Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm qualified accountants (ACCA jew tal-istess livell) fl-Economic Crimes Unit u l-Money Laundering Unit kull sena bejn is-snin 2013 u 2017 u kemm minnhom irriżenjaw kull sena? Preżentament kemm hemm impjegati li huma kwalifikati fid-dixxiplina tal-Financial/Economic Crime?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2013 u l- 25 ta' Novembru 2017, kien hemm erba’ (4) membri tal-Korp li kienu stazzjonati fl-Economic Crime Unit / Money Laundering Unit, li kellhom kwalifiki differenti fl-Accounts, wieħed minnhom bl-ACCA. Kien hemm persuna waħda li rreżenjat f'Diċembru tas-sena 2014. Persuna oħra ġiet trasferita f'Settembru 2013, filwaqt li persuna oħra ġiet promossa għal grad ta' Spettur f'Ottubru ta' din is-sena. Bħalissa hemm uffiċċjal wieħed illi huwa stazzjonat fit–taqsima tal-Economic Crimes Unit / Money Laundering Unit u li huwa gradwat fl-Accountancy. Ma’ dan inżid illi diversi uffiċċjali stazzjonati f'din it-Taqsima jingħataw taħriġ regolari relatat max-xogħol u r-responsabilitajiet tagħhom, kemm f’Malta u anke barra minn Malta. Matul l-2018 din il-unit se tkun imsaħħa b’ħafna aktar riżorsi umani.
Economic Crimes Unit – Expertise dwar il-cryptocurrency
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-expertise li hemm fl-Economic Crimes Unit dwar il-cryptocurrency u x’taħriġ ingħata jew se jingħata lill-ħaddiema ta’ dan il-unit?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fl-aħħar snin numru ta' uffiċċjali mill-Economic Crimes Unit attendew numru ta' korsijiet kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta, li fost suġġetti oħra dawn il-korsijiet kienu jinkludu wkoll l-investigazzjonijiet ta' crypto currencies. L-istess skwadra diġa kellha xi investigazzjonijiet fuq dan is-suġġett u hija konxja bl-isfidi li dawn il currencies jimponu. Infurmat illi s-sena d-dieħla, bħala parti mill-aġġornament kontinwu li qiegħed isir fl-iskwadra, se jsir ukoll taħriġ iktar speċjalizzat fuq dan is-suġġett.
Economic Crimes Unit – riżorsi teknoloġiċi, finanzjarji u umani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-miżuri li ħa l-Kummissarju tal-Pulizija preżenti biex isaħħaħ ir-riżorsi teknoloġiċi, finanzjarji u umani tal-Economic Crimes Unit? X’inhuma l-pjanijiet futuri biex dan il-Unit jissaħħaħ? X’inhuma t-timelines?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-Kummissarju tal-Pulzija għandu pjanijiet u ser jieħu l-passi neċessarji biex malajr kemm jista’ jkun isaħħaħ b'kull mezz possibli l-Economic Crime Unit fi ħdan il-Pulizija. Ma’ dan inżid ukoll illi diversi uffiċjali stazzjonati f’din it-Taqsima jingħataw taħriġ regolari relatat max-xogħol u r-responsabbiltajiet tagħhom, kemm f’Malta u anke barra minn Malta. Matul l-2018 din il-unit se tkun imsaħħa b’ħafna aktar riżorsi umani. Irid jingħad ukoll illi l-Korp ħejja strategija ta’ fejn qed jara li għandha tmur l-Economic Crimes Unit u din qed tiġi diskussa internament.
Peress li ċ-ċittadinanza b’investiment ma tirrikonoxxiex il-Bitcoins bħala mezz legali biex tagħmel transazzjonijiet fuq bejgħ tal-passaporti, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk din il-proċedura hux se tinbidel la din il-prassi dieħla fis-seħħ?
