Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prezz tal-petrol

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex hawn Malta l-prezz tal-petrol, qabel il-ħlas tad-dazji u t-taxxi, huwa t-tieni l-għola fl-Unjoni Ewropea, wara dak tad-Danimarka, skont il-Bulletin taż-Żejt ta’ kull Ġimgħa tal-Kummissjoni Ewropea? Dan il-prezz jinkludi l-qliegħ. Jista’ jgħid kemm qiegħda tagħmel qliegħ l-Enemed Company Limited fuq il-petrol? Qegħdin jitħallsu xi commissions? X’inhi r-raġuni li l-prezz tal-petrol hawn Malta huwa ta’ 56.079 ċenteżmi ta’ ewro il-litru qabel id-dazji u t-taxxi, li huwa 6.73 ċenteżmi ta’ ewro aktar mill-medja Ewropea? Hemm xi raġuni għalfejn il-prezz tal-petrol hawn Malta, qabel id-dazji u t-taxxi, huwa kważi 10 ċenteżmi ta’ ewro għola minn dak tar-Renju Unit?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prezz tal-petrol (eskluż il-ħlas tad-dazji u t-taxxi) għandu diversi komponenti li jinkludu: · Il-prezz li jinxtara bih mir-raffineriji jew trading companies skont il-kuntratt li jigi negozjat mill- Procurement Committee . Ta’ min jgħid ukoll li l-prezz tal-petrol jinxtara bid-Dollaru Amerikan. · Ir-rata tal-kambju bejn id-Dollaru Amerikan u l-Ewro. · L-Ispejjeż tal-operat tal-Enemed. · Il-prezz tal-komponent tar- renewable source skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropeja għal Malta biex jintlaħaq ir- Renewables Target. · Il-qliegħ li tagħmel il-kumpanija Enemed. · Il-qliegħ massimu li jagħmlu s-sidien tal-pompi tal- Petrol minn fejn jinbiegħ il-fjuwil. · Il-miżata annwali li titħallas lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma. · U l-ispejjez tas- Security Stock kif obligat li jkollu l-pajjiż. Kif mistenni, l-ikbar komponent fil-prezz finali huwa l-prezz li jinxtara bih il- petrol minn terzi. Dan il-prezz ivarja skont l-istaġuni speċjalment bejn ix-Xitwa u s-Sajf, fejn fis-Sajf, il-prezz jogħla internazzjonalment minħabba d-domanda kbira għalih mis-suq Amerikan. Apparti l-istaġjonalita’, il-prezz jiddependi ħafna ukoll fuq fatturi oħrajn fosthom il-konsum annwali tal-pajjiż, il-kwantitijiet li jiġu ordnati ( ordering patterns ), il-mezz ta’ trasport li bih jasal fil-pajjiż, ir-regjun fejn ikun irid jitwassal u finalment in-numru ta’ kumpaniji li lesti jwasslu l-prodott fil-post fejn ikun meħtieġ. Peress li l-Onor. Interpellant għoġbu jqabbel il-prezz tal- petrol mal-medja Ewropeja u anke speċifikament ma’ dak tar-Renju Unit, skont ir-rapport intitolat ‘’Oil Bulletin Prices History – Consumption Worksheet’’ u li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, Malta għandha l-inqas konsum ta’ Petrol mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropeja, fejn Malta tikkonsma 77 elf tunellata (fl-2016) li jekk tqabblu mar-Renju Unit jiġi 149 darba inqas. Ta’ min jgħid ukoll li l-Enemed għandha l-limitazzjoni ta’ kemm tista’ taħżen Petrol li hu mhux aktar minn sitt ġimgħat. Dan iffisser li d-‘ ’delivery parcels ” irridu jkunu iżgħar minn kemm ekonomikament kumpanija jkun jaqblilha. Barra min hekk, hemm fattur ieħor li huwa l-qies tal-vapuri li jkunu jistgħu jitrakkaw mal-moll biex iħottu l- Petrol , jirristrinġi l-kwantita’ li tkun tista’ tinġarr u tinħatt. Peress li dawn il-kwantitajiet huma żgħar meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra (fejn id-domanda u l-faċilitajiet tal-port huma ħafna ikbar), il-prezz jiġi ogħla. Il-maġġoranza tal-pajjizi fl-Ewropa inkluż ir-Renju Unit mhux neċessarjament jużaw il-baħar biex jittrasportaw il-fjuwils iżda jagħmlu użu minn network ta’ pipelines jew trasport bl-art. Meta tqabbel dawn il-mezzi ta’ trasport mal-baħar, dan huwa l-aktar mezz li jiġi jiswa l-flus. Teżisti differenza ukoll fil-prezz jekk il-fjuwil iridx jitwassal fl-Ewropa Kontinentali jew fil-Mediterran. Fil-fatt, il-prezz li jiġi mixtri bih il- petrol huwa FOB Med (Freight on board) fejn dejjem hemm dak il-“ premium ” aktar milli jkun għal reġjuni oħra fl-Ewropa. Mhux kull kumpanija jew raffinerija taż-żejt lesta li tbiegħ il- petrol li tipproduċi fir-Reġjun tal-Mediterran bil-baħar minħabba l-fatt li kif semmejt qabel, peress li l-ispejjeż għal-kumpaniji jkunu ogħla, ma jkunux kompettitivi biżżejjed b’hekk ħafna minnhom jagħżlu li ma jikkompetux f’dan ir-Reġjun. Huwa proprju għal dawn ir-raġunijiet li semmejt li l-prezz tal- petrol f’ Malta huwa ogħla mill-bqija tal-medja Ewropeja. L-informazzjoni mitluba fir-rigward ta’ kemm l-Enemed qed tagħmel qliegħ minn fuq il- petrol pgħandha valur kummerċjali u sensittiva għal Enemed Co. Ltd. Minħabba f’hekk, l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija. Madanakollu nixtieq inżid li l- mark-up li tagħmel l-Enemed, ilu ma jiġi aġġustat għal dawn l-aħħar 20 sena u dan proprju baqa’ kif kien fi żmien l-Enemalta Corporation. B’riferenza għall-mistoqsija jekk hux qed jitħallsu xi “ commissions ”, ninsab infurmat li l-Kumpanija Enemed la qatt ħallset u l-anqas qatt mhu ser tkun qed tħallas commissions li xi aġenti kemm Maltin kif ukoll barranin. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija fejn qed isir tqabbil mar-Renju Unit, kif diġà spjegajt, il-fatt li d-domanda għal Petrol fir-Renju Unit hija 149 darba aktar minn Malta u wkoll minbarra r-raġunijiet oħrajn li diġà tajt, hi biżżejjed biex il-prezz ikun orħos minn pajjiżna. Ngħalaq billi nippreċiża l-fatt li għalkemm l-impressjoni li tista’ tingħata minn din l-Interpellanza hija li l-konsumatur Malti qed iħallas aktar għal petrol meta mqabbel mal-medja Ewropeja (għax wara kollox il-konsumatur iħallas il-prezz li jinkludi d-dazji u taxxi oħra), il-prezz tal- petrol hawn Malta ilu ta’ l-anqas 15-il xahar orħos minn dak li jħallsu għalih ċittadini oħra fl-Unjoni Ewropeja. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ukoll tabella (Numru 2) fejn jidher ċar li l- policy ta’ stabilita’ li adotta dan il-Gvern qed jibbenefika bil-kbir minnha l-konsumatur Malti.

