Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi kriminali jew dixxiplinarji ttieħdu kontra l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (immarkat (a)) , li fl-2013 kien ġie redeployed fuq kuntratt bħala persuna ta’ fiduċja mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, fuq l-akkuża ta' tixħim miġjuba kontrih mill-individwu li d-dettalji dwaru wkoll qed jingħataw separatament (immarkat (b)), fejn dan kien insista li l-individwu kien talbu ħlas minn taħt ta’ €30,000 biex jitħallsu l-flus li kienu dovuti lilu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni b’rabta ma’ xogħol fuq estensjoni tas-sixth form f’Għawdex? Jista’ l-Prim Ministru jgħid skont liema regolamenti f’Novembru tas-sena l-oħra individwu (a) kien issospenda lilu nnifsu mix-xogħol iżda kompla jirċievi s-salarju sħiħ tiegħu mingħand il-gvern, biex issa ilu aktar minn tmien xhur ma jattendi għax-xogħol u fl-istess ħin jirċievi paga sħiħa daqslikieku għadu jaħdem? Jista’ jgħid għaliex l-individwu (a) ngħata trattament differenzjali minn ħaddiema akkużati b’reati kriminali ħafna inqas serji, li ġew sospiżi mix-xogħol mill-ewwel filwaqt li matul il-perjodu ta’ sospensjoni rċevew nofs is-salarju u mhux proporzjon ogħla?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li fl-1 ta’ Ġunju 2013 ġiet maħtura f’pożizzjoni ta’ fiduċja fi rwol ta’ Kap Eżekuttiv fir-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paul ingħatat l-approvazzjoni biex tkompli tagħmel xogħol privat ta’ tabib u tmexxi l-klinika privata tagħha bi ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Etika li hemm fl-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, minħabba li f’dan ix-xogħol hija għandha suffiċjentement interess privat jew personali li jikkonfliġġi jew jidher li jikkonfliġġi mal-eżerċizzju oġġettiv tad-dmirijiet uffiċjali tagħha?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif kien diġa’ ġie mwieġeb f’mistoqsija parlamentari numru 19312, iż-żewġ rwoli, jiġifieri l-pożiżżjoni ta’ CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paule u x-xogħol privat tagħha, huma kompletament differenti minn xulxin. Dan minħabba li hekk kif x-xogħol mediku tar-Residenza jsir kollu mill-iStaff mediku, l-irwol tagħha bħala CEO tar-Residenza huwa wieħed relatat mal-amministrazzjoni tal-istess Residenza.
Wara l-weġgħat kbar li kien hemm fost il-pubbliku dwar il-qerda ta' siġar Maltin xjuħ minn Ħal Lija, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta biħsiebu jippubblika r-regolamenti li tant ilhom jiġu mwiegħda għall-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar u li kien ħejja l-Ministru ta' qablu, Leo Brincat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ser tippubblika dawn ir-regolamenti għall-konsultazzjoni pubblika f’qasir żmien.
Siti ddikjarati bħala Natura 2000 – management plans
Question
Wara l-kritika li saret dwar immaniġġar xejn professjonali fil-Buskett, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta biħsiebu jibda jimplimenta l-Management Plans li diġà hemm approvati għal dawk is-siti li huma ddikjarata bħala Natura 2000 sites tal-Unjoni Ewropea?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li qegħdin isiru preżentament ġewwa l-Buskett huma relatati mat-tiswija u restawr t’infrastruttura. Dan ix-xogħol qed isir wara qbil li kien intlaħaq mal-awtorità preċedenti jiġifieri l-MEPA. Wara l-kritika li saret fuq dan is-sit, saru spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Awtorità tal-Ambjent fejn ġie spjegat ix-xogħol li qed isir u l-interventi li saru f’ dan ir-rigward.
