Legislature:
Category:
Reset
Active:

Port il-Kbir — Trasport bid-dgħajsa Maltija mill-barklori

Question

Peress li d-dgħajsa Maltija li sservi fil-Port il-Kbir mill-barklori hija mhedda kemm minħabba s-suq kompetittiv bil-miżura li toffri traġiet b’xejn bejn il-Belt u l-Kottonera u l-użu tal-lift tal-barrakka lil dawk li jużaw il-ferry, kif ukoll il-possibilità li ser jinbidel il-post tal-imbarkazzjoni, għaldaqstant tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru hux qed jiġi kkonsultat minn Transport Malta? Tista’ tgħid x’miżuri qed jittieħdu biex dan it-trasport folkloristiku jibqa’ attrazzjoni għat-turisti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa numru 1815 tal-2011

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti d-dettalji ta’ kif u sa fejn qed jiġu implementati kull wieħed mit-23 punt imniżżel fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa numru 1815 tal-2011 intitolat “The potential dangers of electromagnetic fields and their effect on the environment”? F’każ li dawn il-punti jew liema minnhom m’humiex qed jiġu implimentati, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra r-raġuni tad-dewmien u jekk hijiex l-intenzjoni li jiġu implimentati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-uffiċċju tas-Sovrattendenza tas-Saħħa Pubblika jimxi fuq id-direzzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Ninfurmah ukoll li l-bord li hu responsabbli mill-materji ta’ radjazzjoni ma jagħmilx parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa għalhekk nitolbu sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Użu ta’ frekwenzi elettro manjetiċi — regolamenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega r-raġuni għaliex l-użu ta’ frekwenzi elettro manjetiċi għadu mhux kopert b’regolamenti definiti u ċari ai fini tas-saħħa pubblika? Jista’ jispjega r-raġuni għaliex fin-nuqqas ta’ dawn ir-regolamenti ta’ saħħa fl-użu tal-frekwenzi imsemmija, il-Gvern minflok jimplimenta bir-reqqa r-Riżoluzzjoni 1815 tal-Kunsill tal-Ewropa, qed jikkwota u jibbaża ruħu fuq sempliċi linji gwida ta’ NGO privata li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li għandha konnessjonijiet qawwija mal-industrija, allura mhix Awtorità Pubblika u indipendenti, u kienet diġà definita b’mod l-iktar ċar fl-2011 mir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa fil-punt 7.2.9 tal-Memorandum Sjegatorju, bħala “NGO whose origin and structure are none too clear and which is furthermore suspected of having rather close links with the industries whose expansion is shaped by recommendattions for maximum threshold values for the different frequencies of electromagnetic fields”?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-NGO privata li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hija formalment rikonoxxuta mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa bħala l-NGO fuq Non-Ionising Radiation.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa numru 1815 tal-2011

Question

B’referenza partikolari għall-punt 8.1.4 tar-Riżoluzzjoni 1815, u ċjoè: “pay particular attention to “electrosensitive” people who suffer from a syndrome of intolerance to electromagnetic fileds and introduce special measures to protect them including the creation of wave free areas not covered by the wireless network”, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra timeline sabiex dan jiġi mwettaq? kif ukoll b’referenza partikolari għall-punt 8.3.2 tar-Riżoluzzjoni 1815 u ċjoè: “For children in general and particularly in schools and classrooms give preference to wired connections”, jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra timeline sabiex dan jiġi mwettaq?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpelllant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Trattati jew ftehim iffirmati mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u/jew il-Ġnus Magħquda

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tat-trattati jew ftehim oħra li ffirmat Malta mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u/jew il-Ġnus Magħquda li għandhom x'jaqsmu ma' policies, linji gwida u struzzjonijiet konessi mas-saħħa? Jista' jikkonferma jekk Malta ffirmatx xi trattat jew trattati, jew ftehim ieħor mal-WHO jew ma’ xi aġenzija barranija oħra li tirrigwarda l-maniġġar ta' saħħa f'każ ta' pandemija, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ftehim iffirmat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-ftehim ffirmat bejn Malta u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO- Malta Biennial Collaborative Agreement 2020-2021) għall-perjodu 2020/2021. Dan il-ftehim gie ffirmat fil-qafas tal-istrategija ta’ kooperazzjoni (CCS 2016-2021) li ffirmat Malta mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-2016., liema kopja ukoll qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Tul il-Pandemija, Malta kompliet issaħħaħ il-kollaborazzjoni tajba li għandha mal- Organizzazzjonijiet u Istituzzjonijiet Internazzjonali u Ewropej inklu¿ l- ECDC (European Centre for Disease Prevention and Control) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Vaċċin tal-Influwenza