Enemed – offerti għax-xiri tal-petrol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed tistenna l-Enemed biex tibda tħabbar l-offerti tagħha għax-xiri tal-petrol fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni Ewropea li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, biex issib l-orħos prezz, kif jagħmel il-Kumitat tal-Kuntratti?

Response (MIZZI, JOE)

M’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li diġa’ tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3919 magħmula mill-istess Interpellant.
Leg 13 PQ #5183 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Bank investigat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4609 dwar bank investigat, għalkemm nifhem li l-Ministru jista’ jkollu żball għax l-entitajiet msemmija jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, jekk ma jaqgħux taħt il-Minsiteru tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid taħt liema Ministeru jaqgħu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li l-entità msemmija fil-mistoqsija parlamentari 4609 ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Leg 13 PQ #5172 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Deputati Parlamentari li huma impjegati fis-settur pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4813 u ċjoè: Peress li dan l-aħħar dehru xi rapporti f’sezzjonijiet tal-midja dwar impjiegi mal-gvern u entitajiet pubbliċi barra mis-servizz pubbliku, inkluż il-każ tad-Deputat Parlamentari li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u peress li l-impjieg fis-settur pubbliku huwa regolat b’Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni u li kull impjieg ma’ kull korp stabbilit bil-Kostituzzjoni jew b’xi liġi jew taħt xi liġi oħra, u ma’ kull soċjetà jew korp ieħor li fih il-Gvern ta’ Malta, jew xi korp kif intqal qabel, ikollhom sehem biżżejjed biex jikkontrollaw jew li fuqu jkollhom kontroll effettiv, għandu, kemm-il darba dak id-dħul ma jkunx sar wara eżami pubbliku li jkun ġie avżat kif imiss, isir permezz tas-servizz għall-impjegar (jiġifieri Jobs Plus jew l-ekwivalenti tiegħu fil-passat), jista’ l-Prim Ministru jgħid: 1) min huma dawk id-deputati eletti fil-Parlament li sal-jum tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija huma impjegati fis-settur pubbliku u/jew li qed joffru servizzi ta’ konsulenza b’kuntratt lill-istess settur pubbliku, fit-tliet kategoriji msemmija (a) Dipartimenti tal-Gvern, (b) Korpi Pubbliċi jew Awtoritajiet u (ċ) kumpaniji kummerċjali fejn il-gvern għandu l-kontroll effettiv; 2) meta kienu ingaġġati dawn id-deputati fis-servizz pubbliku jew entitajiet fuq imsemmija u b’liema metodu msemmija fil-Kostituzzjoni; 3) x’kuntratt ta’ impjieg/servizz għandhom dawn id-deputati kif ukoll id-dħul gross annwali tagħhom; u 4) x’inhi l-kariga u grad li jokkupaw illum?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #5173 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Skemi ta’ kumpens mogħtija mill-Gvern

Question

B’referenza għall-iskemi ta’ kumpens li ngħataw fl-2017 mill-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni involuti f’kull grupp: Pulizija, Electricity Board, Dirgħajn il-Maltin, Pijunieri tax-Xatt u Sea Malta? Għal kull grupp jista’ l-Ministru jgħid ma’ min sar il-ftehim għall-kumpens ta’ kull grupp? Ma’ min ġie miftiehem kull ftehim li sar? Liema hi l-entità li aċċettat il-ftehim f’isem kull grupp? Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern wasal għall-ammont ta’ flus li ser jingħata lil kull individwu f’kull grupp?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Skemi ta’ kumpens mogħtija mill-Gvern

Question

B’referenza għall-iskemi ta’ kumpens li ngħataw fl-2017 mill-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni involuti f’kull grupp: Pulizija, Electricity Board, Dirgħajn Il-Maltin, Pijunieri tax-Xatt u Sea Malta? Għal kull grupp jista’ l-Ministru jgħid ma’ min sar il-ftehim għall-kumpens ta’ kull grupp? Ma’ min ġie miftiehem kull ftehim li sar? Liema hi l-entità li aċċettat il-ftehim f’isem kull grupp? Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern wasal għall-ammont ta’ flus li ser jingħata lil kull individwu f’kull grupp?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Gvern ma kellu u m’għandu ebda obbligi legali, kuntrattwali jew xort’oħra mal-gruppi imsemmija minnu. Minkejja dan, il-Gvern pero` ħass illi kellu jindirizza dawn it-talbiet mingħajr ebda rabta ma’ ħadd. In-numru ta’ persuni li bbenefikaw huwa kif ġej: Korpi (inkluż Pijunieri u Dirgħajn il-Maltin)- 2781 Pulizija - 2440 Tax-Xatt - 634 Malta Electricity Board - 270
Leg 13 PQ #5175 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skemi ta’ kumpens mogħtija mill-Gvern

Question

B’referenza għall-iskemi ta’ kumpens li ngħataw fl-2017 mill-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni involuti f’kull grupp: Pulizija, Electricity Board, Dirgħajn Il-Maltin, Pijunieri tax-Xatt u Sea Malta? Għal kull grupp jista’ l-Ministru jgħid ma’ min sar il-ftehim għall-kumpens ta’ kull grupp? Ma’ min ġie miftiehem kull ftehim li sar? Liema hi l-entità li aċċettat il-ftehim f’isem kull grupp? Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern wasal għall-ammont ta’ flus li ser tingħata lil kull individwu f’kull grupp?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5174.

