Gaming – riskju fuq is-sistema finanzjarja ta’ Malta
Question
Hu fatt li l-aċċess għall-gaming iżid ir-riskju fuq is-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna. Ġie rrapportat li nhar il-5 ta’ Frar saret konsultazzjoni bejn l-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob (MGA) u l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) fuq l-implimentazzjoni tal-4 AMLD fuq is-settur tal-gaming. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ f’Ġunju tal-2017. Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex, meta nagħrfu bl-increased risk li dan is-settur iġib, Malta ma rsistitx biex tkun minn tal-ewwel biex timplimenta dawn il-miżuri li huma neċessarji? Jista’ jgħid x’inhu r-risk assessment ta’ dan is-settur fuq is-sistema li l-konsultazzjoni tal-5 ta’ Frar u dak ta’ qabilha tirreferi għalih? Jista’ jgħid x’kienu l-konklużjonijiet? Jista’ jippubblika r-rapport?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-4th AMLD hija l-ewwel direttiva fuq il-ħasil ta’ flus li tinkludi tahtha operaturi ta’ remote gaming. Kien għalhekk li fil-bidu ta’ Lulju 2017, l-FIAU U l-MGA ppublikaw dokument ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-applikazzjoni tal-obbligazzjonijiet il-ġodda fis-settur tar-remote gaming. Id-dokument ippublikat fi Frar 2018 huwa dokument rivedut wara li ż-żewġ awtoritajiet studjaw ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll is-suġġerimenti li rċevew mill-industrija. Għandu jiġi ċċarrat li dawn il-miżuri jservu bħala linji gwida, u wara li l-liġijiet li implimentaw l-4th AMLD diġà daħlu fis-seħħ.
Il-Pharmacy Of Your Choice (POYC) invoicing qatt ma ġie aġġornat biex ikun EU GDP compliant għax id-data tal-iskadenza tal-mediċini mhux imniżżla. Nifhem li din il-proċedura mhijiex obbligatorja. Imma jekk il-POYC invoicing jimxi mal-linja gwida tal-EU GDP, l-iskadenza tal-mediċina b’xejn ma tagħlaqx fl-ispiżerji meta din qed tingħata b’expiry date li hi qrib ferm l-iskadenza. Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-prassi ta’ din il-best practice kif stipulata mill-EU GBD tiġi segwita?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjanijiet li l-prassi tal-best practice msemmija minnu kif stipulata mill-EU GDP tiġi segwita.
Nirreferi għall-basktijiet tal-plastik b’mod partikolari dawk li jingħataw max-xirja. Dawn għandhom eco contribution għax jagħmlu ħsara lill-ambjent. Jirriżulta li min dak in-nhar ‘l hawn, ix-xirja qed titqiegħed f’boroż kbar ta’ lewn ċelesti jew abjad, imma għalkemm huma kontenituri tal-plastik mhumiex basket għax m’għandhomx widnejn. Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan il-kontenitur tal-plastik jaqa’ wkoll taħt l-eco tax?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Bħalma l-Onor. Interpellant jaf, il-kwistjoni li qed jirreferi għaliha kienet twieldet minnufih mal-introduzzjoni tal-istess eko-kontribuzzjoni fl-2009. Il-Gvern attwali konxju mis-sitwazzjoni u qed jimmoniterja u jfittex ghal soluzzjoni fl-interess tal-ambjent, imma wkoll fl-interess tad-dixxiplina fiskali.
Enemed Co. Ltd – provvista ta’ petrol għas-suq lokali – sejħa għall-offerti
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra liema kumpanija rebħet is-sejħa għall-offerti maħruġa fl-10 ta’ Jannar 2018 mill-Enemed Co. Ltd. u li għalqet fl-24 ta’ Jannar 2018, għall-provvista ta’ petrol għas-suq lokali bejn Marzu u Awwissu ta’ din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemed Co. Ltd hija Kumpanija kummerċjali li topera f’suq kompettitiv fejn l-offerti għall-provvista ta’ petrol għas-suq lokali huma kkontrollati minn regoli kummerċjali minħabba l-fatt li l-petrol li tixtri huwa biss parti mill-prodott finali li jinbiegħ fuq is-suq.
