Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skemi ta’ kumpens mogħtija mill-Gvern

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5174 ninnota li fir-risposta ssemma’ l-fatt li “l-Gvern ma għandu l-ebda obbligu legali, kuntrattwali jew xort’ oħra mal-gruppi msemmija. Imma skont kif ġie rraportat online mill-gazzetta Malta Today tal-20 t’April 2018, https://www.maltatoday.com.mt/news/national/86145/government_to_continue repaying_police_officials_port_workers_for_past_injustices#.Wtn1v8i-l2U, waqt Konferenza Stampa li ngħatat nhar it-Tnejn 16 t’April, mill-Ministru għall-Finanzi u minnu bħala Ministru għal Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, waqt intervista li saret lill-Ministru Scicluna, huwa stqarr li l-gvern ammetta l-iżball li sar fl-1978. Għaldaqstant huwa obbligat li jħallas dak dovut, jiġifieri l-pensjoni tat-teżor? Il-Ministru ma jidhirlux li dan hu kontraditorju ta’ dak li ġie mogħti bħala tweġiba f’mistoqsija parlamentari 5174?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru ikkonċernat. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, m’hemm xejn aktar x’inżid mar-risposta li diġa tajt, għall-mistoqsija parlamentari 5174.
Leg 13 PQ #5403 Sitting 106 2018-04-30 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Skemi ta’ kumpens mogħtija mill-Gvern

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5173, għall-konferenza stampa li ngħatat fis-16 ta’ April 2018 u għall-intervista li l-Ministru għat-Turiżmu ta lill-ġurnalisti tal-Malta Today li dehret online fuq https://www.maltatoday.com.mt/news/national/86145/government_to_continue_repaying_police_officials_port_workers_for_past_injustices#.Wtn1v8i-l2U, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx li l-ħaddiema tal-Ex Korpi għandhom dritt għal dak li ġie mċaħħad lilhom fis-sena 1978? Dan id-dritt ser jingħata lil dawn il-ħaddiema mill-Ministeru? Jiġifieri l-allokazzjoni tal-fondi neċessarji ser jingħataw mill-Ministeru tal-Politika Soċjali?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Planning Authority – teħid ta’ parti tal-by-pass tal-Mellieħa

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5177 u għan-numru tal-permess PC46/13 li ngħata mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) biex l-iżviluppatur jieħu parti mill-by-pass tal-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid: a) peress li l-permess joħroġ subject to third party rights , jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-gvern ma oġġezzjonax? b) Taħt liema ftehim u b’liema mod din is- service road spiċċat tinbena mill-privat? Jista’ jqiegħed kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5153 fis-Seduta 103.
Leg 13 PQ #5405 Sitting 106 2018-04-30 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bank investigat

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4609 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li ġie mħabbar li l-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jiġi investigat minn awtoritajiet fil-Lussumburgu minħabba ħasil ta’ flus, jista’ l-Ministru jgħid xi due diligence sar meta ġie aċċettat dan il-bank meta kien magħruf li ċertu pajjiżi Ewropej kienu qed jinvestigaw wieħed mis-sidien tal-bank? Jista’ jgħid meta l-aħħar saret spezzjoni fuq dan il-bank mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) u kemm-il darba saret spezzjoni għal kull sena, waħda wara l-oħra, mis-sena 2014?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ċertifikati tal-mewt

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3022 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn jistgħu jinsabu u jinġiebu ċertifikati tal-mewt li jkunu tas-seklu 19 (madwar is-snin 1880)?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

My Health – reġistrazzjoni ta’ pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni meta pazjenti jirreġistraw fil-My Health ma jkunux jistgħu jirreġistraw taħt aktar minn tabib wieħed? F’każ ta’ group practice li hu rikonoxxut u fejn il-prattika hi bi sħab, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-pazjenti ma jistgħux jirreġistraw mat-tobba bħala grupp?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-myHealth ma jinvolvix proċess ta’ reġistrazzjoni. Biex wieħed jaċċedi għas-servizz, kull m’għandu bżonn huwa l-password tal-e-ID. Nissoponi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-faċilità fil-myHealth li biha pazjent jitlob lil tabib biex jillinkja miegħu permezz tal-myHealth, u b’hekk it-tabib ikun jista’ jara r-records tal-pazjent online. Il-pazjent jista’ jibgħat rikjesta lil iżjed minn tabib wieħed, mingħajr limitu fin-numru. Din ir-rikjesta tiffunzjona bħala għoti ta’ kunsens taħt il-liġi tal-protezzjoni tad-data, u għal din ir-raġuni issir ma’ kull tabib individwalment.
Leg 13 PQ #5221 Sitting 103 2018-04-23 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Isle of MTV – data personali għal xiri ta’ biljetti

