Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pazjenti li jmutu — awtopsji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid dawk il-pazjenti li jmutu bil-COVID-19 indirettament minħabba l-COVID-19 jsirulhom awtopsji? Jekk le kif wieħed jista’ jasal b’mod konkret jekk il-COVID-19 kienx il-kaġun tal-mewt jew le?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-indikazzjonijiet għal awtopsja f’pazjenti li jmutu waqt li jkollhom Covid-19 huma l-istess bħal pazjenti oħra.

Drittijiet ta’ Anzjani morda bil-COVID-19 f’residenzi tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma d-drittijiet tal-anzjani li jkunu morda bil-COVID-19 meta dawn jkunu jgħixu f’residenza tax-xjuħ? Id-drittijiet tal-pazjent u tal-qraba huma l-istess kemm f’residenza pubblika kif ukoll f’dik privata?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tinghata f’seduta oħra.

Dikjarazzjoni ta’ Great Barrington – rakkomandazzjonijiet rigward il-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti spjegazzjoni lil din il-Kamra għaliex id-Dipartiment tas-Saħħa mhux qiegħed isegwi r-rakkomandazzjonijiet preżentati fid-dikjarazzjoni ta' Great Barrington, maħruġa ftit ġimgħat ilu, li tindirizza l-maniġġjar tal-kriżi tal-COVID-19, liema dikjarazzjoni u rakkomandazzjonijiet ġew appoġġjati minn iktar minn 30,000 tabib u 10,000 xjenzjat mediku u speċjalizzat fis-saħħa pubblika, minħabba li d-dipartiment ħareġ regolamenti li huma kontrarji għal jew ħafna iktar ħorox mir-rakkomandazzjonijiet imsemmija tad-Dikjarazzjoni ta' Great Barrington?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-15 t’Ottubru ta’ din is-sena, l-Organizzazjoni Dinjija għas-Saħħa ħarġet spjegazzjoni ċara ta’ kif l-immunita’ tal-massa ma tistax tiġi milħuqa billi tesponi aktar nies għal infezzjoni u konsegwentement għall-mewt imma permezz ta’ kampanji ta’ tilqim. Dawn mhumiex rakkomandazzjonijiet ġodda li saru fi żmien din il-pandemija tal-COVID-19 imma huwa prinċipju kardinali tas-Saħħa Pubblika li kien hemm minn dejjem. Id-Dikjarazzjoni ta’ Great Barrington tisħaq il-kontra bl-argument li l-popolazzjoni f’riskju tista’ tiġi protetta kompletament. L-esperjenza kemm lokali kif ukoll internazzjonali turi li dan ma seħħ imkien, lanqas hawn Malta. Fil-qasam xjentifiku, dejjem ikun hemm diverġenza t’opinjoni. Fil-fatt, tliet esponenti ewlenin tas-Saħħa Pubblika f’dawn l-aħħar ġimgħat urew evidenza waqt il-Kungress Dinji tas-Saħħa Pubblika li sar dan ix-xahar, kif ukoll ippublikaw artiklu f’ġurnal Ingliż, li kien hemm xi organizzazzjonijiet Amerikani bi tradizzjoni ta’ aġenda kontra t-tilqim inġenerali li għenu bis-sħiħ biex issir din id-dikjarazzjoni. Bħal dejjem, l-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika Maltija joqogħdu fuq il-linji gwidi pprovduti lilhom mill-awtoritajiet internazzjonali fil-qasam, bħall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-ECDC.

