Ministeru għall-Finanzi – Tisħiħ tal-awditjar u tal-procurement
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa l-Ministeru biex isaħħaħ il-kontrolli tal-awditjar intern u tal-procurement fi ħdan l-entitajiet tal-istat?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Kuntratti, permezz tad-Direttorat għall-Operat u d-Direttorat tal-Akkwist Settorjali fi ħdanu, huwa involut direttament minn perspettiva operattiva fis-sejħiet għall-Akkwist Pubbliku li jkunu għola mil-valuri hekk kif stipulati fil-L.S. 601.03. Filfatt, il-maġġoranza tas-sejħiet għall-Akkwist Pubbliku jinħarġu, jiġu amministrati u determinati mid-Dipartiment tal-Kuntratti f'isem l-Awtoritajiet Kontraenti li huma kklassifikati bħala Skeda 16 u/jew Skeda 2 tal-L.S. 601.03. L-iskop ta’ din il-miżura huwa li ssaħħaħ is-sorveljanza, l-iskrutinju u l-iskrinjar fil-maġġor parti tal-proċeduri kollha tal-Akkwist Pubbliku. Dan il-proċess ta' ‘vetting’ u kif ukoll ta’ iffiltrar jirrifletti l-impenn tad-Dipartiment bħala Awtorità tal-Gvern Ċentrali li żżid governanza fuq il-ġestjoni, il-kontroll u l-moniteraġġ tal-Awtoritajiet Kontraenti.
Ta' min jinnota li l-miżuri msemmija hawn fuq jirriflettu l-mekkaniżmu ta' kontroll msejjaħ ‘four eyes principle’, biex issaħħaħ l-implimentar, interpretazzjoni u applikazzjoni bl-istess mod tal-leġiżlazzjoni dwar l-Akkwist Pubbliku u kif ukoll il-‘policies’.
Barra minn hekk biex tkompli tissaħħaħ il-governanza, id-Dipartiment tal-Kuntratti jiżviluppa firxa ta' dokumentazzjoni bħal:
• Proċeduri Operattivi Standard (SoPs)
• Mudelli, Kampjuni u Formoli tal-Akkwist (Templates, Specimens and Forms)
• Regoli Ġenerali li jirregolaw il-Proċeduri tal-Akkwist Pubbliku (GRGT)
• Kundizzjonijiet Ġenerali għall-Kuntratti Pubbliċi (Xogħlijiet, Servizzi u Provvisti)
• Noti ta' Gwida (Guidance Notes)
• Ċirkolarijiet tal-Kuntratti
• Noti tal-Politika tal-Akkwist (PPNs)
Dan l-eżerċizzju jinkludi ukoll firxa ta’ taħriġ fl-Akkwist Pubbliku li jingħata mid-Dipartiment bil-għajnuna tal-Istitut ghas-Servizzi Pubbliċi bħala mezz biex wieħed isaħħaħ il-ħiliet u l-għarfien.
F’dawn l-aħħar snin ukoll, il-kapaċitajiet tar-Riżorsi Umani fid-Dipartiment tal-Kuntratti ġew intensifikati permezz ta’ reklutaġġ ta’ impjegati ġodda, li huma esperti f’diversi oqsma tal-Akkwist Pubbliku: Pubblikazzjoni u Evalwazzjoni u kif ukoll fl-immaniġġjar tal-Kuntratti.
Jista’ l-Ministru jipprovdi break down tal-infiq żejjed skont il-ministeru għas-sena fiskali preċedenti?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-Rapport Finanzjaru għas-sena 2024 li ġie ippubblikat mit-Teżor, u li kopja tiegħu tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ir-Rapport jinkludi statements iddettaljati tal-infiq attwali li seħħ fl-2024 kif ipparagunat mal-estimi oriġinali għall-istess sena.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-garanziji kollha tal-gvern li huma fis-seħħ bħalissa għall-intrapriżi tal-istat, inkluża l-obbligazzjoni kontinġenti (Contingent Liability) totali tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jippubblika proġezzjonijiet aġġornati dwar is-sostenibbiltà tad-dejn li juru l-proporzjon tad-dejn pubbliku ta’ Malta lil hinn mill-2026?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett ħa tingħata fid-diskors tal-Baġit.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux fit-triq it-tajba biex tintlaħaq il-mira tad-defiċit fiskali għall-2025, u x’miżuri korrettivi qed jiġu kkunsidrati jekk din ma tintlaħaqx?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett ħa tingħata fid-diskors tal-Baġit.