Question

Peress li ġie rraportat li biex jinxtraw biljetti biex persuna tattendi l-event tal-Isle of MTV, trid tagħti d-data personali tagħha, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni dwar din il-miżura? Ma jaħsibx li dan jista’ joħloq lok ta’ abbuż mid-data miġbura? Jista’ jgħid min ser ikun kustodju ta’ din id-data? X’miżuri ser jittieħdu biex din id-data ma taqax f’idejn li jistgħu jabbużaw minnha għal statistika elettorali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ippermettili ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-domanda hija fattwalment skorretta għax l-avveniment kien u għadu bla ħlas. Nixtieq ukoll nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-termini u kundizzjonijiet li diġa’ tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn ixejnu kull dubju li tqajjem fuq dan l-avveniment pubbliku.

Persuni li jokkupaw kariga ta’ diplomatiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk il-persuni li bħalissa jokkupaw kariga ta’ diplomatiċi u fil-fatt huma appuntati fuq bażi politika mingħajr il-kwalifika? Bħalissa kemm hemm diplomatiċi kwalifikati, u li huma maħtura f’ambaxxati?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

Standards ta’ Djar tal-Anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif jinqasmu l-kategoriji dwar l-istandards ta’ djar tal-Anzjani? Jista’ jgħid x’inhuma l-kriterji li jiddefinixxu kategorija ta’ standards? Jista’ jekk jogħġbu l-Ministru jikklassifikahom u jsemmi kull dar residenzjali? X’monitoraġġ isir biex l-istandard jinżamm?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-djar tal-anzjani huma kklassifikati bħala tal-gvern; tal-privat u tal-knisja. Biex dawn jiġu lliċenzjati, id-djar kollha jiġu spezzjonati minn tal-inqas darba fis-sena mid-Direttorat għall-istandards fil-kura tas-saħħa li jaqa’ taħt is-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika. Minn din s-sena dawn l-ispezzjonijiet bdew isiru għal għarrieda biex wieħed ikun jista' jsir jaf aktar x’inhuma l-prattiċi normali. Qabel ma tinħareġ l-liċenzja jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet imposti jkunu saru. Analiżi ta’ riskju jiddetermina jekk tkunx meħtieġa spezzjoni oħra. Spezzjonijiet oħra jsiru fis-sajf kif ukoll fix-xitwa biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm konsegwenzi b’temperatura baxxa jew għolja ħafna. Id-Direttorat jirċievi numru ta’ lmenti minn individwi, pazjenti kif ukoll minn Ministeri oħra. Dawn jiġu nvestigati b’mod immedjat, u fejn hemm bżonn issir spezzjoni fi żmien 3 ijiem. F'ċerti każijiet u fejn jinħass l-bżonn l-maniġment jiġi msejjaħ biex jattendi għal-laqgħa li tinżamm fid-Direttorat. Il-kwestjonarju li jintuża waqt l-ispezzjonijiet jirreflettu l-istandards minimi għad-djar tal-anzjani ppubblikati fl-2015 iżda aspetti oħra jiġu ndirizzati bħal per eżempju intervisti mal-pazjenti nfushom u seminars li jiġu organizzati mid-Direttorat b’mod regolari biex l-impjegati u l-management jiġi nfurmat bi prattiċi tajba li jissalvagwardjaw is-saħħa tar-residenti. Għall-ismijiet tad-djar illiċenzjati jista’ jirreferi għal-website ta’ dan id-Direttorat li tiġi aġġornata b’mod regolari. Ninfurmah ukoll illi l-kategoriji dwar l-istandards ta’ djar tal-Anzjani jinqassmu kif ġej: Standard 1 - Informazzjoni Standard 2 - Kuntratt Standard 3 – Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet Standard 4 – Issodisfar Kontinwu tal-Ħtiġijiet Standard 5 – Żjarat bi Prova KAPITOLU 2 – Kura tas-Saħħa u Kura Personali Standard 6 – Pjan ta’ Kura Individwali tal-Persuna Residenti Standard 7 – Kura tas-Saħħa Standard 8 - Medikazzjoni Standard 9 - Privatezza u Dinjità Standard 10 – Waqt il-Mewt u Wara KAPITOLU 3 – Ħajja ta’ Kuljum u Attivitajiet Soċjali Standard 11 – Kuntatti u Attivitajiet Soċjali Standard 12 – Programm ta’ attivitajiet u avvenimenti Standard 13 – Kuntatt mal-Komunità Standard 14 – Awtonomija u Għażla Standard 15 – Ikliet u Ħinijiet tal-Ikel Standard 16 - Ilmenti Standard 17 - Drittijiet Standard 18 - Protezzjoni KAPITOLU 5 - L-Ambjent Standard 19 - Binjiet Standard 20 – Faċilitajiet Komuni Standard 21 - Toilets u Faċilitajiet għall-Ħasil Standard 22 – Adattamenti u Tagħmir Standard 23 – Akkomodazzjoni Individwali: Rekwiżiti ta’ Spazju Standard 24 – Alloġġ Individwali: Għamara u Attrezzar Standard 25 - Servizzi: Tisħin u Dawl Standard 26 - Servizzi: Iġjene u Kontroll tal-Infezzjonijiet KAPITOLU 6 - Ingaġġ ta’ Staff Standard 27 – Skjerament ta’ Staff Standard 28 - Kwalifiki Standard 29 - Reklutaġġ Standard 30 – Taħriġ ta’ Staff KAPITOLU 7- Maniġment u Amministrazzjoni Standard 31- Ħidmiet ta’ kuljum Standard 32 - Etika 36 Standard 33 - Garanzija tal-Kwalità Standard 34 - Proċeduri Finanzjarji Standard 35 - Flus ir-Residenti Standard 36 - Superviżjoni tal-Istaff Standard 37 - Żamma ta’ Rekords Standard 38 - Prattiċi tax-Xogħol Sikuri