Ħaż-Żebbuġ — Għar Ram u Ħal Mula – Partial Local Plan Review of the South Malta Local Plan
Question
Peress li kmieni din is-sena fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp kien ġie diskuss il-Partial Local Plan Review of the South Malta Local Plan b’referenza għal Għar Ram u Ħal Mula (Triq Luret Cutajar) Ħaż-Żebbuġ u peress li kien hemm diskussjoni taħraq fejn ir-residenti u l-industriji (SME) ma qablux ma’ dak li kien propost u kellu jitwaqqaf kumitat fejn fost il-membri kellhom jieħdu sehem: rappreżentanza ta’ din iż-żona, kunsilli lokali, Transport Malta, l-Awtorità tal-Pulizija, OHSA, ERA u PA, jista’ għaldaqstant jgħid kemm-il laqgħa saret? Min għandu l-ownership tal-laqgħat? X’moniteraġġ qed isir minn Transport Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar? Fil-preżent x’tgħid il-policy dwar din iż-żona? X’direzzjoni qed jieħu l-ministeru dwar din iż-żona?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li rigward il-parti ta’ ‘Fil-preżent x’tgħid il-policy dwar din iż-żona: iż-żewġ żoni msemmija huma koperti bil-policies inklużi fil-Planning Control Applications PC62/07 u fil-PC7/08 u li t-tnejn ġew approvati mill-Ministru fl-10 ta’ Marzu tal-2009. Qed nirreferi għall-links fejn jistaw jinstabu dawn iż-żewg dokumenti ta’ policy:
http://www.pa.org.mt/en/local-plan-details/south-malta-local-plan - taħt il-lokalita ta’ Ħaż-Żebbuġ fittex kapitlu - PC and Minor LP Review document
http://www.pa.org.mt/en/local-plan-details/central-malta-local-plan - taħt il-lokalita ta’ Ħal-Qormi fittex kapitlu - PC and Minor LP Review document
Id-Direttorat tal-Infurzar tal-Awtorita tal-Ippjanar jagħmel monitoraġġ ta’ dawn iż-żoni bħal ma jsir f’kull żona oħra.
B’referenza għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari fuq it-twaqqif u l-koordinazzjoni tal-Kumitat għaż-żoni industrijali ta' Ħaż-Żebbuġ u Ħal-Qormi, ma jaqax taħt il-mandat tal-Awtorità tal-Ippjanar u nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.
Ħaż-Żebbuġ — Għar Ram u Ħal Mula – Partial Local Plan Review of the South Malta Local Plan
Question
Peress li kmieni din is-sena fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp kien ġie diskuss, il-Partial Local Plan Review of the South Malta Local Plan b’referenza għal Għar Ram u Ħal Mula (Triq Luret Cutajar) f’Ħaż-Żebbuġ u peress li kien hemm diskussjoni taħraq fejn ir-residenti u l-industriji (SME) ma qablux ma’ dak li kien propost u kellu jitwaqqaf kumitat fejn fost il-membri kellhom jieħdu sehem: rappreżentanza ta’ din iż-żona, kunsilli lokali, Transport Malta, l-Awtorità tal-Pulizija, OHSA, ERA u PA, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret? Min għandu l-ownership tal-laqgħat? X’moniteraġġ qed isir minn Transport Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar? Fil-preżent x’tgħid il-policy dwar din iż-żona? X’direzzjoni qed jieħu l-ministeru dwar din iż-żona?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hawn barranin li jgħixu f’Malta bħala residenti reġistrati? Liema huma dawk il-pajjiżi li dawn ir-residenti barranin joriġinaw minnhom? Kemm hu n-numru ta’ barranin residenti għal kull pajjiż minn fejn joriġinaw?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar lista aġġornata bl-informazzjoni mitluba, kif mogħtija lili minn Identity Malta.
Ninsab informat minn Identity Malta wkoll illi l-5 cittadini mill-Korea ta’ Fuq li fl-2016 kellhom permess ta’ residenza, telqu minn Malta matul din is-sena, wara li l-permess tagħhom ma ġġeddidx.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ‘l quddiem tinbena artificial island? Jekk iva, xi studji saru mill-Ministeru jew mill-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita tal-Ippjanar diġa’ kkummissjonat żewg studji, wieħed fl-2005 u ieħor tal-2008 dwar r-riklamazzjoni tal-art mill-baħar. L-iSPED, kif approvat mill-Parlament fl-2015, jagħti direzzjoni strateġika li ż-żona marittima tista’ takkomoda proġetti ta’ riklamazzjoni ta’ art pero f’qafas ta’ politika għall-kosta u ż-żona marittima sħiħa. Fl-2013, il-Gvern kien ippubblika sejħa ta’ nteress biex jesplora l-possibilita ta’ proġetti ta’ land reclamation f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri li qed iħejji l-Ministeru u/jew l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jilqa’ kontra l-fatt li l-baħar madwar xtutna qed jisħon minħabba l-bidla fil-klima?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tar-ratifikat tal-Ftehim ta’ Pariġi, Malta diġà kkommettiet ruħha għall-ħidma sfieqa kontra t-tibdil fil-klima. Azzjoni kollettiva hija meħtiega bejn il-Partijiet kollha sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet serra fuq skala reġjonali u internazzjonali u b’hekk jintlaħqu riżultati konkreti biex it-temperatura globali, kemm dik atmosferika kif ukoll tal-ibħra ma tiqbax togħlha. Malta bħala membru tal-konvenzjoni għat-tibdil fil-klima (UNFCCC), kif ukoll bħala membru tal-Unjoni Ewropea qegħda tagħmel il-parti tagħha. Fl-aħħar żmien il-Gvern investa f’diversi miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet serra f’diversi setturi fosthom fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u fl-immaniġjar tal-iskart speċjalment dak organiku, fost oħrajn.