Regolamenti għal COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti spjegazzjoni għaliex l-istess regolamenti in vigore imorru wkoll ħafna oltre dawk maħruġin mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li tirrakkomanda li l-maskri għandhom jintużaw minn persuni li m'għandhomx sintomi ta' mard BISS meta qegħdin xi mkien fejn ma jistgħux jitbiegħdu mill-inqas metru minn ħaddiehor f'postijiet pubbliċi, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li ffurmaw il-bażi tad-deċiżjonijiet u regolamenti maħruġin mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fir-rigward tal-maniġġjar tal-kriżi tal-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mill-bidu nett tal-pandemija tal-COVID-19, ġew ikkonsultati aktar standards minbarra dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-World Health Organisation. Infakkar li r-rakkomandazzjonijiet tal-WHO japplikaw għad-dinja kollha. Hemm standards ferm ogħla li japplikaw għal pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (ECDC), ir-Renju Unit (Public Health England), l-Italja (Istituto Superiore di Sanita’), l-Istati Uniti (CDC) u numru ta’ awtorijiet regolatorji madwar id-dinja (Korea t’Isfel, Ġappun, Singapore, Awstralja ul-Kanada). B’hekk bnejna bażi xjentifika qawwija ħafna sabiex nipproteġu bl-aħjar mod il-poplu Malti u Ghawdxi.

Lista ta’ persuni li mietu bil-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti n-numru ta' persuni li huma mniżżlin fil-lista li mietu b'riżultat pożittiv tat-test tal-COVID-19, li effettivament mietu minħabba l-COVID-19 speċifikament bħala "the underlying cause of death", u jagħti n-numru ta’ awtopsji li saru fuq xi persuni mniżżlin f'din il-lista mingħajr ma jiżvela, sintendi, id-dettalji ta' natura personali ta' dawn il-persuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-ebda minn dawn il-każijiet ma saret awtopsja minħabba li d-dijanjożi kienet magħrufa. Minn 64 persuna li huma mniżżlin fil-lista li mietu b'riżultat pożittiv tat-test tal-COVID-19, 47 effettivament mietu minħabba l-COVID-19 speċifikament bħala the underlying cause of death. Fil-15-il persuna l-oħra, il-COVID-19 kien meqjus bħala kawża kontributorja. Rigward l-aħħar 2 imwiet għadhom għaddejjin il-verifikazzjonijiet neċessarji.

Lista ta’ persuni li mietu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika li jagħtu lista sħiħa tal-persuni kollha li mietu fil-gżejjer Maltin minn Jannar sa Ottubru tal-2018, tal-2019 u tal-2020, bil-break down tal-"underlying cause" tal-mewt tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul Jannar sa Ottubru tal-2018, tal-2019 u Jannar sa April ta’ din is-sena kien hemm 3068, 3090 u 1414 imwiet rispettivament f’residenti ta’ Malta u Għawdex. L-underlying cause hija kif tidher fit-tabella hawn taħt. Underlying Cause of Death 2018 2019 2020 (minn Jannar sa April) Mard ċirkolatorju inklużi attaki tal-qalb u puplesija 1027 1054 442 Kanċer 898 796 330 Mard tas-sistema respiratorja 321 387 198 Kundizzjonijiet mentali (priċipalment dimenzja 212 193 118 Kundizzjonijiet endokrinali (prinċiplament dijabete) 178 183 100 Mard tas-sistema diġestiva 80 97 54 Imwiet minħabba aċċidenti, suwiċidju u omiċidju 98 90 34 Mard tas-sistema neuroloġika 82 88 33 Mard tal-Kliewi u tal-bużżieqa tal-awrina 70 73 27 Imwiet minħabba infezzjonijiet li jeskludu infezzjonijiet respiratorji 39 42 22 Imwiet minn Covid-19 0 0 3 Imwiet minħabba kawżi oħra 63 87 53 Total 3068 3090 1414

Persuni li kienu pożittivi għal COVID-19 u tpoġġew fuq ventilatur

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna li rriżultat pożittiva bil-COVID-19 tqiegħdet fuq ventilatur, u kemm minn dawn li tqiegħdu fuq ventilatur irnexxielhom ifiequ, u kemm minnhom mietu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu tal-pandemija kien hemm 33 pazjent pożittiv għal-COVID-19 li rċieva ventilazzjoni mekkanika. Minn dawn 11 mietu, 8 ġew rilaxxati f'xi sala oħra u 14 għadhom fuq ventilator.

Persuni pożittivi għall-COVID-19 li ħadu l-vaċċin tal-Influwenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti n-numru tal-persuni li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19 li ħadu l-vaċċin tal-influwenza, jew fl-2019 jew fl-2020, u li fiequ, u kemm minnhom li ħadu l-imsemmi vaċċin u mietu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni mhux disponibbli.

