a later stage be made available to and for the benefit of the people of the Libyan Arab Jamahiriya;” F’dan l-isfond, l-assi Libjani ffriżati li jinstabu Malta ma jistgħux jiġu mittifsa.

Monitoraġġ tal-Kwalità tal-arja — Riżultati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28402, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, r-riżultati tal-monitoraġġ tal-arja permezz ta’ netwerk istantanju kif ukoll r-riżultati tal-monitoraġġ permezz ta’ netwerk passiv meħuda bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, għal-lokalitajiet imsemmija fl-istess tweġiba?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Pembroke — Triq Alamein - Kontenituri tar-riċiklaġġ

Question

Fid-dawl tal-ġbir ta’ skart riċiklabbli li qed isir fuq diversi ġranet madwar id-9.15 ta’ filgħodu, meta dawn it-trakkijiet ikunu qed ibattlu dawn il-kontenituri, inklużi kontenituri bil-ħġieġ, jerfgħu l-kontenituri minn posthom, iġorruhom minn fuq il-bankina u jbattluhom fit-trakk tagħhom, filwaqt li l-ġenituri u wliedhom jgħaddu minn taħthom waqt li jimxu fuq il-bankina biex jmorru l-iskola, li dan huwa perikoluż, għaliex jekk għal xi raġuni, il-bażi ta’ dawn il-kontenituri jċedu waqt li jkunu qed jinġarru, jew dawn il-kontenituri jaqgħu, jistgħu potenzjalment jweġġgħu serjament lit-tfal u lill-adulti, jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jgħid jekk il-ġbir tal-iskart riċiklabbli jistax jibda jsir wara l-10.30am u qabel is-1pm biex jiġi evitat kull inċident potenzjali minn trakkijiet li qed ibattlu l-kontenituri tar-riċiklaġġ, li jinsabu biswit l-Iskola St. Michael, fi Triq Alamein, Pembroke (ritratt mehmuż), u b’hekk it-tfal kollha jkunu fl-iskola u jitnaqqas ir-riskju li jseħħ inċident?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke ġabar informazzjoni u jirriżulta li t-tfal tal-iskola primarja jidħlu bejn id-08:45 u d-09:00 ta’ filgħodu u għaldaqstant il-ħin tal-09:15 ma jaħbatx mal-wasla tagħhom. Madanakollu, il-Kunsill ser jikkomunika mal-kuntattur ikkonċernat biex, jekk jistgħu, jittardjaw il-ħin tal-ġbir.

Monitoraġġ tal-Kwalità tal-arja testijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux xi testijiet jew studji ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja matul l-aħħar tliet snin fl-inħawi tan-Naxxar, il-Magħtab u/jew Baħar iċ-Ċagħaq, il-Mosta, Ħal Għargħur, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, Birkirkara, San Ġwann, l-Imsida, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, tas-Sliema, il-Gżira, ir-Rabat u l-Imġarr?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmel monitoraġġ tal-arja permezz ta’ netwerk instantanju li għandu ħames stazzjonijiet bi tnejn minnhom qegħdin f’San Pawl il-Baħar u ieħor fl-Imsida. Isir ukoll monitoraġġ permezz ta’ netwerk passiv li jkopri l-pajjiż kollu u nikkonferma li hemm tubi fin-Naxxar, fil-Mosta, Ħal-Għargħur, Ħal-Lija, Ħ’Attard, Ħal-Balzan, l-Iklin, Birkirkara, San Ġwann, l-Imsida, fis-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, tas-Sliema, il-Gżira, ir-Rabat u l-Imġarr.

Ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea — Nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu jammontaw l-ispejjeż totali marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li saru fit-30 ta’ April 2025 fil-Barrakka ta’ Fuq u fil-Port il-Kbir?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

San Ġiljan — Ġnien li jmiss ma’ Triq San Ġorġ, Triq Ross u Triq il-Knisja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fiż-żona tal-ġnien li tmiss ma’ Triq San Ġorġ, Triq Ross u Triq il-Knisja, f’San Ġiljan: i. x'sorveljanza tal-pulizija qed issir fl-inħawi; ii. jekk il-pulizija rċevietx rapporti li għandhom x'jaqsmu mat-traffikar tad-droga fl-inħawi tal-ġnien, u jekk iva, x’passi ttieħdu; u iii. x'passi qed jittieħdu u ser jittieħdu biex dan il-ġnien, li l-iskop tiegħu kien biex ikun iffrekwentat mill-familji, ikun tassew post sigur?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li minbarra rondi tal-pulizija tad-distrett u l-pulizija tal-komunità, fil-lokal indikat issir ukoll sorveljanza mill-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit u anke t-taqsima kontra d-droga. Fl-istess ħin il-pulizija tibqa’ taħdem ukoll fuq programmi ta’ prevenzjoni u għalhekk il-pulizija tal-komunità qegħda f’kuntatt kontinwu mal-Kunsill Lokali fejn anke tat suġġerimenti dwar mizuri li jistgħu jsiru biex ikompli jitrażżan kull abbu¿ u l-post ikun dejjem iktar sigur għall-użu tal-pubbliku. Il-Pulizija se tkompli ssegwi dan l-istil ta’ koperazzjoni bil-għan li kemm tista’ tipprevjeni l-attività illegali hi ta’ liema tip hi. Dan tagħmlu mhux biss b’rabta mal-lok indikat mill-Onor. Interpellant iżda b’mod wiesgħa, hekk kif min irid jagħmel attività llegali jesplora diversi modi kif jagħmel dan. Fil-fatt ninsab infurmat ukoll li bħala stat ta’ fatt ma sarux rapporti ta’ traffikar ta’ droga preċiżament fil-lok indikat mill-Onor. Interpellant, u persuni tressqu l-Qorti b’rabta ma’ traffikar tad-droga wara li nqabdu f’postijiet tal-istess lokal li huma differenti minn dawk indikati mill-Onorevoli Interpellant. Infakkar ukoll li f’Paceville qed naħdmu fuq sistema ta’ cameras li se tibda topera minn dan is-sajf bil-għan li nsaħħu l-prevenzjoni.

Dħul mill-Income Tax

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi analiżi dettaljata tad-dħul mit-taxxa (income tax) miġbura matul l-aħħar ħames snin, maqsum kif ġej: i. l-ammont totali miġbur kull sena; ii. tqassim ta’ dan l-ammont totali miġbur kull sena, maqsum biex juri t-total li kien relatat mal-arretrati tat-taxxa u t-total li kien relatat mal-ħlasijiet tat-taxxa kurrenti; u iii. fejn it-taxxa miġbura kienet relatata ma’ arretrati ta’ taxxa, jindika għal liema sena ta’ stima l-ġbir partikolari ta’ arretrati ta’ taxxa msemmija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dħul mill-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi analiżi dettaljata tad-dħul mill-VAT miġbura matul l-aħħar ħames snin, maqsum kif ġej: i. l-ammont totali miġbur kull sena; ii. tqassim ta’ dan l-ammont totali miġbur kull sena, maqsum biex juri t-total li kien relatat mal-arretrati tal-VAT u t-total li kien relatat mal-ħlasijiet tal-VAT kurrenti; u iii. fejn il-VAT miġbura kienet relatata ma’ arretrati tal-VAT, jindika għal liema sena l-ġbir partikolari ta’ arretrati tal-VAT imsemmija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea — Ċelebrazzjonijiet - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż totali marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li saru fit-30 ta’ April 2025 fil-Barrakka ta’ Fuq u fil-Port il-Kbir?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.