Question

Fiċ-ċirkostanzi tal-fatt li huwa magħruf li mill-inqas 55% tal-persuni li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19 kienu ħadu l-vaċċin tal-influwenza s-sena l-oħra, u in vista tad-dikjarazzjoni tad-Direttur tas-Saħħa Pubblika li l-Gvern fassal policy sabiex iħeġġeġ jew anke jobbliga lin-nies jew xi settur tal-pubbliku biex jieħdu l-vaċċin tal-influwenza għall-istaġun li ġej bħala mod biex inaqqas iċ-ċans li jiżviluppa l-COVID-19, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra studji li saru li jiffurmaw il-bażi u l-ġustifikazzjoni ta' dan il-policy?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għal kuntrarju ta’ dak li qed jindika hu, issa ma hemm ebda evidenza illi l-vaċċin tal-influwenza inaqqas iċ-ċans li jiżviluppa l-COVID-19.

Ilbies ta’ Maskri

Question

Fid-dawl tal-opinjoni medika ta' ħafna tobba li l-użu ta' maskra tista' tikkostitwixxi periklu għas-saħħa għal min jilbisha, għaliex jista' jnaqqas l-ammont adegwat ta' ossiġenu u jikkaġuna stress fuq is-sistema respiratorja tal-individwu, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji xjentifiċi li jiffurmaw il-bażi tad-deċiżjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika sabiex tobbliga jew tħeġġeġ lin-nies sabiex jilbsu maskra fil-pubbliku f'xi fażi jew perjodu tal-pandemija ddikjarata mill-WHO jew dikjarazzjoni ta' emerġenza maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar tad-dokument ta’ linji gwida għall-użu tal-maskri lejn it-tnaqqis tat-trażmissjoni tal-virus COVID-19, Guidance on the Use of Face Masks for Decreasing Covid-19 Virus Transmission, li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, diversi studji juru li l-użu tal-maskri tal-wiċċ jew ‘visors’ jgħin inaqqas it-tixrid tal-virus fil-komunità billi jillimita tixrid ta 'infezzjoni minn individwi infettati li jistgħu ma jafux li huma infettati, li għandhom sintomi, li għadhom ma żviluppawx jew li jibqgħu bla sintomi. L-ilbies ta’maskri jew ‘visors’ jikkumplimenta l-effetti tad-distanza fiżika u l-ħasil tal-idejn u iġene respiratorja. Kif imsemmi wkoll f’paġna 3 tad-dokument, maskri tal-wiċċ m’għandhomx jitqegħdu fuq tfal żgħar taħt it-3 snin; kull min għandu problemi biex jieħu n-nifs; jew li huwa mitluf minn sensih, persuna b’diżabilità jew inkella ma jistax ineħħi l-maskra mingħajr għajnuna. Il-maskri tal-wiċċ m'għandhomx jintużaw meta jiġi pprattikat eżerċizzju strenuż jew vigoruż. Maskri jew ‘visors’ huma rakkomandati biss li jintlibsu jekk sport li ma jinvolvix eżerċizzju vigoruż huwa pprattikat fil-viċinanza ta ' nies oħra. L-istudji xjentifici li saru referenza għalihom huma: Centre for Disease Control (CDC) https://www.cdc.gov/coronavirus/2019-ncov/preventgetting-sick/diy-cloth-face-coverings.html [accessed 10 April 2020]. Centre for Disease Control. Page last reviewed: March 17, 2020 National Center for Immunization and Respiratory Diseases (NCIRD), Division of Viral Diseases https://www.cdc.gov/coronavirus/2019-ncov/hcp/ppe-strategy/face-masks.html. Accessed 13 April 2020. Davies Anna, Thompson Katy Anne, Giri Karthika, Kafatos George, Walker Jimmy and Bennett Allan. Testing the Efficacy of Homemade Masks: Would They Protect in an Influenza Pandemic? Disaster Medicine and Public Health Preparedness, Available on CJO 2013 doi:10.1017/dmp.2013.43 European Centre for Disease Prevention and Control. Using face masks in the community - Reducing COVID-19 transmission from potentially asymptomatic or pre-symptomatic people through the use of face masks. Stockholm: ECDC; 2020: https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/using-face-masks-community-reducingcovid-19-transmission European Centre for Disease Prevention and Control (ECDC). Safe use of personal protective equipment in the treatment of infectious diseases of high consequence. Stockholm: ECDC; 2014. Available from: https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/media/en/publications/Publications/safeuse-of-ppe.pdf Government of Belgium. Coronavirus COVID-19. Fabric face masks. I protect you, you protect me. https://www.info-coronavirus.be/en/facemask/ [accessed 02 May 2020] Greenhalgh Trisha, Schmid Manuel B, Czypionka Thomas, Bassler Dirk, Gruer Laurence. Face masks for the public during the covid-19 crisis BMJ 2020 Lopalco Pier Luigi. Universita di Pisa. Coronavirus e mascherine: quante ne esistono, come funzionano e come usarle. 10 Aprile 2020 https://www.medicalfacts.it/2020/04/10/coronavirus-le-mascherine-e-la-nuova-normalita/ National Academies of Sciences, Engineering, and Medicine. 2020. Rapid Expert Consultation on the Effectiveness of Fabric Masks for the COVID-19 Pandemic (April 8, 2020). Washington, DC: The National Academies Press. https://doi.org/10.17226/25776