SVPD — anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani f’djar residenzjali privati? Jista’ jgħid kemm hemm anzjani fir-Residenza Saint Vincent de Paule (SVPD)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm total ta’ 1,093 anzjan u anzjana residenti ġewwa ir-Residenza San Vinċenz de Paule, li minnhom, 340 huma residenti rġiel u 753 li huma residenti nisa. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni dwar kemm hemm anzjani fi djar residenzjali privati tin¿amm mid-Direttorat tal-Istandards tal-Kura tas-Saħħa. Madanakollu, ninforma lill-Onor. Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità għandu total ta’ 1,237 sodda mixtrija ġewwa residenzi privati.
Leg 13 PQ #5225 Sitting 103 2018-04-23 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Miżura tal-budget — intrapriża ta’ familja meta tiġi mgħoddija lill-wild

Question

B’referenza għall-miżura tal-budget meta intrapriża ta’ familja tiġi mgħoddija lill-wild, ser tibbenifika mit-tnaqqis ta’ transfer duties minn 5% għal 1.5%, liema miżura tagħlaq fit-30 ta’ Settembru 2018, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni ta’ dan il-limitu fi żmien? Dan iż-żmien ser jerġa’ jitwal f’budget li jmiss?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-benefiċċju msemmi ngħata għall-perjodu ta' sena li iżda ġie estiż b'sitt xhur. M'hemmx ħsieb li dan il-perjodu jiġi estiż aktar.

Ħruġ ta’ permess biex tobba jipparkjaw b’urġenza fejn mhux suppost

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4817 dwar tobba tal-familja li jaħdmu fil-komunità, li jinkludu tobba li jaħdmu mal-gvern fiċ-Ċentri tas-Saħħa, dawn ikunu jistgħu jitolbu permess speċjali mill-Kummissarju tal-Pulizija biex waqt visti fid-djar, jipparkjaw f’żoni li mhux suppost tipparkja fihom, imma qed jirriżulta lil-LESA ma tirrikonoxiex il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Uffiċċjal tal-Komunità xorta qed iħarrek lit-tobba. Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni ta’ dan l-għemil? Jista’ jgħid jekk din is-sitwazzjoni tistax tirrimedja ruħha u jkun hemm uniformità fiċ-ċitazzjonijiet li jingħataw mill-Pulizija u l-Uffiċċjal tal-Komunità f’dan ir-rigward?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Uffiċjal tal-Kommunita’ (Gwardjan Lokali) jirrikonixxi l -Permess tal-Pulizija mgħoti lit-tobba u dawn il-kazi ma jiġux infurzati. Sfortunatament qed ikun hemm vetturi li ma jkollomx dan il-permess mal-windscreen u għaldaqstant l -Uffiċċjal tal-Infurzar ma jkunx konoxxenti ta' dan il -permess.
Leg 13 PQ #5185 Sitting 102 2018-04-18 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Proġett tal-bini tal-ITS