By-pass tal-Mellieħa

Question

B’referenza għal by-pass tal-Mellieħa li hija triq traffikuża u li tintuża kemm mill-Maltin u mill-Għawdxin, jista’ l-Ministru jispjega għal-liema raġuni Transport Malta qed tiġġustifika li din il-by pass għandha tidjieq? Jista’ jispjega għalfejn la triq tkun ser tidjieq għalfejn jissejjaħ upgrade? Ser tkun qed tittieħed art li hi protetta bħal Natura 2000 biex tagħmel tajjeb għal din it-triq hekk kif tikser għat-triq tal-Miżieb? Jista’ jispjega għalfejn inħass il-bżonn li tingħata art pubblika (it-triq) lill-iżviluppatur? X’qegħdin jiggwadanjaw il-Maltin minn hekk?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bypass tal-Mellieħa (Triq Louis Wettinger) ser tibqa' bl-istess ammont ta' korsiji li għandha bħalissa, jiġifieri tnejn f'kull direzzjoni. Il-pjanijiet li ftit tal-jiem ilu ħabbart wara li ppreżentajthom lill-Kunsill Lokali Mellieħa juru biċ-ċar kif din it-triq ser tiġi upgraded sabiex tkun iddisinjata aħjar, b'inqas riskji ta' aċċidenti u b'faċilitajiet għal dawk li jużaw ir-roti. Nista' nikkonferma li fid-disinn il-ġdid ta' din it-triq mhux biss ser tibqa' b'erba' korsiji, tnejn f'kull direzzjoni, iżda ser tiġi attrezzata b'diversi mi¿uri li jnaqqsu r-riskji ta' aċċidenti, fosthom sistema ta' dwal biex ma jibqax imdallam, crash barriers ġodda fit-truf tat-triq u anke crash barriers fin-nofs, bejn il-karreġġjati f'direzzjonijiet opposti. Fl-istess waqt, ser titjieb ukoll il-konnessjoni bejn dan il-Bypass u t-triq tal-Miżieb, kif ukoll f'waħda mill-junctions li tgħaqqad uħud mit-toroq residenzjali mal-Bypass. Din il-ħidma, li ser tibda fil-ġimgħat li ġejjin, tfisser investiment ta' madwar €2 miljun, sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f'pajji¿na. B'hekk inkunu dawwarna sfida li kienet se twassal għal diffikultajiet għal dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi, għal opportunità sabiex ikollna triq ewlenija oħra mibnija mill-ġdid b'aktar kwalità, effiċjenza u sigurtà. Il-pjanijiet għad-disinn mill-ġdid tal-Bypass tal-Mellieħa (Triq Louis Wettinger), imfassla snin ilu, kienu jinkludu l-estensjoni ta’ Triq l-Iżbark tal-Franċiżi, triq residenzjali eżistenti li bħalissa ma tinfidx, sabiex tingħaqad ma’ triq residenzjali oħra, Triq il-Mitħna l-Qadima, u ssir aktar aċċessibbli. L-art bejn dawn iż-żewġ toroq, fejn qabel kien hemm żewġ barrieri, hija żona tal-iżvilupp għall-bini residenzjali. Din l-art tinkludi wkoll is-sit fejn bħalissa qed jinbnew l-appartamenti. Dawn il-pjanijiet oriġinali kienu jinkludu wkoll it-tneħħija ta’ waħda mill-erba’ korsiji tal-Bypass bħala miżura ta’ sigurtà. Dan it-tnaqqis ma kienx marbut mal-estensjoni ta’ Triq l-Iżbark tal-Franċiżi iżda ma limitazzjonijiet tekniċi f’parti oħra tal-istess Bypass. Fil-fatt, partijiet oħra ta’ dan il-Bypass kif ukoll partijiet oħra tar-rotta bejn il-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa, diġa ġew imċekkna għal tliet jew żewġ korsiji minn amministrazzjonijiet preċedenti, meta nbnew mill-ġdid bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. It-triq residenzjali li bħalissa qed tinbena mill-iżviluppatur tal-appartamenti fis-sit fejn qabel kien hemm waħda mill-barrieri m’hijiex triq privata iżda triq residenzjali pubblika li tifforma parti mill-estensjoni ta’ Triq l-Iżbark tal-Franċiżi. Meta ngħata l-permessi għall-iżvilupp tal-appartamenti, l-iżviluppatur intalab ukoll jifforma l-parti ta’ din it-triq residenzjali li tmiss mal-bini tiegħu. Il-kumplament tat-triq, sal-parti eżistenti ta’ Triq l-Iżbark tal-Franċiżi, ser tinbena meta l-artijiet ta’ maġenbha jiġu żviluppati mis-sidien tagħhom. Ftit tal-ġimgħat ilu, tlabt lil Transport Malta tqis mill-ġdid il-pjanti oriġinali għall-bini mill-ġdid tal-Bypass, bl-għan li t-triq tibqa’ b’erba’ korsiji. Fil-fatt, wara li l-pjanti tat-triq ġew riveduti, il-periti tal-Awtorità kkonfermaw li l-Bypass tista’ tiġi mtejba sabiex ikollha diversi miżuri ta’ sigurtà mingħajr ma tidjieq għal tliet korsiji. Il-pjanti tekniċi ta’ dan it-tibdil ġew ippreżentati lill-Kunsill Lokali Mellieħa waqt laqgħa li għaliha stidint il-kunsillieri lokali kollha ta' din il-lokalità fil-jiem li għaddew.