It-Trattat ta’ Oviedo

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti spegazzjoni għalfejn Malta ma ffirmatx it-Trattat ta’ Oviedo fuq drittijiet umani u biomediċina? Jista' jgħid jekk hiex l-intenzjoni tal-Gvern li jiffirma u jgħaddi għar-ratifika bla dewmien tal-istess Trattat ta' Oviedo, u f'każ affermattiv, jagħti indikazzjoni ċara ta' meta biħsiebu jiffirma l-istess Trattat u jressaq it-trattat għar-ratifika minn dan il-Parlament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentement qegħdha ssir analiżi teknika tal-Konvenzjoni ta’ Oviedo.

Persuni li nqabdu bil-COVID-19

Question

Fid-dawl tal-istudju maħruġ mill-Università Amerikana ta' Penn State, li kkalkola li n-numru tal-popolazzjoni Amerikana li nqabdu bil-COVID-19 huwa xi 80 darba iktar min-numri reġistrati li ttestjaw pożittiv għall-COVID-19, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid hemmx indikazzjonijiet li n-numru ta’ nies f'Malta li nqabdu bil-COVID-19 huwa iktar min-numru reġistrat ta' testijiet pożittivi, u f'każ li ma jirriżultax li hemm dan il-kalkolu, jista' jgħid hemmx ħsieb sabiex isir studju biex jiġi kalkolat in-numru ta' nies jew perċentwali ta' popolazzjoni li x'aktarx ġew diġà infettati bil-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi studju biex tiġi kkalkulata r-rata ta’ persuni b’immunita’ għal COVID-19 f’Malta qed isir.

Regolamenti għat-tnaqqis tal-impatt tal-COVID-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid hemmx strateġija ppjanata sabiex mat-tfassil tar-regolamenti sabiex jitnaqqas l-impatt tal-COVID-19, ġewx imqabbdin, jew ser jiġu mqabbdin esperti tad-drittijiet tal-bniedem biex ilestu rapport li jirrakkomanda l-linji gwida sabiex jaċċerta l-Gvern li kwalunkwe regola ma tmurx oltre dak li jitqies bħala raġjonevoli f’soċjetà demokratika, kif ċitat fil-Kostituzzjoni ta' Malta, kull meta jkun hemm xi eċċezzjoni fil-godiment ta' kwalunkwe dritt fundamentali, u d-dritt ta' kull ċittadin li jeżerċita x-xogħol tiegħu? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika hux ser tobbliga bilfors liċ-ċittadini u residenti Maltin u Għawdxin, jew settur minnhom biex jieħdu Vaccine kontra l-COVID-19, jew jimponu fuqhom xi restrizzjonijiet ta' moviment f'każ li ma jieħdux, ġaladarba jiġi prodott u introdott il-vaccine?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull meta nħarġu ordnijiet skont l-Att dwar is-Saħħa Pubblika jiġi wkoll aċċertat illi jinżamm il-bilanċ ġjust bejn id-drittijiet fundamentali kollha nvoluti f’kuntest ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika fejn fuq naħa l-waħda hemm l-obbligu pożittiv tal-Istat li tiġi salvagwardjata u protetta l-ħajja u fuq in-naħa l-oħra r-rispett għad-drittijiet fundamentali ta’ kull individwu.