COVID-19 – Spiża addizzjonali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet l-ispiża addizjonali li ngħatat fis-sena 2020 lill-Ministeru għas-Saħħa minħabba l-COVID?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta wieħed jikkonsulta l-Financial Estimates tas-sena 2020, paġna 20, jiġi nnotat li huwa propost li l-Budget rivedut tas-Saħħa jitla għas-somma ta Euro 806,926,000 minn Euro 702,024,000 (kif oriġinarjament approvat), jiġifieri żieda ta’ Euro 104,902,000. Għalkemm huwa mistenni li l-maġġoranza ta’ dawn il-Fondi addizzjonali se jintefqu fuq spejjeż relatati mal-Covid-19, parti minn dawn jistgħu jintefqu anke fuq xi spejjeż addizzjonali oħra kif jiġi miftiehem bejn il-Ministeru tas-Saħħa u dak tal-Finanzi.

Il-Miżieb – kundizzjonijiet dwar l-għoti ta’ art lill-FKNK

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16551 fejn tlabt li jiġi ppubblikat l-ftehim li sar fl-1986 mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Karmenu Mifsud Bonnici, dwar l-għotja tal-Aħrax u l-Miżieb u minflok tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija għal is-Stampa li saret f’dak iż-żmien, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-ftehim ma tpoġġiex? F’ġieħ it-trasparenza u l-kontabilità, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim u l-pjanti tal-art mogħtija ta’ dan il-ftehim imsemmi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skeda ta’ numru ta’ mwiet b’suwiċidju

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16627, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra skeda ta’ numru ta’ imwiet b’suwicidju u attentat suwiċidju xahar b’ xahar minn 2018 s’Awwissu 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu.

Ministeru għas-Saħħa — Rapporti ta’ inċidenti fatali ta’ pazjenti ta’ saħħa mentali komprometta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13475 u jindika kemm kien hemm rapporti ta’ inċidenti fatali f’din il-leġiżlatura, li ġraw lill-pazjenti ta’ saħħa mentali komprometta, ġo faċilitajiet liċenzjati għall-kura tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kien hemm l-ebda inċident fatali f’din il-leġiżlatura, li ġara lill-pazjenti ta’ saħħa mentali komprometta, ġo faċilitajiet liċenzjati għall-kura tas-saħħa mentali.