Fl-istess waqt, il-Ministeru għaddej bil-ħidma għall-żvillup tal-
Low Carbon Development Strategy
li minbarra li se titħejja strateġija nazzjonali biex l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima, ser tinkludi wkoll l-addattament għall-impatti li ġġib magħha t-tibdil fil-klima. Din l-istess strateġija ser tħares ‘il bogħod u ser ikollha viżjoni fit-tul. F’dan l-istadju, diġà saru numru ta’ konsultazzjonijiet li kienu anke miftuħa għall-pubbliku. Għal dan il-għan twaqqaf ukoll kumitat interministerjali li jinkludi rappreżentanti minn diversi Ministeri, dan biex il-proċess ikun wieħed miftuħ u nklussiv. Diversi għaqdiet ambjentali wkoll esprimew l-opinjonijiet tagħhom fil-fażi inizjali tat-tfassil ta’ din l-istrateġija.
B’referenza għall-artijiet tal-Gvern li għandhom ċens ta’ 99 sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn jistgħux jiġu mifdija? Kien hemm sejħa ta’ skemi mill-Gvern għal fidi ta’ dawn it-tip ta’ ċnus bejn is-snin 2007 u 2017 (Ġunju)? L-art fejn hemm il-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġiet mifdija? Jekk iva b’kemm infdiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull tip ta’ ċens temporanju jista’ jinfeda skont il-KAP573, l-Att dwar l-artijiet tal-Gvern.
Kien hemm skema maħruġa fl-2012 li kienet titratta fidi ta’ ċnus temporanju għal residenzi primarji u residenzi tas-sajf.
Id-dirett dominju temporanju tal-art fejn tinsab il-lukanda li isimha ġie mogħti separatament ġie mixtri fit-28 ta’ Diċembru 2005 u tħallset is-somma ta’ Lm 800,000 (ekwivalenti għal €1,864,000) wara ħruġ ta’ tender pubbliku.
Peress li fil-bidu ta’ din is-sena, fil-leġiżlatura l-oħra, kien tħabbar li Malta kienet se tapplika mal-UNESCO biex ċertu oqsma li jagħtu identità lil pajjiżna għax huma wirt intanġibbli, jiġu rikonoxxuti b’dan il-prestiġju li wara kollox jiggarantixxu wkoll il-ħarsien tal-istess qasam kulturali u dan kollu twettaq eżerċizzju u tħejja rapport fis-snin ta’ qabel minn kumitat maħtur mill-istess Ministeru, u sar ukoll kuntant bl-għan li ssir l-applikazzjoni mal-istess organizzazzjoni tal-UNESCO, u peress li din tirrikjedi vot ta’ flus filwaqt li fil-vot tal-Budget ma hemmx line item dwar it-tnedija ta’ din l-applikazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux bil-ħsieb li japplika mal-UNESCO dwar dan il-wirt intanġibbli fis-sena 2018? Jekk se ssir l-applikazzjoni, minn fejn se jittieħed il-vot ta’ flus peress li ma hemmx line item? Kemm hi n-nefqa mistennija? Se tiġi mwettqa din il-wegħda?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li għaddej kuntatt bejn dan il-Ministeru mal-Capacity Building and Heritage Policies Unit, Intangible Culture Heritage Section tal-UNESCO sabiex jiġu Malta s-sena d-dieħla UNESCO Facilitators ħalli jsir Needs Assessment Report u b’hekk jingħata bidu għall-proċess sabiex diversi oqsma jiġu rikonoxxuti b’dan il-prestiġju u jiggarantixxu wkoll il-ħarsien tal-istess qasam kulturali. Meta jsir in-Needs Assessment Report, tiġi identifikata l-ispi¿a meħtieġa għas-snin li ġejjin u b’hekk tkun tista’ ssir it-talba formali lill-Ministeru tal-Finanzi.