Għar-rigward tad-diversi miżuri mill-Pjanijiet ta’ Tmexxija (
Management Plans
) diġà qegħdin jiġu implimentati f’numru ta’ siti Natura 2000; ma’ dawn hemm ukoll pjanijiet sabiex fix-xhur li ġejjin jitwettqu aktar miżuri f’diversi siti. Qiegħed isir ukoll xogħol sabiex titħejja applikazzjoni għall-fondi mill-UE sabiex miżuri relevanti jkunu implimentati fis-siti kollha fis-snin li ġejjin.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-servizz tal-IVF fl-Isptar Mater Dei hux immexxi bħala PPP u jekk hu hekk, meta jiskadi dan il-kuntratt? Kemm kien in-numru ta' dawk il-koppji li użaw is-servizz privat fl-Isptar Mater Dei ta' din il-kumpanija li tmexxi dan il-PPP, fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2017 u fis-sena 2016? Kemm hu l-ħlas ta' kull intervent ta' tieni stadju ta' IVF li l-Gvern jagħti lill-kumpanija privata meta jgħaddi pazjenti li huma ssusidjati mis-servizz tas-saħħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-IVF huwa offrut fuq bażi ta’ PPP skont it-tender li kienet nħarġet fl-2014 meta l-istess Onorevoli Interpellant kien Ministru għas-Saħħa.
Il-Kuntratt tas-
Service Provider
eżistenti jiskadi f'Jannar tal-2019. Ninfurmah ukoll li ma saru l-ebda nterventi privati fl-2016 u lanqas fl-2017 għaliex iċ-ċikli kollha li saru kienu ssussidjati mill-Gvern.
Il-ħlas għat-tieni stadju taċ-ċiklu għal pazjenti ssussidjati mill-Gvern qed isir skont il-Bill of Quantities fil-kuntratt iffirmat bejn is-Service Provider u d-Dipartiment tal-Kuntratti.
Peress li l-liġi biex tintuża l-kannabis mediċinali, li hi estratta mill-pjanta nnifisha, iddaħħlet fl-2015, fejn int bħala Ministru tal-Ġustizzja għandek mertu f'dan ir-rigward, u peress li s-sistema preżenti hija b'ordni ta' tabib, pazjent jista’ jġib din il-mediċina (sintetika u mhux direttiva ) b'eċċezzjoni li trid tkun on named patient basis u skont il-Good Manufacturing Practice (GMP) u l-unika mediċina li tista’ tiddaħħal tiswa €500 per 10 mls meta hawn prodotti ferm orħos u xorta tajbin. Peress li issa l-Awtorità indipendenti tal-Kompetittività u l-Ħarsien tal-Konsumatur ( MCCAA) taqa’ taħt ir-remit tal-Ministeru tal-Ġustizzja, tista’ tgħid x’passi qed jittieħdu biex pazjent ma jibqax ibati l-konsegwenzi imposti fuqu, dan billi f'sentejn żmien minn meta ddaħħlet il-liġi d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qatt ma implimenta s-sistema, għalkemm l-Awtorità tal-Mediċina approvat l-użu?
Response (BONNICI, OWEN)
Irrid nerġa’ nissottolinea, kif diġà għamel korrettement l-Onor. Interpellant fid-domanda tiegħu, li kien dan il-Gvern li fl-aħħar leġizlatura daħħal il-principju li bniedem jista’ juza l-kannabis bħala medicina mingħajr ma jinkorri konsegwenzi penali u dan suggett kif provdut fil-liġi msemmija fid-domanda.
Ninsab infurmat, permezz ta’ parir tekniku, li “Mediċina”, skont ir-regoli Ewropej u konsegwentement anke dawk lokali, tista’ tinkiteb f’riċetta mit-tabib jekk hi verament kwalifikata bħala mediċina, jiġifieri li l-mediċina tkun tissodisfa r-rekwiżiti Ewropej fir-rigward ta’ kwalità, sigurtà u effikaċja. Għalhekk l-Awtorità dwar il-Mediċini hija f’pożizzjoni li tagħti rakkomandazzjoni għall-awtorizazzjoni meta tirċievi applikazzjoni u hekk tpoġġi għad-disposizzjoni tal-pubbliku Malti dak il-prodott relatat mal-kannabis li jissodisfa r-rekwiżiti biex jkun jista’ jaqa taħt il-klassifika ta’“mediċina”. Is
-Sativex
huwa eżempju ta’ wieħed minn dawn il-prodotti.