Kampanja ta’ prevenzjoni kif jiġi evitat il-mard mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk saritx kampanja ta’ prevenzjoni kif jiġi evitat mard mentali f’dawn l-aħħar tliet snin sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk iva, meta u fejn saret din il-kampanja ta’ prevenzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ta’ kull sena f’Ottubru, waqt il-kommemorazzjoni tal-jum dinji iddedikat għas-Saħħa Mentali, jiżdied l-għarfien dwar is-saħħa mentali skont it-tema magħżula mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard tul l-aħħar snin saret ħidma flimkien mas-Servizzi għas-Saħħa Mentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa biex titfakkar il-ġurnata Dinjija tas-Saħħa Mentali dwar temi differenti. Ġie organiżżat lecture dwar l-istress u x-xogħol immirat għall-ħaddiema ġewwa l-isptar Mater Dei kif ukoll seminar dwar id-dipressjoni għat-tobba tal-familja. Għal-aħħar tas-sena 2019 saret kampanja dwar is-Saħħa Mentali billi saru interventi fuq il-mezzi tax-xandir tradizzjonali kif ukoll fuq il-mezzi tal-midja soċjali, ta’ kull ġimgħa beda’ jingħata iktar għarfien billi jittellgħu messaġġi ta’ kif wieħed għandu jieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħu. Tul l-istess sena saru sforzi biex jiżdied l-għarfien fuq il-prevenzjoni tas-suwiċidju, permezz ta’ programmi fuq il-midja tradizzjonali (TV u gażżetti) u wkoll dawk soċjali. Infetħu ukoll Well Being clinics fl-Universita’ ta’Malta u wkoll fl-MCAST -Malta Council of Art, Science and Technology biex is-saħħa u mentali tal-istudenti tkunu mħarrsa ukoll. Mid-Dipartiment tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Kura Primarja saru taħdidiet regolari fil-kunsilli lokali kemm f’Malta u Għawdex dwar suġġetti varji relatati ma’ għarfien/stigma dwar is-saħħa mentali. Il-konkorrenza tal-pubbliku kienet tassew inkoraġġanti. Saru ukoll taħdidiet dwar suġġetti diversi relatati mas-saħħa mentali tal-anzjani fiċ-ċentri ta’ matul il-jum ta’ l-anzjani kemm f’ Malta u f’Għawdex, taħdidiet regolari fil-parroċċi eżempju: Ladies Circle u gruppi tar-romol rigward stigma u għarfien dwar suġġetti relatati mas-saħħa mentali, Taħdidiet f’għaqdiet filantropiċi, aktar informazzjoni u ghajnuna lill-Fondazzjoni RISE rigward suġġetti relatati mas-saħħa mentali immirati lejn persuni li qegħdin isegwu programmi ta’ rijabilitazzjoni bil-għan li jerġghu jintegraw ruħhom fis-soċjeta’ u ngħata ukoll iktar għarfien lill-membri tal-istaff ġewwa d-dipartiment tal-gvern. B’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Mental Health tal-Universita’ ta’ Malta, saret ħidma sabiex ikun hemm ikun għarfien dwar is-saħħa mentali biex nikkumbattu l-stigma f’lokalitajiet differenti. Minn dan id-dipartiment ukoll ngħatat informazzjoni waqt programmi kemm televiżivi kif ukoll fuq stazzjonijiet tar-radju u tqassmu fuljetti b’informazzjoni relatati mas-saħħa mentali u l-stigma li jġibu magħhom dawn il-kundizzjonijiet, ġew ippubblikati diversi artikli f’diversi fuljetti li jitqassmu fil-paroċċi kif ukoll f’rivisti li jiġu mqassma lill-ħaddiema fil-qasam tal-Kura Primarja. Nfakkar ukoll illi f'Marzu ta’ din is-sena s-Servizzi għas-Saħħa Mentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa investew b'mod qawwi flimkien mar-Richmond Foundation fil-helpline 1770. Dan il-helpline kien immirat lejn nies li kienu qed jesperjenzaw diffikultajiet emozzjonali u ta' saħħa mentali. F'April 2020 is-servizz tal-helpline beda’ jopera fuq bażi ta' erbgħa u għoxrin siegħa kuljum inkluż fil-ġranet ta' festi. Apparti li kienu jintbagħtu żewġ professjonisti ta' saħħa mentali ta' kuljum biex jirrispondu t-telefonati fuq il-post kienu wkoll jiġu offruti korsijiet ta' terapija aktar fut-tul lil dawk li kienu jinstemgħu vulnerabbli fuq livell psikoloġiku. B'hekk seta’ jiġi evitat ir-riskju li dawn il-callers jiddeterjoraw mentalment. Bejn April u Awissu fost il-ħafna nies li ċemplu fuq il-helpline kien hemm aktar minn 100 persuna li bdiet ċiklu ta' psikoterapija mid-Dipartiment tal-Psikoloġija li jifforma parti mis-servizzi għas-Saħħa Mentali.

Sptar Mentali – bini minn fondi mill-European Fund for Strategic Investments

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1806, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa issa jindika jekk hux ser jinġiebu fondi mill-European Fund for Strategic Investments bil-ħsieb li jinbena l-Isptar Mentali fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sorsi alternattivi ta' finanzjament għal-bini tal-isptar Mentali fl-isptar Mater Dei qed jiġu esplorati b'mod attiv mill-awtoritajiet ikkonċernati.