Jista’ l-Ministru jagħti t-total tal-ispejjeż li ntefqu fuq ir-rinnovazzjonijiet tal-uffiċċji tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u tad-Dwana ta’ Malta (MTCA) fil-Furjana matul l-aħħar 4 snin, maqsuma sena b’sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
B’referenza għall-pompa tal-petrol li ilha ma tintuża u li qiegħda fil-Promenade ta’ Tas-Sliema, li ritratt tal-pompa qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jispjega għaliex din il-pompa qed titħalla f’din il-kundizzjoni? Jista’ jgħid ukoll għaliex il-pjattaforma tal-metall ta’ din il-pompa tal-petrol ma tneħħietx, li ritratt tagħha ukoll qed jingħata separatament, peress li tista’ tikkawża korrimenti lil dawk li jkunu mexjin jew jiġru tul il-promenade?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill- Ministeru kkoncernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li għandhom pensjoni bejn €700 u €800 kull erba’ ġimgħat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pensjonanti jistgħu ikunu kemm persuni singoli u kif ukoll miżżewġin.
Persuna singola, minbarra l-pensjoni jista’ jkollha dħul ieħor. Dan jista’ jkun ġej jew minn benefiċċji soċjali oħra, inkella minn sorsi oħra.
Pensjonanti miżżewġin jista’ jkun li jkunu qed jirċievu pensjoni waħda u benefiċċji soċjali oħra jew dħul minn sorsi oħra, jew żewġ pensjonijiet jekk il-konjuġi jkunu jirċievu pensjoni t-tnejn.
Il-persuni singoli jista’ jkun li jkollhom żewġ pensjonijiet, eżempju tas-servizz u tas-sigurtà soċjali waqt li l-pensjonanti miżżewġin jista’ jkollhom saħansitra tlett pensjonijiet, jekk ikun hemm xi ħadd mill-konjuġi jirċievi l-pensjoni tas-servizz, jew saħansitra erba’ pensjonijiet jekk iż-żewġ konjuġi jkollhom dritt għall-pensjoni tas-servizz it-tnejn.
Jista’ jkollok ukoll persuni li jirċievu pensjoni tas-sigurtà soċjali u differenza f’pensjoni tal-età non-kontributorja. F’dawn iċ-ċirkostanzi jitħallsu wkoll benefiċċji addizzjonali.
Jista' jkollok ukoll pensjonanti romol jew tal-invalidita'.
Dan kollu qed jingħad sabiex l-interpellant jifhem aħjar it-tweġiba li qed tingħata.
Fid-dawl ta’ dan kollu jirriżulta li hemm 1,603 pensjonanti li d-dħul kollu tagħhom, inkluż il-pensjoni, jidher li huwa bejn €700 u €800 kull 4 ġimgħat. It-tabella ta’ hawn taħt tirreferi.
Din l-informazzjoni kienet ivverifikata mal-informazzjoni li għandu d-Dipartiment li tinkludi sorsi ta' dħul oħra kif magħrufa mill-Kummissarju tat-Taxxi għas-sena 2023. Kien ikkunsidrat il-fatt wkoll li mill-2023 'l hawn il-pensjonijiet għolew bħala minimu €1,196 fis-sena.
Dħul kull 4 Ġimgħat
Koppji
Persuni Waħidhom
Total
Nisa
Irgiel
Total
Nisa
Irgiel
Total
Nisa
Irgiel
Total
Bejn €700 u €800
56
85
141
996
466
1462
1052
551
1,603
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 20123, 25984, 26417 u 28039 u jgħid kemm hemm pensjonanti li għandhom pensjoni ta’ €600 jew inqas kull erba’ ġimgħat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-pensjonanti jistgħu ikunu kemm persuni singoli u kif ukoll miżżewġin.