L-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali u sensittiv għal Enemed Co. Ltd. Minħabba f’hekk, l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-konsumatur Malti qed jinżamm fl-għama dwar il-kwalità u l-marka (brand) tal-petrol li qed jinxtara hawn Malta? Il-Kummissjoni Ewropea taċċetah dan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal kuntrarju ta’ dak li qiegħed jiġi mistqarr minnu, il-konsumatur Malti mhux qed jinżamm fl-għama dwar il-kwalità u l-marka (brand) tal-petrol li jinxtara hawn Malta. Fil-fatt, fejn għandu x’jaqsam mal-kwalità, il-petrol tal-Enemed huwa skont l-istandards internazzjonali tal-EN228 (European Norm 228 – Automotive Fuels – Unleaded Petrol) li jistabilixxi l-kwalita’ tal-petrol li jista’ jinbiegħ fuq is-suq.
Il-Kumpanija Enemed, permezz ta’
stickers
fuq il-pompi tal-
petrol
tinforma lill-pubbliku ukoll ir-RON tal-prodott, li fil-każ tal-
petrol
normali huwa RON95.
Fir-rigward tal-marka (
brand
) tal-prodott, l-Enemed għandha l-marka tagħha (
brand
) u tbiegħ il-prodott taħt il-
‘’brand name’’
ta’
E-Unleaded
għal-
petrol
b’RON95 u
E-Power
għas-
‘’super petrol’’
li għandu RON ta’ 98.
Enemed Co. Ltd. – sejħiet għall-provvista tal-petrol fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għalfejn l-Enemed Co. Ltd. ma tħabbarx is-sejħiet tagħha għall-provvista tal-petrol fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni Ewropea ted.europea.eu – Tenders electronic daily, bħal ma jagħmlu kumpaniji oħra fl-iStati tal-Unjoni Ewropea?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemed Co. Ltd tuża l-procurement process tagħha għax-xiri tal-fjuwils li hu approvat kemm mill-awdituri tagħha kif ukoll mill-Awditur Ġenerali. Kull kumpanija li tkun interessata li tipparteċipa kull ma trid tagħmel hu li tikkuntatja lill-Enemed u din tiġi nkluża fil-lista tal-kumpaniji li jintbgħatilhom it-tender document meta jkun il-każ.
Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk il-kumpanija li rebħet l-offerta għall-provvista tal-petrol ta’ din is-sena hijiex sejra tipprovdi petrol imħallat b’5% ta’ ethanol kif jipprovdu l-ispeċifikazzjonijiet fit-talba għall-offerti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba n-natura ‘’igroskopika’’ (hygroscopic) li tfisser li l-ethanol jassorbi l-ilma, l-petrol qatt ma jiġi mħallat fir-raffinerija qabel ma jitgħabba fuq il-vapur, imma dan il-proċess isir biss qabel ma jinbiegħ il-prodott fuq is-suq. L-ispeċifikazjonijiet fit-talba għall-offerti jikkwotaw estratt mill-istandard EN228 fejn jispeċifika li l-kwantità tal-ethanol li jista’ jkollu prodott hu minn 0% sa 5%. EN228 jispeċifika il-kwalità tal-prodott aċċettabli biex jinbiegħ lill-konsumatur u mhux il-bejgħ tal-prodott waqt il-parti tas-‘’supply chain’’. Fil-fatt din il-klawsola mhix mandatorja.