Persuni li nqabdu jabbużaw mill-benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm-il persuna nqabdet tabbuża mill-benefiċċji soċjali f’dawn l-aħħar tliet snin sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? X’passi ttieħdu ma’ dawn il-persuni li nqabdu jabbużaw?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2017 sa Settembru 2020 ġew identifikati 2684 każ li kellhom jew il-benefiċċji mwaqqfa jew li ġew notifikati b’ammont żejjed ta’ ħlas. It-tabella li ssegwi tindika n-numru ta’ każijiet f’kull sena: Sena Total 01/01/2017 – 31/12/2017 628 01/01/2018 – 31/12/2018 739 01/01/2019 – 31/12/2019 748 01/01/2020 – 30/09/2020 569

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – spiża fuq priġunieri barranin

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kienet l-ispiża globali matul is-sena l-oħra li ħallset il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba l-priġunieri barranin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2019, kien hemm medja ta’ 295 priġunier barrani kuljum. Għall-tagħrif dwar l-ispiża nirreferi għall-mistoqsija parlamentari 12252.

Persuni vulnerabbli – tilqima tal-influwenza fi djarhom

Question

Peress li hemm numru ta’ persuni vulnerabbli li jinstabu d-dar minħabba ċ-ċirkostanza tal-COVID-19 u jixtiequ li jitlaqqmu minħabba l-influwenza iżda ma jixtiqux imorru ġo health centers jew ċentri oħra minħabba ċ-ċirkostanza tal-pandemija, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’ser isir biex dawn jitlaħqu? Tista’ terġa’ ssir sejħa biex tobba tal-familja jirreġistrawhom maċ-Ċentru tat-Tilqim ħalli b’hekk jingħatalhom servizz fi djarhom? Ir-reġistrazzjoni ta’ din l-iskema kienet għalqet fl-aħħar ta’ Settembru.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni vulnerabbli għandhom jikkuntattjaw il-CommCare Unit fuq 7902 0589 sabiex jingħataw appuntament ħalli infermiera tkun tista’ tmur tlaqqamhom f’darhom stess.

Skeda ta’ numru ta’ mwiet b’suwiċidju

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda ta’ numru ta’ imwiet b’suwiċidju u attentat ta’ suwiċidju xahar b’xahar minn 2018 sa Awwissu 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2018 kien hemm 215 attentati ta’ suwiċidju, fl-2019 199 filwaqt li minn Jannar sa Awissu ta’ din is-sena kien hemm 151. In-numru ta’ imwiet kawża ta’ suwiċidju fl-2018 u fl-2019 kien 23 rispettivament filwaqt li minn Jannar sa Awissu ta’ din is-sena kien hemm 2 imwiet.

Il-Miżieb – kundizzjonijiet dwar l-għoti ta’ art lill-FKNK

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16551 jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim inkluż il-pjanti, li kien sar fl-1986 mill-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici dwar l-amministrazzjoni tal-Miżieb u l-Aħrax?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nirreferu lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba diġa’ mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16551 tas-Seduta 371, qed inpoġġu wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-PR 618 li ħarget fit-11 ta’ April 1986, meta sar il-ftehim originali mill-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici u Delegazzjoni ta’ l-Għaqda Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti.

Awtorità tal-Artijiet — tenders

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16493 fejn qed jingħad li l-informazzjoni diġà tinħareġ skont il-liġi, ma jaħsibx il-Ministru li din il-klawsola fil-liġi ma tħarisx it-trasparenza soċjali meta min rebaħ l-offerta u min tefa’ l-offerta huma notifikati fuq notice board biss li hi mdendla wara receptionist u la tidher fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Artijiet u lanqas fil-Gazzetta tal-Gvern?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li l-iskeda ta’ tenders ma tmurx fuq notice boards fiżiċi imma fuq screens li jinsabu fir-reception area tal-Awtorità. L-iskeda tinsab ukoll online fuq is-sit tal-Awtorità tal-Artijiet, bil-possibiltà li wieħed jara dawk li għalqu sa ammont ta’ ġimgħat b’lura, billi wieħed imur fuq ‘view bids’. Barra minn hekk, wieħed jista’dejjem jitlob scan tal-bids mingħand l-Awtorità. Nżied ukoll li kemm min ikun rebaħ it-tender kif ukoll min ma jkunx rebaħha jiġi informat u jingħata r-raġuni għalfejn ikun rebaħ jew ma jkunx rebaħ, permezz ta’ ittra mibgħuta lilu jew lilha.