Kunsilli Lokali — Aċċessibilità lill-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew qed issir minn kull kunsill lokali f’dawn l-aħħar tliet snin sabiex jiggarantixxu aċċess għall-persuni b’diżabilità għal dawk il-binjiet u servizzi li jaqgħu taħt il-kunsilli lokali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ċentri ta’ Matul il-Jum/Rehab Centres tal-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li qegħdin jattendu b’mod regolari kull ġimgħa fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali? Kemm hija l-ispiża għal kull persuna li tattendi kuljum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn Jannar u l-25 ta’ Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 1072 persuna li attendiet b’mod regolari kull ġimgħa fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Matul l-istess żmien saru madwar 8,000 il-sezzjoni. Tajjeb li ngħidu li matul il-pandemija tal-Covid-19 dawn is-sessjonijiet baqgħu xorta jsiru b’mod regolari permezz ta diversi modi ta’ komunikazzjoni. L-ispiża taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum matul iż-żmien imsemmi kienet ta € 131,133.
Leg 13 PQ #15626 Sitting 350 2020-06-30 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ħaddiema li għandhom diżabilità

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6302, jista’ l-Prim Ministru jindika kemm hemm persuni b’diżabilità li huma ħaddiema fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Tfal jistennew biex jiġu fostered

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm tfal li qegħdin fi Djar Residenzjali li jistgħu jiġu fostered? X’etajiet għandhom dawn it-tfal?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minħabba s-sensittività ta’ dan is-suġġett, ma nħossx li huwa etiku li nwieġeb mistoqsijiet parlamentari fir-rigward ta’ dawn il-minuri, fejn dawn il-minuri nħarsu lejhom biss f’termini ta’ numri. Għandi kull fiduċja li l-professjonisti li qed jaħdmu f’dan il-qasam tant delikat, jafu eżattament x’qed jagħmlu u li dejjem jimxu fuq il-prinċipju li jagħmlu dak li hu fl-aħjar interess tat-tfal.

Malta International Fireworks Festival – statistical surveys

Question

To ask the Minister, whether there are any statistical records on the direct and indirect number of inbound tourists that the Malta International Fireworks Festival attracts to Malta? Since the National Statistics Office (NSO) carry out statistical surveys on tourists at the Airport Departures to gather feedback on their stay, and in general, culture is known to be a major attraction to our inbound tourists, does the Malta Tourism Authority (MTA) have any detailed results from these surveys related to how the Maltese festa is perceived by inbound tourism?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm estimi dwar kemm jiġu turisti Malta speċifikament għall-Malta international Fireworks Festival ma jeżistux, kemm fi ħdan l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kif ukoll fl-Awtorita’ tat-Turiżmu, riċerka li tagħmel l-Awtorita’ tindika li fis-sena 2019 kważi nofs it-turisti (49%) żaru Malta biex igawdu t-temp sabiħ u l-esperjenza kulturali. Barra minn hekk, 11% oħra ġew Malta speċifikament għall-kultura. Dan ifisser li 3 minn kull 5 turist (60%) li żaru Malta fis-sena 2019, kienu motivati mill-aspett kulturali. Il-festa hija waħda mill-esperjenzi awtentiċi li jista’ jgawdi turist f’Malta. Riċerka tal-Awtorità tat-Turiżmu turi li l-medja ta’ turisti li attendew festi reliġjużi fis-sena 2019 kien ta’ 5%, madwar 138,000 turist (Tabella 1). L-aktar persentaġġ għoli ġie rreġistrat fl-istaġun tas-sajf b’estimu ta’ 9%, madwar 84,000 turist, li jikkoinċidi maż-żmien meta l-festi f’Malta ikunu fl-aqwa tagħhom. Ir-riċerka turi ukoll li madwar 12% tat-turisti li ġew Malta fis-sena 2019 attendew festivals lokali (Tabella 2). Dan l-estimu jitla’ għal kważi 1 minn kull 5 turist fl-istaġun tas-sajf, li jammonta għal madwar 173,000 turist. Tabella 1 - Jattendu festa reliġjuża tradizzjonali Yes Quarter Q1 - Winter 3.2% 100.0% Q2 - Spring 5.3% 100.0% Q3 - Summer 9.0% 100.0% Q4 - Autumn 2.6% 100.0% Total 5.2% 100.0% Table 2 - Jattendu festival / avveniment lokali Yes Quarter Q1 - Winter 11.4% 100.0% Q2 - Spring 10.3% 100.0% Q3 - Summer 18.6% 100.0% Q4 - Autumn 9.0% 100.0% Total 12.4% 100.0%