Persuna singola, minbarra l-pensjoni jista’ jkollha dħul ieħor. Dan jista’ jkun jew minn benefiċċji soċjali oħra inkella minn sorsi oħra.
Pensjonanti miżżewġin jista’ jkun li jkunu qed jirċievu pensjoni waħda u benefiċċji soċjali oħra jew dħul minn sorsi oħra, jew żewġ pensjonijiet jekk il-konjuġi jkunu jirċievu pensjoni t-tnejn.
Il-persuni singoli jista’ jkun li jkollhom żewġ pensjonijiet wkoll, eżempju tas-servizz u tas-sigurtà soċjali waqt li l-pensjonanti miżżewġin jista’ jkollhom saħansitra tlett pensjonijiet, jekk ikun hemm xi ħadd mill-konjuġi jirċievi l-pensjoni tas-servizz, jew saħansitra erba’ pensjonijiet jekk iż-żewġ konjuġi jkollhom dritt għall-pensjoni tas-servizz it-tnejn li huma.
Jista’ jkollok ukoll persuni li jirċievu pensjoni tas-sigurtà soċjali u differenza f’pensjoni tal-età non-kontributorja. F’dawn iċ-ċirkostanzi jitħallsu wkoll benefiċċji addizzjonali.
Jista' jkollok ukoll pensjonanti romol jew tal-invalidita'.
Dan kollu qed jingħad sabiex l-interpellant jifhem aħjar it-tweġiba li qed tingħata.
Fid-dawl ta’ dan kollu jirriżulta li hemm 735 pensjonanti u lid-dħul kollu tagħhom, inkluż il-pensjoni, jidher li huwa anqas minn €600 kull 4 ġimgħat. It-tabella ta’ hawn taħt tirreferi.
Din l-informazzjoni kienet ivverifikata mal-informazzjoni li għandu d-Dipartiment li tinkludi sorsi ta' dħul oħra kif magħrufa mill-Kummissarju tat-Taxxi għas-sena 2023. Kien ikkunsidrat wkoll il-fatt li mill-2023 'l hawn il-pensjonijiet għolew bħala minimu €1,196 fis-sena.
Dħul kull 4 Ġimgħat
Total
Anqas minn
Nisa
Irġiel
Total
€600
419
316
735
Ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea - Nefqa
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28461 u jgħid kemm kienu jammontaw l-ispejjeż totali marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li saru fit-30 ta’ April 2025 fil-Barrakka ta’ Fuq u fil-Port il-Kbir?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li ser jitneħħew is-siġar li jinsabu fil-grawnd tat-tfal fi Triq il-Ħemel kantuniera ma’ Triq il-Qatta, is-Swieqi? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid jekk hux qed jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex dawn is-siġar, li ilhom hemm għal ħafna snin u huma wieħed mill-ftit pulmuni ħodor f’lokalità b’ħafna bini u nies, jiġu salvati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Lokali tas-Swieqi informa lil Awtorità għall-Ambjent u r-Rożorsi illi l-ħajt tal-ġnien ġarrab ħsarat strutturali kawża tal-għeruq tas-siġar tal-Ewkaliptus li jinsabu maġenbu. Sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-pubbliku, beda x-xogħol ta’ tiswija fuq il-ħajt wara li nkisbu l-permessi neċessarji. Wara spezzjoni, l-espert tas-siġar maħtur biex jevalwa is-sitwazzjoni, għall-ewwel irrakkomanda li l-għeruq tas-siġar jiġu maqtugħa sabiex ma jerġgħux jimbuttaw il-ħajt. Madankollu, waqt żjara sussegwenti fuq il-post li għaliha attendew rappreżentanti tal-ERA, l-espert tas-siġar, il-perit tal-Kunsill u s-Sindku, ġie kkonfermat li l-qtugħ tal-għeruq jikkomprometti l-istabbiltà tas-siġar, u b’ hekk joħloq riskju sinifikanti għas-sigurtà. Konsegwentement, l-espert irrakkomanda li l-qlugħ tas-siġar in kwistjoni huwa l-aħjar pjan ta’ azzjoni.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28037, jista’ l-Ministru jagħti tqassim ta’ kull tip ta’ dħul mill-VAT, kif definit fit-tabella pprovduta fl-istess tweġiba, skont is-settur ekonomiku?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28036, jista’ l-Ministru jagħti tqassim ta’ kull tip ta’ dħul mit-taxxa fuq id-dħul, kif definit fit-tabella provduta fl-istess tweġiba, skont is-settur ekonomiku?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-avvenimenti li saru fiż-żona tal-kunċerti f’Ta’ Qali minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Mejju 2024 sa meta daħlet il-mistoqsija parlamentari saru 9 avvenimenti fosthom żewġ kunċerti, Festa Familja organizzata mill-Ministeru, u attivitajiet organizzati minn skejjel fost l-oħrajn.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28740 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28402, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-arja permezz ta’ netwerk istantanju kif ukoll r-riżultati tal-monitoraġġ permezz ta’ netwerk passiv meħuda bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, għal-lokalitajiet imsemmija fl-istess tweġiba?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati mitluba.