Planning Authority – teħid ta’ parti tal-by-pass tal-Mellieħa

Question

Nirreferi għall-permess li ngħata mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) minn wara dahar kulħadd biex l-iżviluppatur jieħu parti mill-by-pass tal-Mellieħa bil-barka ta’ Transport Malta. Peress li kull permess li tagħti l-PA joħroġ subject to third party rights, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn li l-gvern ma oġġezzjonax? Taħt liema proċedura sar dan it-trasferiment ta’ art pubblika lill-privat?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li biex titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari hemm bżonn tan-numru tal-applikazzjoni.
Leg 13 PQ #4813 Sitting 95 2018-03-20 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Deputati Parlamentari li huma impjegati fis-settur pubbliku

Question

Peress li dan l-aħħar dehru xi rapporti f’sezzjonijiet tal-midja dwar impjiegi mal-gvern u entitajiet pubbliċi barra mis-servizz pubbliku, inkluż il-każ tad-Deputat Parlamentari li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u peress li l-impjieg fis-settur pubbliku huwa regolat b’Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni u li kull impjieg ma’ kull korp stabbilit bil-Kostituzzjoni jew b’xi liġi jew taħt xi liġi oħra, u ma’ kull soċjetà jew korp ieħor li fih il-Gvern ta’ Malta, jew xi korp kif intqal qabel, ikollhom sehem biżżejjed biex jikkontrollaw jew li fuqu jkollhom kontroll effettiv, għandu, kemm-il darba dak id-dħul ma jkunx sar wara eżami pubbliku li jkun ġie avżat kif imiss, isir permezz tas-servizz għall-impjegar (jiġifieri Jobs Plus jew l-ekwivalenti tiegħu fil-passat), jista’ l-Prim Ministru jgħid: 1) min huma dawk id-deputati eletti fil-Parlament li sal-jum tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija huma impjegati fis-settur pubbliku u/jew li qed joffru servizzi ta’ konsulenza b’kuntratt lill-istess settur pubbliku, fit-tliet kategoriji msemmija (a) Dipartimenti tal-Gvern, (b) Korpi Pubbliċi jew Awtoritajiet u (ċ) kumpaniji kummerċjali fejn il-gvern għandu l-kontroll effettiv; 2) meta kienu ingaġġati dawn id-deputati fis-servizz pubbliku jew entitajiet fuq imsemmija u b’liema metodu msemmija fil-Kostituzzjoni; 3) x’kuntratt ta’ impjieg/servizz għandhom dawn id-deputati kif ukoll id-dħul gross annwali tagħhom; u 4) x’inhi l-kariga u grad li jokkupaw illum?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Sigħat ta’ xogħol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi n-numru ta’ sigħat li ħadem fix-xahar, maqsuma xahar b’xahar, mill-bidu tal-kuntratt tal-impjieg tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mingħajr ma jsir ksur tal-liġi tal-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll jirrispondi jekk is-servizz li jingħata lill-post tax-xogħol tal-individwu jiġix mogħti minn persuni oltre f’isem din il-persuna, u kemm taw siegħat xogħol fix-xahar, xahar b’xahar, mill-bidu tal-2017 ‘il-quddiem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti iżomm biss l-attendenzi sa sentejn minn meta jkunu ġew iffirmati. Għaldaqstant l-Kunsill jixtieq jgħarraf li l-individwu li d-dettalji tiegħu ingħataw separament ħadem skond kif inhu stipulat fil-kuntratt tax-xogħol tiegħu. Jien ngħarraf ukoll li x-xogħol tal-individwu ma ngħatax minn persuni oħra f’isem l-individwu mill-2017 –il quddiem.