L-Awtorità dwar il-Mediċini tikkonsidra kull talba li tkun ta’ benefiċċju għall-pazjent u skont il-liġijiet ta’ pajjiżna.
Irrid ngħid ukoll li l-Gvern għandu l-intenzjoni li janalizza s-sitwazzjoni kemm legali u kemm de facto u jaġġorna skont il-bżonn għall-ġid aħħari tal-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Kannabis Mediċinali — Awtorità dwar il-Mediċini – dħul f’pajjiżna
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm aġenti tal-mediċina li wrew interess mal-Awtorità dwar il-Mediċini biex idaħħlu fis-suq lokali, mediċina tal-kannabis sintetika jew estratt mill-pjanta?
Kannabis Mediċinali — kampanja edukattiva mill-Health Education Unit
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'kampanja edukattiva ġiet ppreparata mill-Health Education Unit kemm għat-tobba, kif ukoll għall-pazjenti, dwar l-użu tal-kannabis mediċinali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dipartiment tas-Saħħa m’għandu ebda unit bit-titlu ta' Health Education Unit.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm lil Enemalta biex l-uplighters li jdawwlu l-faċċata tal-Knisja ta' San Mark li kienu twaħħlu minn din l-entità biex iddawwal wirt kulturali fi Triq Santu Wistin jerġgħu jinxtegħlu peress li dawn ilhom maqtugħin minn Settembru 2016? Jekk il-manutenzjoni tagħhom ma taqax taħt il-kompitu tal-Enemalta, għalkemm kien proġett ta' din l-entità, liema dipartiment irid jagħmel tajjeb għall-ispiża pubblika?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Kunsilli lokali – permessi dwar ipparkjar temporanju jew makkinarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura dwar permessi li jagħtu l-kunsilli lokali dwar ipparkjar temporanju jew makkinarju ieħor? L-NGOs u l-Knisja huma eżentati minn dan il-ħlas ta' permess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali kien ħareġ linji gwida lill-Kunsilli Lokali kollha permezz ta’ Ċirkulari Nru 8 tal-2017 dwar attivitajiet li jeħtieġu l-permess tal-Kunsill Lokali għall-ipparkjar temporanju jew makkinarju ieħor.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 441.04 dwar Regolamenti Dwar Attivitajiet Li Jeħtieġu Permessi mill-Kunsilli Lokali kif ukoll Ċirkulari Numru 8 tal-2017.
Rabat – Triq Santu Wistin – uplighters mal-Knisja ta’ San Mark
Question
Peress li l-uplighters li jdawlu l-faċċata tal-Knisja ta' San Mark fi Triq Santu Wistin, ir-Rabat kienu proġett tal-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura u peress li minħabba nuqqas ta' manutenzjoni din il-mixgħela ilha mitfija minn Settembru 2016, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jerġgħu jinxtegħlu anke minħabba li din il-knisja tinsab fil-qalba tar-Rabat u hi sit li jżuruh it-turisti għax hu parti mill-wirt kulturali?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 969, il-fittings tad-dawl li ser jintuzaw f'dan ix-xogħol ġew ordnati mill-Italja u hekk kif jaslulna aħna mmexxu bix-xogħol meħtieg.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 737 u għall-fatt li kull mediċina li tidħol f'Malta trid tiġi approvata kemm mill-Awtorità tal-Mediċina kif ukoll mill-Awtorità tal-Liċenzja tal-Mediċina, u għall-fatt li l-liġi li ddaħħlet fil-2015 biex tintuża l-mediċina tal-kannabis li hi estratta mill-pjanta nnifsiha li l-ħidma biex isir implimentazzjoni tagħha mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma saritx, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn din ma ġietx implimentata mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, issa li għaddew aktar minn sentejn? Jista’ jgħid ukoll jekk it-tabib tal-familja li hu speċjalista reġistrat, jistax ikun wieħed miż-żewġ firmatorji? X'inhi r-raġuni li ma twaqqafx il-bord li jilqa' l-applikazzjonijiet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-artiklu 10 tal-Att 1 tal-2015 dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija), speċjalista mill-lista msemmija jista’ jitlob permess lill-Awtorità tal-Liċenzjar għal pazjent speċifiku (named patient basis). Ninfurmah ukoll illi fl-istess imsemmi artiklu ma hemm l-ebda referenza għal bord li jilqa’ l-applikazzjonijiet.