Peress li f’Marzu li għadda l-Ministru ħabbar li fi żmien 18-il xahar, iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana, Ħal Qormi, Bormla, Gżira u Birkirkara se jiġu upgraded u refurbished, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal dan il-proċess għal kull ċentru? Kemm hi n-nefqa ta’ dan it-tisbiħ għal kull ċentru? Ix-xogħol ta’ tisbiħ minn min qed jitwettaq?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa għaddej ix-xogħol fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid ġewwa Ħal Kirkop. F’dawn il-ġranet ukoll infetħet berġa ġdida ġewwa x-Xewkija Għawdex.
Sadanittant għaddej xogħol preparatorju mid-dipartiment tal-Kura Primarja sabiex isir tisbiħ f’ numru ta’ ċentri tas-saħħa oħra.
Peress li l-ħitan tas-sejjieħ huma parti mill-karattru Malti u wieħed jista’ jinnota li meta dawn it-tip ta’ ħitan jaqgħu mhux qed jerġgħu jinbnew għal li kienu anke meta jinbnew toroq ġodda, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex jiġu protetti l-ħitan tas-sejjieħ? Hemm skemi ta’ għajnuna? Ħitan għolja ta’ ġonna f’żoni rurali u f’żoni urbani jaqgħu taħt dawn l-iskemi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-protezzjoni, il-manutenzjoni u r-restawr/bini ta’ ħitan tas-sejjieħ kienet waħda mill-bżonnijiet identifikati waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni li sar għat-tfassil tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020. Għadaqstant, dan il-Programm joffri għajnuna minn fondi ewropej li tkopri l-ispejjeż relatati mal-bini u/jew ir-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ permezz tas-Sotto Miżura 4.4 “Appoġġ għal investimenti mhux produttivi marbuta mal-ilħuq tal-objettivi klima-agroambjentali”. Preżentament, l-għajnuna mogħtija taħt din is-sotto miżura hija ta’ 80% tal-ispejjeż eliġibbli sa għotja massima ta’ 150,000eur. Jistgħu japplikaw għall-għajnuna taħt din l-iskema bdiewa, gruppi ta’ bdiewa, negozji, entitajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet volontarji, u maniġers tal-art.
L-għajnuna taħt l-iskema msemmija hawn fuq tkopri wkoll spejjeż relatati mal-bini/restawr ta’ ħitan tal-ġebel niexef, li jistgħu jinkludu ħitan għolja ta’ ġonna mhux marbuta ma’ binja residenzjali f’żoni rurali. Il-ħitan iridu jkunu f’kull każ restawrati jew mibnija skont kif mitlub mill-Awtorità tal-Ippjanar. Ħitan f’żoni urbani mhumiex eliġibbli.
Peress li l-qalb ta’ kull raħal hu wirt arkitettoniku li jagħti karattru lil Malta, u peress li fil-pjanijiet lokali nsibu spazji li huma definiti b’mod tekniku bħala open space enclaves u li jinkludu wkoll ġonna antiki li mhux bilfors huma parti minn djar ta’ karattru u dawn l-enclaves huma parti mill-Urban Conservation Areas, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Gvern biex jipproteġihom? Liema hu l-Att Legali li jħares dan u li joħroġ mil-Liġi tal-Awtorità għall-Ippjanar? Liema hu l-artiklu li jiddefinixxi din il-protezzjoni f’kull pjan lokali? Kif inhuma protetti dawn l-enclaves meta tiġi interpretata/applikata l-iSPED?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti l-kbira ta’ dawn l-enclaves huma proprjeta privata u għalhekk il-Gvern ma tantx għandu opportunita’ li jintervjeni b’mod dirett.
Il-ħarsien ta’ dawn l-enclaves qed jigi assigurat mill-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar meta tkun qed tikkonsidra applikazzjonijiet ta’ żvilupp ġo fihom billi tapplika l-policies vigenti kemm tal-iSPED u kemm tal-Pjanijiet Lokali.