Aġenti lokali tal-kumpaniji taż-żejt – faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern biħsiebu joffri aktar faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol lill-aġenti lokali tal-kumpaniji taż-żejt barranin biex dawn ukoll ikunu jistgħu jimpurtaw, jaħżnu u jbiegħu petrol għas-suq lokali u jispiċċa l-monopolju li għandha l-Enemed bi ksur ta’ Artikolu 37 tat-Trattat dwar il-Funzjament tal-Unjoni Ewropea?
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li fuq dan il-każ kienet saret petizzjoni lill-Kumitat tal-Petizzjonijiet Ewropej minn ċittadin Malti fejn fit-tweġiba li ġiet ikkomunikata lill-membri kollha, il-Kummissjoni kienet qalet ċar u tond li fil-każ ta’ Malta (jiġifieri l-Enemed) ma hemm l-ebda ksur ta’ Artikolu 37 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sorveljanza u x’monitoraġġ isir biex l-istandards skont il-kategoriji tad-Djar tal-Anzjani, jinżammu? Fir-rigward ta’ recreational facilities, menu tal-ikel u kumditajiet bħal lifts u airconditioning, hemm numru ta’ djar li hu mistenni ferm aħjar mill-amministrazzjoni tagħhom, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex dawn iżommu mal-obbligi tal-kuntratti li jagħti l-Gvern? Jista’ jgħid ukoll kif jitħarsu d-drittijiet ta’ dawk l-anzjani li qegħdin f’dar residenzjali u jħallsu minn buthom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-liċenzjar tad-djar tal-anzjani skont l-istandards għall-ħarsien tal-kura tal-anzjani jsir mid-Direttorat tal-Istandards tal-Kura tas-Saħħa.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm minn l-IVFs li welldu fis-snin 2015, 2016 u 2017 spiċċaw in-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU), kull sena separatament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar tal-2015 u Ottubru tal-2017 ġew irreġistrati 297 tarbija li twieldu lill-ommijiet li kellhom IVF. Minn dawn 21% ġew ammessi n-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU).
It-tabella ta’ hawn taħt turi l-informazzjoni sena b’sena.
2015
2016
Jan – Oct 2017
Total
Total IVF births
80
122
95
297
% admitted to NPICU
18 %
22%
22%
21%
Din l-informazzjoni tkopri t-twelid kollu f'Malta u Għawdex għal ommijiet li kellhom it-trabi tagħhom permezz tal-IVF, kemm f'Malta kif ukoll barra mill-pajjiż.
NPICU – dewmien għall-kura ta’ tarbija mwielda bl-IVF
Question
Hu fatt li tarbija li titwieled riżultat ta’ IVF jista’ jkollha bżonn in-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU) għax titwieled qabel iż-żmien minħabba li t-tqala titħares bħala precious pregnancy, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid tarbija li titwieled minn IVF, kemm iddum ġimgħat għall-kura fl-NPICU? Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti medja għas-snin 2015, 2016 u 2017 għal kull sena separatament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2015 u l-2017 il-medja ta’ trabi li twieldu permezz tal-IVF li kellhom bżonn il-kura mill-NPICU kienet ta’ 18 il-ġurnata.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3429, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-medja tan-nurse to baby ratio għas-snin 2015, 2016 u 2017 għal kull sena separatament (esklużi l-qwiebel li jmorru għal hands on training)? Jista’ jgħid ma’ liema standard internazzjonali qed iqabbel iċ-ċifri tiegħu d-dipartiment?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nurse to baby ratios stabbilita għas-snin msemmija kienet dejjem l-istess, kif indikata fit-tabella hawn taħt:
Trabi fi bżonn ta’ kura intensiva
1:1
Trabi fi bżonn ta’ kura kritika
1:2
Trabi fi bżonn ta’ kura speċjali
1:4
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet it-turnover tal-infermiera fis-snin 2015, 2016 u 2017 għal kull sena separatament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt fejn qed tindika li kull sena kien hemm żieda fir-reklutaġġ tal-infermiera.