Każ ta’ individwu — Pakkett ta’ remunerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pakkett ta’ remunerazzjoni attwali li qed jirċievi l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, wara li ssospenda temporanjament lilu nnifsu mid-dmirijiet tiegħu biex jiddefendi lilu nnifsu fil-Qorti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-remunerazzjoni attwali tal-individwu kkonċernat mill-1 ta’ Awissu 2024 sal-lum, hija ekwivalenti għal nofs il-pakkett finanzjarju stabbilit fil-ħatra tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali fl-1 ta’ Jannar 2021, aġġustat bil-kumpens tal-għoli tal-ħajja (COLA) li jiġi mħabbar mill-gvern kull sena fil-Budget.

Il-Kappara, San Ġwann, San Pawl tat-Tarġa u l-Madliena — Żieda ta’ serq mid-djar

Question

Fid-dawl taż-żieda fis-serq b'mod partikolari fl-inħawi tal-Kappara, San Ġwann, San Pawl tat-Tarġa u l-Madliena, li wasslet biex residenti jibżgħu li jinsterqu waqt li jkunu fi djarhom, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom u x'miżuri addizzjonali qed jittieħdu minħabba ż-żieda fis-serq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-istatistika miżmuma, hekk kif wieħed iqabbel sena ma’ oħra, ma jirriżultax li kien hemm xi żieda sostanzjali f’każi ta’ serq fl-inħawi li qed isemmi l-Onor. Interpellant. Infurmat li meta riċentement kien hemm xi każijiet ittieħdet azzjoni. Però l-Pulizija tibqa’ ffokata fuq ħidmitha biex tnaqqas ir-rata ta’ kriminalità u ħadet nota ta’ dak indikat f’din il-mistoqsija bl-ikbar serjetà. Il-ħidma fiż-żona hija koperta minn diversi aspetti, fosthom b’rondi regolari u anke bix-xogħol tal-Pulizija tal-Komunità li jiffoka fuq il-prevenzjoni. Kif nassumi li jaf l-Onor. Membru fil-lokalità tal-Kappara hemm ukoll neighbourhood watch group attiv, li jiltaqa’ regolarment. Il-Pulizija tibqa’ miftuħa għal iktar djalogu u suġġerimenti, biex tieħu kull azzjoni li hemm bżonn.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Ħaddiema part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru tiegħu u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati għandhom impjieg full-time x'imkien ieħor?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru u is-segretarjat tiegħi hemm 68 ħaddiem li jaħdmu part-time.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Ħaddiema part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru tiegħu u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati għandhom impjieg full-time x'imkien ieħor?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li b’kollox hemm 171 ħaddiem fuq bażi part-time fil-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Ħaddiema part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru tiegħu u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati għandhom impjieg full-time x'imkien ieħor?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 6 impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari.

Każ ta’ individwu — Remunerazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-pakkett ta' remunerazzjoni attwali li qed jirċievi l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Rwol ta’ Direttur Ġenerali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament irtira u ma baqax iwettaq ir-rwol ta' Direttur Ġenerali tal-awtorità li d-dettalji dwarha wkoll qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll min inħatar biex iservi bħala Direttur Ġenerali minflok dan l-istess individwu u meta nħatar? Jekk għadu ma nħatar l-ebda Direttur Ġenerali, jista’ jgħid ir-raġuni għal dan u min kien u għadu jaqdi r-rwol ta’ Direttur Ġenerali?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li kif ġie rilevat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14747, il-kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) li kien jokkupa dan l-individwu ilha vakanti mill-11 ta’ Ottubru 2023. Sal-ġurnata tal-lum, din il-pożizzjoni għadha vakanti stante li l-proċess tal-għażla għadu ma ġiex konkluż. Minkejja dan, kif diġà ġie rilevat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22538, diretturi fi ħdan l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ġew delegati poteri speċifiċi mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità sabiex l-Uffiċċju jkun jista’ jibqa’ jiffunzjona u jieħu dawk id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu entro t-terminu speċifikat fil-liġi.