Baħrija – ir-Ropp – katusi miżduda

Question

Nirreferi għall-inħawi ta’ Ir-Ropp (Ras ir-Raħeb) il-Baħrija u l-ġibjun tal-ilma. Il-katusi li jilqgħu l-ilma ilhom miżduda bil-ġebel żmien, u f’xitwa sħiħa minkejja l-ilmenti li saru ma ġewx irranġati. L-ilma tal-ġibjun li jintuża bejn il-bdiewa fis-sajf jidher li mhux ser jinġabar. Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm biex il-katusi miżduda bil-ġebel jinbidlu? Jista’ jgħid meta għandu jinbeda dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt dan l-ilment lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura biex jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji.

Sptar Mater Dei – PET Scan

Question

B’referenza għal użu tal-PET Scan tal-Isptar Mater Dei, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a. kemm ibbenefikaw pazjenti mill-użu tiegħu fis-sena 2017; b. kemm ibbenefikaw pazjenti mill-użu tiegħu sal-aħħar ta’ Frar 2018; c. kemm-il darba fis-sena 2017 u f’Jannar u Frar ta’ din is-sena ġie kkuntratjat xogħol privat; u d. kemm-il darba l-PET Scan ġarrab ħsarat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ PET scans li saru huwa kif mniżżel hawn taħt. Numru ta’ PET scans li saru 2013(Ott-Diċ) 126 2014 935 2015 1194 2016 1589 2017 1686 Kien hemm tlettax-il sessjoni fis-sena 2017 fi sptarijiet privati f’Malta. Dawn is-sessjonijiet fil-privat ma jsirux bilfors għax il-PET scanner f’Mater Dei ikun bil-ħsara imma biex l-ammont limitu ta’ tracer radjuattiv li jkun inġib Malta jintuża bl-aħjar mod għal benefiċċju tal-pazjenti tagħna. Il- PET scanner indikat kellu medja ta’ 14.7 il-ġurnata fis-sena, f’dawn l-aħħar tlett snin, taħt manutenzjoni ġeneralment preventiva.

Ħruġ ta’ permess biex tobba jipparkjaw b’urġenza fejn mhux suppost

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux jinħareġ permess biex tobba tal-familja jkunu privileġġatti biex ikunu jistgħu jipparkjaw b’urġenza f’postijiet fejn mhux suppost, waqt ħidmiethom b’visti fid-djar ta’ pazjenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kull meta saru talbiet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinħarġu permessi lit-tobba biex ikunu jistgħu jipparkjaw waqt visti għand pazjenti, f’ċirkustanzi kif deskritti mill-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati u joħorġu l-permessi.

Urology Outreach Service

Question

B’referenza għall-Urology Outreach Service fil-komunità, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a. kif inhi l-proċedura għall-applikazzjoni ta’ dan is-servizz; b. f’kemm żmien jinqeda pazjent minn meta jissejjaħ għas-servizz; c. kemm ibbenefikaw pazjenti fis-sena 2017; d. kemm saru visti fis-sena 2017; e. kemm hi l-lista ta’ stennija; u f. kemm hemm ħaddiema kwalifikati f’dan il-qasam?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz għall-Urology Outreach Service fil-komunità jintalab permezz ta’ referral minn professjonisti skont parametri indikati. L-appuntamenti jsiru skont l-indikazzjoni klinika u l-maġġoranza assoluta tal-pazjenti jingħataw appuntament fi żmien ġimgħatejn minn dak indikat fuq ir-referral ticket. Matul l-2017 ibbenefikaw 2,682 pazjenti u saru 559 visti fid-djar.