Nurses
2017
2016
2015
Newly recruited
Terminated
Newly recruited
Terminated
Newly recruited
Terminated
198
117
179
112
197
132
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3563 fejn il-kwistjoni ilha għaddejja għal ferm aktar minn sena u d-deċiżjoni ilha li ttieħdet, jista’ l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija u ċjoè: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3409 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kien il-ftehim li sar mal-bejjiegħa tal-monti li kienu jarmaw fit-Tokk Għawdex fi Pjazza Indipendenza, wara li dan l-ispazju tteħdilhom u minflokhom qed jarmaw l-imwejjed tal-ħwienet u r-ristoranti? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm ftehim mal-bejjiegħa kollha u jekk iva x'kien dan il-ftehim u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar ma għamel l-ebda ftehim mal-bejjiegħa tal-monti li kienu jarmaw fit-Tokk Għawdex, fi Pjazza Indipendenza.
FIAU – rapporti lill-Pulizija ta’ money laundering
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3564 dwar ir-rapporti tal-pulizija ta’ Money Laundering, jista’ l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2735 li ngħatat mill-Ministru għall-Finanzi, jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk ir-rapporti tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) li ġew mgħoddija lill-pulizija, u fil-fatt ġew investigati mill-pulizija? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawk ir-rapporti nvestigati ġew konklużi u mressqa l-Qorti għas-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Żona ta’ akwakultura tas-Sikka l-Bajda – screening process
Question
Nirreferi għaż-żona ta’ akwakultura tas-Sikka l-Bajda fin-nofstanhar ta’ Malta li hija żona ODZ marittima u post temporarju li qed jiġi segwit b’monitoraġġ mill-Awtorità tal-Ippjanar, filwaqt li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Agrikoltura qed iħejji analiżi xjentifika f’rapport. Hu fatt li n-numru ta’ gaġeġ tat-ton ilhom li żdiedu ferm aktar minn dak li hu stipulat fil-permess (12) tal-operat u jirriżulta wkoll li ddaħlet pre-screening application biex il-gaġeġ jiżdiedu għal 24 gaġġa. Jista’ l-Ministru jgħid għalkemm dan is-sit hu temporarju? Jista’ jgħid meta kienet l-aħħar darba li sar monitoraġġ f’din iż-żona mill-Awtorità tal-Ippjanar? Jista’ jgħid kif ser jiġi affettwat l-iscreening process ta’ din l-entità fl-ambitu ta’ dan ix-xenarju? L-Awtorità tal-Ippjanar tieħu inkonsiderazzjoni li l-applikant hu reċidiv f’dan ir-rigward?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm ħarġu żewġt permessi temporanji mill-Awtorita’ tal-Ippjanar fiż-żona msemmija, kull tip ta’ monitoraġġ u nfurzar fuq installazjonijiet ta’ akwakultura qed isir mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura, għalhekk nistiednek titlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.
Nirreferi għaż-żona ta’ akwakultura tas-Sikka l-Bajda fin-nofstanhar ta’ Malta li hija żona ODZ marittima u post temporarju li qed jiġi segwit b’monitoraġġ mill-Awtorità tal-Ippjanar filwaqt li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Agrikoltura qed iħejji analiżi xjentifika f’rapport. Huwa nnotat li n-numru ta’ gaġeġ tat-ton żdiedu ferm aktar minn dak li hu stipulat fil-permess (12) tal-operat u jirriżulta wkoll li ddaħlet pre-screening application biex jiżdiedu għal 24 gaġġa. Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal ir-rapport xjentifiku? Jista’ jgħid meta hu l-ħsieb li jitlesta? X’inhuma l-parametri li qed jiġu studjati? X’inhu l-oġġettiv?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm tħejjijiet mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura biex titwaqqaf żona ġdida tal-akkwakultura fil-grigal ta’ Malta, li għandha bżonn studji skont ir-Regolamenti tal-2017 dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali u r-Regolamenti tal-2006 dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali. L-ERA ħarġet it-termini ta’ riferiment sabiex isiru dawn l-istudji.