Question

Issa li l-art tal-ITS ġiet trasferita lill-kumpanija privata, jista’ l-Ministru jgħid f’liema post qed jitgħallmu l-istudenti tal-ITS? Jista’ jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tal-bini tal-ITS flimkien ma’ lukanda biswit, fi Smart City? Meta ser jitlesta u meta ser jidħlu dawn l-istudenti f’dan il-post il-ġdid?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif imħabbar diġa’, il-viżjoni tal-Gvern għall-Istitut huwa li tiżviluppa istituzzjoni edukattiva internazzjonali ta’ klassi dinjija fil-qasam tal-istudji tal-ospitalità u tat-turiżmu, tespandi l-operazzjonijiet tagħha minn kampus iffokat lokalment li jaħdem għal 700 student lokali, għal kampus internazzjonali li għandu kapaċità li jilqa’ fih 2,500 student lokali u internazzjonali. Din il-viżjoni għandha tkun ikkumplimentata bir-rilokazzjoni tal-Istitut għal kampus akbar - sit wieħed b'aktar faċilitajiet. Din l-espansjoni f'faċilitajiet infrastrutturali tippermetti lill-Istitut jiżviluppa aktar il-kurrikulu tiegħu biex joffri korsijiet ta’ Livell 6 u 7 u biex jintroduċi oqsma ġodda ta' studju. Biex isseħħ il-viżjoni akkademika, l-Istitut se jiġi rilokat temporanjament f’kampus akbar li jinsab fl-ex uffiċċini tal-Air Malta f'Ħal Luqa. Dan jippermetti li jiżdied in-numru ta 'studenti li jistudjaw fl-istitut u l-istitut ikun jista’ jkompli jimplimenta l-pjanijiet tiegħu. Kif diġa’ ġie mħabbar din ir-rilokazzjoni qed tiġi ppjanata b'konsultazzjoni mal-MUT, il-ĠWU u l-istakeholders kollha involuti. L-istitut se jiġi kkonsolidati f’sit wieħed u b’hekk ser inaqqas l-inkonvenjent kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema. Intant id-diskussjonijiet għat-trasferiment ta’ Smart City, fejn se tinbena l-ITS, lill-Gvern huma fl-istadji finali.

ERA – Miżuri biex tipproteġi u tħares lir-residenti li joqogħdu f’light industry

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1817 u ċjoè: Residenzi li darhom hi f'żoni industrijali għandhom jiġu mħarsa minn kontaminazzjoni tal-arja minħabba sprays, trab industrijali, exhaust, ħsejjes ta' makkinarji eċċ.? Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed tieħu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tipproteġi u tħares l-interessi ta' residenti li joqogħdu f'żoni fejn hemm light industry? Jekk l-ERA għada ma bdietx tieħu dawn il-miżuri, meta ser tibda timplementa dan il-pjan li jħares il-wellbeing tal-familji Maltin u Għawdxin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li issues li wieħed jassoċja ma’ wellbeing mhumiex ilkoll fil-kompetenza tal- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, iżda hemm entitajiet governattivi oħrajn li għandhom rwol f’dan ir-rigward. L-ewwel tentattiv li jitħares l-interess tar-residenti hi mill-kompatibilità tal-użu skond pjanijiet u policies li jirregolaw l-iżvilupp. Meta żona tiġi kommessa għall-użu industrijali, l-Awtorità għall-Ambjent u R-Riżorsi tirregola wħud mill-industriji operattivi. Sabiex dan ir-rwol ikun aktar estensiv u rregolat, bħalissa l-Awtorità qegħda fl-istadju li tirrevedi u tikkonsolida l-istrumenti leġislattivi fil-kuntest ta’ attivitajiet li jirrikjedu permessi ambjentali. L-ERA wkoll tipparteċipa f’kumitati fejn fil-preżenza ta’ entitajiet governattivi oħrajn li għandhom ukoll responsabbiltà fuq dawn it-temi, entitajiet non-governattivi u r-residenti tal-lokalità jiġu diskussi l- issues li jaffetwaw il- wellbeing tar-residenti f’żoni industrijali. Per eżempju l-ERA tattendi għal kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Ħal Mula mmexxija mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, laqgħat organizzati mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa fejn jiġi diskuss l-operat tal-Freeport kif ukoll kumitati simili oħrajn fejn ir-residenti taż-żoni differenti jkunu mistiedna jressqu l-ilmenti attwali li għandhom lill-Kumitat rispettiv sabiex l-entitajiet involuti li jiffurmaw parti minn dawn il-Kumitati jkunu jistgħu jirrisolvu l- issues li jitressqu. Dan huwa mudell ta’ kif dawn it-tip ta’ issues li jaqgħu fir-responsabbilità ta’ diversi entitajiet jistgħu jiġu riżolti u l-ERA lesta li tkun parteċipi f’kumitati sabiex tkun tista’ toffri l-għarfien u l-assistenza kif ukoll tkun tista’ tieħu azzjoni fejn dovut skond regoli li jiggvernaw l-operat tagħha.