Attachments:PQ30074 - 28 July - Monitoraġġ tal-Kwalità tal-arja – Riżultati.pdf
Ħlas għal terapija — Appoġġ finanzjarju għall-ġenituri
Question
Fid-dawl li ħafna ġenituri qed ikollhom iħallsu għal terapiji għal uliedhom peress li dawn l-istess terapiji mhux qed jiġu provduti fl-iskola, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun hemm xi tip ta’ appoġġ finanzjarju għal dawn il-ġenituri? Jekk iva, jista’ jgħid x’ser ikun dan l-appoġġ finanzjarju?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Ħlas għal terapija — Appoġġ finanzjarju għall-ġenituri
Question
Fid-dawl li ħafna ġenituri qed ikollhom iħallsu għal terapiji għal uliedhom peress li dawn l-istess terapiji mhux qed jiġu provduti fl-iskola, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux ser ikun hemm xi tip ta’ appoġġ finanzjarju għal dawn il-ġenituri? Jekk iva, jista’ tgħid x’ser ikun dan l-appoġġ finanzjarju?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern jagħraf id-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità, inklużi dawk imsemmija mill-Onorevoli stess.
Kien għalhekk li fid-diskors tal-Budget 2023 tħabbret l-Iskema ta’ Kreditu fuq it-Taxxa marbuta ma’ Terapiji. Din l-iskema kienet tipprovdi rifużjoni ta’ €200 fi kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul tal-2023, lill-ġenituri li jħallsu għal terapiji privati għal uliedhom. L-uniċi kundizzjonijiet kienu li t-tfal ikunu rreġistrati bħala persuni b’diżabilità u għaldaqstant ikollhom il-Karta Ewropea tad-Diżabilità, ikunu taħt is-17-il sena, u li t-terapiji jkunu pprovduti minn terapisti li għandhom warrant jew li huma liċenzjati, skont il-linji gwida maħruġa flimkien mal-iskema.
Minn din l-iskema bbenefikaw 203 familja, b’total ta’ €39,530 fi kreditu fuq it-taxxa tad-dħul.
Fl-2024, din l-iskema ġiet imsaħħa permezz ta’ żieda fl-ammont ta’ kreditu għal €500 għal kull wild. Bħala riżultat, ibbenefikaw minnha 372 familja, b’total ta’ €172,083 fi kreditu fuq it-taxxa tad-dħul.
Il-Gvern, b’mod proattiv, kompla jsaħħaħ l-għajnuna fl-2025 billi żied l-appoġġ lill-ġenituri biex itaffi l-piż finanzjarju relatat ma’ dawn l-ispejjeż u biex l-għajnuna tilħaq lill-ġenituri kollha. Għal dan il-għan, il-benefiċċju żdied għal €750 għal kull wild, u l-iskema ġiet mibdula minn kreditu fuq it-taxxa tad-dħul għal pagament dirett. Dan sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minnha wkoll il-ġenituri bi dħul baxx li ma jħallsux ħafna taxxa, kif ukoll biex il-pagament isir f’perjodu ħafna iqsar.