L-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp jobbliga lill-Awtorita’ li meta tkun qed tħejji plan jew policy għandha tqis il-konservazzjoni u preservazzjoni ta’ riżorsi naturali, kif ukoll policies ambjentali kurrenti tal-Gvern.
L-open space enclaves huma definiti fil-pjanijiet lokali u mhux fil-liġi. Kull Pjan Lokali għandu policy speċifika pero’ l-ġist ta’ kull policy hu li ma jitħalla li jsir ebda żvilupp ħlief għal meta dan ikun estenzjoni ma bini eżistenti, jew parti minn proġett ta ri-abilitazzjoni jew swimming pool u dejjem taħt kundizzjonijiet stretti biex jiġu mħarsa, siġar, il-ħamrija u featuresoħra ta’ valur arkitettoniku.
Urban Conservation Area – applikazzjoni għat-twaqqigħ ta’ djar
Question
Peress li l-Urban Conservation Area (UCA) tixhed karattru ta’ bini arkitettoniku, streetscape u ġrajja ta’ komunità marbuta mal-lokalità, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li ngħataw permess biex jitwaqqgħu djar (għal kollox jew parti) f’dawn iż-żoni fis-sena 2016? X’inhu l-persentaġġ ta’ dawn il-permessi li ngħataw f’UCA meta mqabbel ma’ kwalunkwè permess ta’ żvilupp li nħarġu mill-Awtorità għall-Ippjanar f’żoni urbani? Kemm huma l-permessi ta’ żvilupp fl-UCA li nħarġu xahar b’xahar minn Jannar 2017 sa Ottubru 2017?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2220, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat mitejn u sitta u sebgħin (276) applikazzjoni fl-Urban Conservation Area (UCA) fis-sena 2016 fejn kien hemm element ta’ twaqqiegħ ta’ bini (għal kollox jew parti). Dawn jammontaw għal erbgħa u għoxrin punt tnejn fil-mija (24.2) tal-applikazzjonijiet kollha approvati fl-iskema tal-iżvilupp fejn kien hemm element ta’ twaqqiegħ ta’ bini (għal kollox jew parti) matul s-sena 2016.
Qed inpoġġu quddiem il-kamra l-ammonti ta’ applikazzjonijiet li ġew approvati fil-UCA xahar b’xahar matul is sena 2017 sal-aħħar ta’ Ottubru 2017.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn applikazzjonijiet ġew deċiżi u approvati matul iż-żmien mogħti u huma ndikati bħala fiż-żona tal-UCA jew fit-tieni parti ġew indikati bħala fiż-żona tal-iżvilupp. Sabiex ġie stabbilit jekk applikazzjoni kelliex element ta’ twaqqiegħ ta’ bini, ġew elenkati applikazzjonijiet li kellhom xi waħda mill-kliem segwenti fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom.
· Demolish
· Demolition
· Twaqqiegħ
· Twaqqa
· Titwaqqa / Jitwaqqa
Jannar 2017
164
Frar 2017
181
Marzu 2017
162
April 2017
118
Mejju 2017
236
Ġunju 2017
161
Lulju 2017
166
Awissu 201
123
Settembru 2017
207
Ottubru 2017
187
(Kjarifika: Ara dokument PL 721 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 54 tat-Tnejn 20 ta' Novembru 2017)
Residenzi ta’ San Vinċenz u Sptar Monte Carmeli — Huntington’s Chorea
Question
Peress li l-marda Huntington’s chorea hi ereditarja u li twassal għal konsegwenzi fejn is-saħħa fiżika u mentali tal-bniedem tant tmur għall-agħar li l-ħajja soċjali tgħib u l-konsegwenzi huma kbar u ta’ piż fuq il-familja, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li jbatu b’Huntington’s Chorea li huma residenti ta’ San Vincent De Paule? Jista’ jgħid kemm huma dawk li huma kkurati fiċ-ċentru tad-Dementia? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm pazjenti li jbatu b’Huntington’s Chorea li huma residenti fis-swali li jaqgħu taħt il-kura tal-anzjani fl-Isptar Monte Carmeli?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li, ġewwa r-Residenza San Vincenz de Paul hemm 14-il pazjent li jbagħti bil-Huntington’s Chorea. L-ebda pazjent ġewwa ċ-Ċentru tad-Dementia tar-Residenza ma jbagħti mill-kundizzjoni li qed issir referenza għaliha. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Ministeru ma għandux taħt ir-responsabbilta’ tiegħu swali għal kura tal-anzjani fl-Isptart Monte Carmeli.