Importazzjoni tal-petrol għas-suq lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm importaw petrol l-aġenti lokali tal-kumpaniji barranin taż-żejt għas-suq lokali f’dawn l-aħħar 5 snin, sena b’sena? Jista’ jgħid min kienu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma joħroġ awtorizzazzjonijiet lill-importaturi li jirrilaxxaw l-karburanti għall-konsum fis-suq intern tal-karburanti liema awtorizzazzjonijiet jinħarġu taħt ir-Regolamenti dwar il-Petroleum fis-Suq tal-Karburanti bl-Ingrossa fuq l-Art, l-Ibbottiljar tal-LPG u l-Faċilitajiet tal-Ħżin Primarji. L-Aġenti lokali tal-kumpaniji barranin taż-żejt ma humiex regolamentati mir-Regolatur sakemm dawn ma jimpurtawx karburant fis-suq intern.

Faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol għas-suq lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol għas-suq lokali li jistgħu jagħmlu użu minnhom l-aġenti lokali tal-kumpaniji barranin taż-żejt? Kemm jesgħu kull waħda minn dawn il-faċilitajiet, u fejn qegħdin? Liema aġenti lokali tal-kumpaniji barranin taż-żejt għamlu użu minn dawn il-faċilitajiet għas-suq lokali f’dawn l-aħħar 5 snin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suq huwa kompletament liberalizzat u m’hemm xejn xi jżomm lil aġenti jew kumpaniji kemm lokali kif ukoll barranin milli jagħmlu l-investimenti neċessarji biex ikollhom il-ħażna tal-petrol u l-bejgħ bħal ma jiġri f’kull investiment ieħor. L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li biex wieħed ikollu ħażna tal-petrol, l-uniku pre-rekwiżit/investiment neċessarju, għad-diffrerenza tal-ħażna tad-diesel, huwa li jrid ikollok ‘’Vapour Recovery Unit’’ addattat għal-volum ta’ ħażna ta’ petrol li wieħed ikollu. Għaldaqstant, kull min bħalissa qed jaħżen id- diesel jista’ faċilment jaqleb is-sistema sabiex isir il-ħażna il- petrol wara li jkun sar l-investiment neċesseraju. Ta’ min jgħid ukoll li l-pompi tal- petrol kollha għandhom dan it-tip ta’ apparat, fejn għaldaqstant joħroġ ċar li jekk wieħed irid jinvesti fil-ħażna tal- petrol , kull ma jrid jagħmel huwa nvestiment fil-bini ta’ tankijiet u l- Vapour Recovery Unit . Ninsab infurmat li lokalment bħalissa hawn żewg kumpaniji fejn attwalment tista’ ssir il-ħażna tal- petrol . Madankollu u kif diġa spjegajt, il-ħażniet kollha li hawn f’Malta għad-diesel, jistgħu jiżdiedu faċilment minħabba l-fatt li dawn jistgħu jiġu konvertiti għal-ħażna tal- petrol . B’hekk, jekk xi ħadd huwa nteressat li jibda jimporta l-petrol, kull ma jrid jagħmel huwa li jinvesti fl-apparat u l-makkinarju neċessarju sabiex dan ikun jista’ jsir.
Leg 13 PQ #4607 Sitting 92 2018-03-12 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Accountants investigati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Accountancy Board hux kostitwit? Jista’ jgħid min huma l-membri? Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-accountants li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament u li kienu fl-aħbarijiet li rreżenjaw mill-Institute of Accountancy għax kienu nbdew proċeduri dixxiplinarji, ġewx investigati mill-Accountacy Board?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Accountancy huwa kostitwit skont il-liġi u huwa magħmul minn Chairman u sitt membri oħra, li kollha ma jipprattikawx u li għandhom għarfien fl-oqsma rilevanti tal-awditjar statutorju u l-accounting.Il-membri fuq il-Bord huma: Chairman Mr Peter Baldacchino, MPhil (Lough), FCCA, FIA, CPA, CSA Members Mr Benjamin Rizzo, ACMA, FIA, CPA Mr Mario P. Galea, FCCA, FIA, CPA Dr Desiree Cassar, BA, LLD, Dip.Tax Mr Paul Grech, BA (Hons) Accty, FIA, CPA Ms Christine Bartolo Perici, B.Com (Hons) Econ, MA Econ Mr John Sammut, BA (Hons) Accty, MA Fin Serv, ACIB, CPA, FIA Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 2188.