Kannabis Mediċinali — Importazzjoni għal użu personali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm twaqqfu persuni (pazjenti) mill-Port Healthli jkunu ordnaw b'mod elettroniku l-importazzjoni f'Malta bil-posta ta' mediċina tal-kannabis għal użu personali, mill-2015 sa Ġunju 2017, xahar b'xahar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ebda mediċina li kellha l-Awtorizazzjoni tal-Medicines Authority jew tal-European Medicines Agency kif ukoll il-liċenzja mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ma ġiet imwaqqfa mill-Awtoritajiet tal-Port Health.
Kannabis Mediċinali — importazzjoni on named patient basis
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 737, fejn fir-risposta tiegħu d-Deputat Prim Ministru stqarr li din il-mediċina, bħal kull mediċina oħra, tista’ tiġi importata on named patient basis, għaldaqstant jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienu dawk il-pazjenti li applikaw għall-mediċina kannabis b'dan il-metodu mill-2015 ‘l hawn? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu dawk li ġew irrifjutati mill-Awtorità tal-Liċenzji?
Mediċina sintetika tal-Kannabis — Importazzjoni għal użu personali
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 737, fejn fir-risposta tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa stqarr li pazjent jista’ jimporta on named patient basis u għal użu personali, mediċina sintetika tal-kannabis, permezz tal-aġent li jimporta l-mediċina, basta li din issegwi l-Good Manufacturing Practice (GMP). Għaldaqstant hu konxju d-Deputat Prim Ministru li b'dak li stqarr, l-unika mediċina sintetika li tista’ tiġi importata hi dik Savitex li tiswa €500 kull 10mls? Hemm ħsieb li fil-liġi l-ġdida tidħol mediċina ġenerika u li għalhekk tkun ferm irħas?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa ġentilment mistieden jgħaddi t-tagħrif dwar liema hi dik il-“mediċina ġenerika u li għalhekk tkun ferm irħas” li għaliha qed jirreferi.
Kannabis mediċinali — Dħul ta’ mediċina estratt tal-pjanta kannabis
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiddaħħal mediċina li hi estratt tal-pjanta kannabis u li għandha Good Manufacturing Practice?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikant għal liċenzja tad-distribuzzjoni tal-mediċini għandu japplika mal-Awtorità tal- Liċenzjar, liema applikazzjoni tiġi evalwata bħal kull applikazzjoni oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titwaqqaf fabbrika li tipproduċi l-mediċina kannabis mill-pjanta nnifisha taħt il-Good Manufacturing Practice? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru kellux min wera interess f’dan ir-rigward?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal kull business enquiry oħra, kull enquiryli tidħol il-Korporazzjoni Malta Enterprise u kull minn hemm warajha hija informazzjoni konfidenzjal
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-persentagg ta' dawk it-trabi li fis-sena 2016 twieldu b'diformità konġenitali maġġuri u li titqies bħala diżabilità minħabba n-natura tagħha? X'inhuma dawn id-diżabiltajiet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2013 u l-2015 ġew irreġistrati 395 tarbija (3.1%) b’anomaliji konġenitali li jitqiesu bħala maġġuri skont il-kriterji tal-EUROCAT (European Surveillance of Congenital Anomalies). Uħud mil-anomaliji konġenitali maġġuri kienu jinkludu problemi fil-qalb, fis-sistema tan-nervituri u f’dik renali.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'kienu l-kriterji artistiċi biex intgħażel il-Monument tal-Fjamma? Kif saret l-għażla u minn min? Jista’ jgħid kemm kienet proġettata n-nefqa u kemm intefaq fil-fatt? Ġie kkunsidrat li l-ibbronżar jiġi kkastjat f'Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
Infant, neonatal, maternal mortality u stillbirth – rati
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi r-rata tal-infant mortality, neonatal mortality u maternal mortality u kif jipparagunaw dawn ir-rati meta mqabbla ma’ statistika tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid x'inhi r-rata ta' stillbirth?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.