Peress li l-marda Huntington’s chorea hija ereditarja u li twassal għal konsegwenzi fejn is-saħħa fiżika u mentali tal-bniedem tant tmur għall-agħar li l-ħajja soċjali tgħib u l-konsegwenzi huma kbar u ta’ piż fuq il-familja, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti li huma residenti fl-Isptar Monte Carmeli u li jbatu b’Huntington’s Chorea?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-isptar Monte Carmeli hemm 15 –il pazjent li jbati minn Huntington’s Chorea. Xi uhud minnhom ilhom f’ Monte Carmeli għal numru ta’ snin.
Ħaż-Żebbuġ – bypass ma’ Triq M.A Sapiano u Triq il-Buskett
Question
Peress li sa mis-sena 2005 kien ippjanat li l-bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ li tagħqad Triq M.A. Sapiano ma’ Triq il-Buskett titkompla, u li m’hemmx dubju li din tgħin biex tissolva l-konġestjoni tat-traffiku fi Triq il-Kbira u Triq Mitħna, jista’ l-Ministru jara li ssir din it-triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq imsemmija qegħdin fuq lista ta’ prioritajiet li bħala dettalji jiġu mħabbra aktar il-quddiem meta jkollna data definittiva.
MCCAA – stħarriġ fuq prezz u kundizzjonijiet ta’ insurance policy
Question
Peress li minn ftit snin ‘il hawn, il-prezz u l-kundizzjonijiet tal-insurance policy tal-karozzi qed jogħlew u jinbidlu rispettivament għad-detriment tal-konsumatur, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) stħarrġitx dan jew hux qed tagħmel din l-investigazzjoni biex il-bilanċ ġust bejn is-suq ħieles u d-dritt tal-konsumatur jinżamm, b’mod partikolari għal dawk il-karozzi li jiġu assigurati taħt polza ta’ fully comprehensive?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qiegħda tagħmel investigazzjoni fuq kundizzjonijiet relatati ma’ tiswijiet tal-karozzi. L-ebda investigazzjoni ma qiegħda ssir fuq prezzijiet u l-ebda ilment ma wasal lill-Awtorità f’dan ir-rigward.
Peress li l-policy dwar il-pompi tal-pompi tal-fuel tal-PA ġiet approvata fl-2015 u din ma tapprovax żieda ta’ aktar pompi f’żoni urbani filwaqt li tħajjar li pompi tal-petrol jiġu allokati minn żoni urbani għal żona rurali, jista’ l-Ministru jgħid, mis-sena 2015 ‘il hawn, kemm kien in-numru tal-pompi tal-fuel li talbu l-permess biex jiġu allokati minn żona urbana għal żona rurali jew żoni industrijali? Kemm hu n-numru ta’ pompi tal-fuel li ħarġilhom il-permess u żarmaw minn żona urbana u ħarġu ‘l barra minnha? Kemm hu n-numru ta’ pompi ta’ fuel li nagħtaw permess biex jibnu pompa f’żona industrijali, ta’ SMEs jew ta’ ħażna? Kemm hu n-numru ta’ permessi li nħarġu għall-pompi tal-petrol ġodda mis-sena 2015 sal-lum?
Response (BORG, IAN)
Mis-sena 2015 daħlet applikazzjoni waħda għall-talba biex tiġi rilokata pompa minn żona urbana għall-żona rurali. Tajjeb wieħed jinnota li l-Awtorita għandha quddiema erba’ talbiet oħra għall-proposta simili liema applikazzjonijiet ġew sottomessi qabel is-sena 2015 u li issa qed jiġu proċessati skond il-parametri tal-policy dwar il-pompi tal-fuel.
F’dan l-istess perjodu, l-Awtorita ma approvat l-ebda permess għall-talbiet biex jiġu rilokati pompi minn żoni urbani għall-żoni rurali kif ukoll ma ġie approvat l-ebda permess għall-talbiet biex jinbnew pompi ġodda f’żoni industrijali, ta’ SMEs jew ta’ ħażna.