F’Jannar tal-2018, l-ERA rċiviet id-Deskrizzjoni tal-Proġett għal din il-proposta biex jirduppjaw in-numru ta’ gaġġeġ tat-tonn minn tnax għal erbgħa u għoxrin. Id-deċiżjoni dwar din il-proposta teħtieġ studji skont ir-Regolamenti tal-2017 dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali u r-Regolamenti tal-2006 dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali, bil-għan li jiġu mistħarrġa l-impatti fuq l-ambjent. L-applikant ġie nnotifikat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fis-6 ta' Frar 2018 b’din id-deċiżjoni. Il-proċess għadu fil-bidu tiegħu, u dettalji ulterjuri dwaru jkunu jistgħu jingħataw aktar ‘il quddiem.
Nirreferi għal akwakultura. Jista’ l-Ministru jgħid x’monitoraġġ isir min-naħa tad-dipartiment li kollox hu segwit skont is-sengħa u regolamenti internazzjonali? Il-kwoti tat-ton u l-closed cycle fish għas-sena 2018, baqgħu l-istess bħal 2017? Jista’ jgħid kemm huma għal kull kategorija għas-snin 2017 u 2018?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura jagħmel monitoraġġ regolari fuq il-fish farms. Dan il-monitoraġġ huwa mmirat fuq it-trawwim tal-ħut innifsu. Il-frekwenza tal-kontrolli tvarja wkoll skont it-tip ta’ proċess li jkun qiegħed iseħħ fil-farm partikolari, kif ukoll skont ir-rekwiżiti li joħorġu minn obbligi internazzjonali. Ta’ min jinnota li ċertu proċessi, bħal waqt il-qatla tat-tonn jirrikkjedu l-preżenza kontinwa ta’ Uffiċjali tad-Dipartiment u Osservaturi Reġjonali. M’hemm l-ebda kwota għall-closed cycle fish.
Fir-rigward tal-kwoti tat-tonn, m’hemm l-ebda relazzjoni bejn il-kwota tat-tonn maqbud mid-dgħajjes awtorizzati Maltin u dak li jiġi trasferit fil-
farms
Maltin. Il-kwota tat-tonn
(
Eastern Bluefin Tuna
)
fil-Mediterran żdiedet b’20% mill-2017 għall-2018. Bħala sajjieda Maltin il-kwota awtorizzata għas-sena 2017 kienet ta’ 270,996 Kg u l-kwota għas-sena 2018 hija ta’ 319,440 Kg.
Nirreferi għal Akwakultura tat-tonn. Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il żona offshore għandha? Qatt saru twiddibiet min-naħa tad-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura f’dan ir-rigward?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa hawn żona tal-akkwakultura offshore waħda, li tinstab fix-Xlokk ta’ Malta u nbeda il-proċess sabiex tiġi identifikata żona oħra offshore fil-Grigal ta’ Malta.
Ma kien hemm bżonn ta’ l-ebda twiddiba min-naħa tad-Dipartiment f’dan ir-rigward, minn meta dawn ġew rilokati fiż-żona tal-Akkwakultura.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3428 jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il sodda għandha n-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU)? Waqt il-peak tax-xogħol, dan in-numru jiżdied b’sodod extra? B’kemm l-aktar? Jista’ l-Ministru jagħti l-figuri ta’ kemm żdiedu s-sodod bejn Mejju u Ottubru 2015? Jista’ jagħti l-figuri ta’ kemm żdiedu s-sodod bejn Mejju u Ottubru 2016?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-NPICU hemm 21 sodda/cots għad-dispożizzjoni tal-pazjenti żgħar tagħna. L-average bed occupancy rate kienet ta’ 81% fl-2015 u 87% fl-2016 filwaqt li n-numru ta’ admissions/transfers f’dan il-Unit kien ta’ 449 fl-2015 u 472 fl-2016.