Għaldaqstant, minn din is-sena daħlet fis-seħħ l-Iskema tar-Rifużjoni ta’ Spejjeż għal Terapija. Permezz tagħha, il-ġenituri jirċievu ċekk maħruġ direttament mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Ta’ min jinnota li l-ġenituri għandhom l-għażla li jibgħatu l-irċevuti u d-dokumentazzjoni meħtieġa matul is-sena, u l-Kummissjoni toħroġ ċekk kull kwart. Dan il-mekkaniżmu jgħin biex jittaffa l-piż finanzjarju fuq il-familji, b’aktar flus f’idejn il-ġenituri u mingħajr il-ħtieġa li jżommu l-irċevuti kollha sal-aħħar tas-sena, u mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew sas-sena ta’ wara biex jirċievu r-rifużjoni fuq it-taxxa. Din is-sitwazzjoni, f’ċerti każijiet kienet tfisser li xi familji ma kinux jibbenefikaw minħabba nuqqas ta’ dħul.
Matul din is-sena, sal-aħħar ta’ Marzu, il-Kummissjoni ħarġet €14,846 f’ċekkijiet lil 44 familja, filwaqt għat-tieni kwart tas-sena ser jinħarġu €40,638 f’ċekkijiet lil 94 familja.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-allokazzjonijiet tal-baġit u l-pjanijiet:
i. għar-reklutaġġ ta’ Behavioural Therapists;
ii. għaż-żieda ta’ Speech Therapists u speċjalisti tal-komunikazzjoni; u
iii. għat-titjib tal-infrastruttura fiżika u l-ambjenti terapewtiċi?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ Behavioural Therapists, il-ħidma ssir dejjem f’kollaborazzjoni mill-qrib mat-terapisti individwali tal-istudenti. L-għan ewlieni huwa li l-edukaturi jkunu f’pożizzjoni li jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet professjonali li jiġu pprovduti mir-rapporti u l-osservazzjonijiet tagħhom u li jaħdmu id f’id mat-terapisti rispettivi. Dan il-mod ta’ ħidma jippermetti interventi konsistenti u effettivi kemm fl-iskola kif ukoll barra minnha.
Rigward is-servizzi ta’ Speech Therapists, bħalissa qegħdin naħdmu b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva sabiex niżguraw li fl-iskejjel ikun hemm in-numru meħtieġ ta’ terapisti, u li l-istudenti kollha li għandhom bżonn dan is-servizz qed jirċievuh b’mod sħiħ u kontinwu. Din il-koordinazzjoni hija essenzjali biex jiġi żgurat appoġġ terapewtiku konsistenti u effettiv fi ħdan l-ambjent edukattiv.
Fir-rigward għat-titjib fl-infrastruttura u l-ambjenti terapewtiċi, qegħdin ninvestu fil-ftuħ ta’ kmamar ġodda apposta fl-iskejjel, bil-għan li l-istudenti jibbenefikaw minn spazji li joffru appoġġ effettiv u sensittiv għall-bżonnijiet tagħhom. Fejn meħtieġ, qegħdin nallokaw riżorsi apposta sabiex jinbidlu jew jinxtraw riżorsi edukattivi u infrastruttura ġdida, bil-għan li jiġu modernizzati l-faċilitajiet eżistenti u jinħoloq ambjent adekwat għall-istudenti. Barra minn hekk, ser nkomplu nsaħħu l-kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li joffru servizzi terapewtiċi u programmi edukattivi. Din il-ħidma konġunta tkompli ttejjeb l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi offruti lill-istudenti fil-komunità edukattiva.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-allokazzjonijiet tal-baġit u l-pjanijiet:
i. għar-reklutaġġ ta’ Behavioural Therapists;
ii. għaż-żieda ta’ Speech Therapists u speċjalisti tal-komunikazzjoni; u
iii. għat-titjib tal-infrastruttura fiżika u l-ambjenti terapewtiċi?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.