MTA — fireworks

Question

To ask the Minister, since pictures of fireworks feature in almost every publication that the Malta Tourism Authority (MTA) launches as the policy and strategy maker of the Maltese tourism, what importance does the MTA give to the Maltese Fireworks in its marketing? Did the MTA ever considere to promote the Maltese Fireworks as a niche market in itself, in the process to reduce tourism seasonality and enhance tourism sustainability? If not a niche tourism in itself, is Maltese fireworks included in a cluster of varied events? Did the MTA ever consider organising a grand New Year’s Eve show that, given the international acclaimed Maltese pyros, which can compete with any other similar show held around the world? Are there any other plans that the MTA has that may include fireworks in it; something similar to what is going to be held on 1stJuly 2020, to celebrate and demark the re-opening of the airport?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif innota huwa stess l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sikwiet tinkludi l-arti Piroteknika fl-inizjattivi tagħha li tipromwovi lil pajjiżna madwar id-dinja. Dan tagħmlu kemm b’videos li tipproduċi għal promozzjoni ta’ Malta u Għawdex fil-midja soċjali, kif ukoll f’attività fuq karta stampata. L-Awtorità ila għal diversi snin tipromwovi l- Malta International Fireworks Festival bħala wieħed mill-festivals ewlenin fil-kalendarju ta’ avvenimenti f’Malta u Għawdex. Għal dan il-festival, tul is-snin l-Awtorità stiednet speċifikament f’pajjiżna, għexiren ta’ midja, aġenti tal-ivjaġġar, kif ukoll kompetituri internazzjonali rinomati fil-qasam pirotekniku. L-Arti Piroteknika għandha rwol importanti fil-qasam tal-promozzjoni tal-kultura Maltija u tradizzjonijiet ta’ pajjiżna fejn tidħol ċelebrazzjonijiet tal-festi tal-ibliet u l-irħula. L-arti pirtokenika kif wieħed jista’ jinnota, tkun inkluża kwazi f’kull attivita’ priniċipali li l-Awtorita’ torganizza jew tagħti s-sapport tagħha. Bħala parti minn inizjattiva tal-Awtorita’ sabiex l-arti piroteknika tkun dejjem iżjed sinonima ma’ Malta, din is-sena kien ippjanat li Malta tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni dinjija billi tospita l- International Symposium of Fireworks , li minħabba raġunijiet li jifhem kulħadd, dan kellu jiġi pospost għas-sena 2021. Il- Malta International Fireworks Festival ħa jsir ukoll din is-sena.

Ħaddiema tax-xatt — pagi

Question

Billi dan l-aħħar fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru saru taħdidiet mal-ħaddiema tax-xatt li minbarra l-isfida tal-pandemija, ġiet diskussa wkoll il-qagħda eżistenti u inġusta dwar ħaddiema tax-xatt li jaħdmu fuq l-istess lant tax-xogħol b’kundizzjonijiet u pagi ferm differenti minħabba t-tibdil li saru fil-kuntratti fl-2017, u fejn anke hu magħruf li l-Ewropa talbet spjega lill-Gvern Malti, fejn il-gvern ma rrispondiex fil-ħin, anzi talab estensjoni biex jagħmel is-sottomissjonijiet fi żmien tliet xhur oħra, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid x’rimedju ser jittieħed minnufih biex tinbidel id-deċiżjoni xejn raġunata li ttieħdet fis-sena 2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħaddiema tax-xatt

Question

Uħud mill-Ħaddiema tax-Xatt li huma liċenzjati, għandhom id-dritt li l-wild tagħhom jiġi impjegat awtomatikament u jiġi liċenzjat bħala ħaddiem tax-xatt għalhekk dan ifisser li aħna bħala pajjiż membru tal-Ewropa, fix-xatt għandna sitwazzjoni ta’ monopolju li ta’ lanqas ser ikarkar għal-żewġ ġenerazzjonijiet, jiġifieri madwar 80 sena oħra u għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid b’liema mod dan hu aċċettat mill-Gvern li jkun ġust u jħares li ma jkunx hemm preferenzi bejn il-ħaddiema li jaħdmu l-istess għamla ta’ xogħol u fuq l-istess lant tax-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħaddiema tax-xatt liċenzjati- ingaġġ

Question

B’referenza għall-ħaddiema tax-xatt li huma liċenzjati, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew il-mod kif ġew ingaġġati bħala ħaddiema tax-xatt bir-regoli l-ġodda tal-2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħaddiema tax-xatt casual port workers

Question

B’referenza għall-Ħaddiema tax-Xatt hekk imsejħa casual port workers u li huma self-employed, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt eżistenti u oħrajn li seta’ kien hemm qabel dan preżenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.