Żgħażagħ ta’ 16-il sena – drittijiet għad-dritt tal-vot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi preparamenti qed jitħejjew biex żgħażagħ li jkunu ser jagħlqu 16-il sena jkunu edukati f’materji dwar id-drittijiet tagħhom li jinkludu suġġetti bħad-dritt tal-vot?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel hemm numru ta’ miżuri li ġa qegħdin isiru u oħrajn li se jibdew isiru fis-snin li ġejjin. Ħarġet ċirkulari fejn l-għalliema tal-Form 5 tal-PSCD intalbu jagħtu l-fehma tagħhom mill-Uffiċjali Edukattivi tal-PSCD dwar kif jaħsbu li t-tema tal-‘Vot ta’ 16-il Sena, Dmirijiet u Drittijiet’ għandha tiġi mgħallma fil-klassi. Fil-klassijiet tal-Primarja, fit-3, 4, 5 u 6 sena, fil-PSCD, l-għalliema jiddiskutu s-suġġett tal-elezzjonijiet u l-proċess demokratiku meta l-istudenti jitħejjew għall-elezzjonijiet tal-kunsilli tal-istudenti. L-istudenti jkunu mħeġġa joħorġu bħala kandidati, jippreparaw diskors, jitkellmu quddiem sħabhom fil-klassi jew fil-hall, u jippreparaw posters. L-istudenti jkunu mħeġġa jirriflettu dwar id-dmirijiet bħala votanti, dwar jekk il-kandidati tal-kunsill preżenti għandhomx jerġgħu jiġu eletti jew le. Il-proċess tal-elezzjoni tal-kunsill tal-istudenti jsir permezz ta’ karti tal-vot, kaxxa tal-vot, studenti li jgħoddu l-voti u l-bqija. Il-kunsilli tal-istudenti huma mħeġġa jżommu l-minuti tal-laqgħat tagħhom. F’xi skejjel dan il-kunsill tal-istudenti jiġi amalgamat mal-kunsill tal-istudenti tal-EkoSkola. Fl-iskejjel sekondarji, tiġi diskussa t-tema tal-voluntieri li jersqu ‘l quddiem sabiex jiġu eletti fil-kunsill. Għas-sena skolastika li jmiss, permezz tar-reviżjoni tas-sillabi tal-PSCD u l-Istudji Socjali se jiġi implimentat programm ta' edukazzjoni ċivika. Fl-Istudji Soċjali se jiġu diskussi diversi temi li jispjegaw fuq il-vot. Fil-Forms 1 u 2, tiġi diskussa x'inhi demokrazija, tipi ta' gvern, gvern lokali u gvern ċentrali. Fil-Forms 3, 4 u 5 fl-option tal-Istudji Soċjali, tiġi diskussa t-tema taċ-ċittadin u l-komunità lokali, il-politika u l-Ewropa.
Leg 13 PQ #4609 Sitting 92 2018-03-12 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Bank investigat

Question

Peress li ġie mħabbar li l-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jiġi investigat minn awtoritajiet fil-Lussumburgu minħabba ħasil ta’ flus, jista’ l-Ministru jgħid xi due diligence sar meta ġie aċċettat dan il-bank meta kien magħruf li ċertu pajjiżi Ewropej kienu qed jinvestigaw wieħed mis-sidien tal-bank? Jista’ jgħid meta l-aħħar saret spezzjoni fuq dan il-bank mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) u kemm-il darba saret spezzjoni għal kull sena, waħda wara l-oħra, mis-sena 2014?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.