Ċertifikati tal-mewt

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3022 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u li ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn jistgħu jinsabu u jinġiebu ċertifikati tal-mewt li jkunu tas-seklu 19 (madwar is-snin 1880)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

GU Clinic

Question

B’referenza għal mard li jittieħed mis-sess, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il każ ta’ mard sesswali attendew il-Genio-Urinary Clinic? Jista’ jgħid liema huma l-aktar kundizzjonijiet komuni? Kemm kien in-numru ta’ żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena li attendew il-GU Clinic fis-sena 2017? Jista’ jgħid kemm-il każ ta’ HIV ġie identifikat fis-sena 2017? Malta għadha kkunsidrata li għandha epidemija f’dan ir-rigward? X’miżuri qed jittieħdu? Jista’ jgħid jekk f’Għawdex hemmx ċentru speċjalizzat f’dan il-qasam?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru totali ta’ konsultazzjonijiet fil-GU Clinic fl-2017 kien ta’ 5864 li minnhom 107 kienu żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena. L-iktar tlett kundizzjonijiet komuni fl-2017 kienu l- warts , chlamydia u l- herpes. Matul l-2017 ġew identifikati 45 każ ta’ HIV. Id-Dipartiment tas-Saħħa kontinwament qed iżid l-għarfien sabiex iktar nies jiġu ttestjati u jibdew il-kura meħtieġa, kif ukoll qed issir emfażi kbira biex isir il-contact tracing. Ġew introdotti, Rapid testing b’xejn għall-HIV fil-klinika tal-GU kif ukoll self tests li huma disponibbli għall-pubbliku mill-ispiżeriji fil-komunita’. Barra minn hekk għaddejjin kampanji ta’ promozzjoni dwar is-saħħa sesswali biex tiżdied il-prattika ta’ sess sikur u biex nippromwovu ukoll rapid testing għall-HIV. Tajjeb li ninfurmah illi qed tiġi mfassla strateġija dwar l-HIV biex titratta oqsma relatati ma’ prevenzjoni, testjar, trattamenti u kura fit-tul.

Sptar Mater Dei – pazjenti self discharged

Question

Peress li hija l-prassi li pazjenti li huma self discharged ma jingħatawx discharge letter mill-iSptar Mater Dei, u dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni joħloq diffikultajiet kbar lill-tobba fil-komunità, għax dawn il-pazjenti jkunu vulnerabbli aktar minn oħrajn u ġeneralment tkun ferm diffiċli biex isegwi sew iċ-ċirkostanzi, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din il-prassi tinbidel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull pazjent li jkun discharged b’mod formali mill-isptar Mater Dei jingħata discharge letter. F’każ ta’ pazjent ‘discharged against medical advice’ l-pazjent jista’ jitlob kopja tal-file mediku tiegħu għal użu tat-tabib tal-familja.

Awtorità tal-Ippjanar – riċerka ta’ Freedom of Information dwar permessi ta’ bini fl-ODZ

Question

B’referenza għall-artikli https://www.timesofmalta.com/articles/view/20171029/local/study-shows-political-corruption-at-the-pa.661620 u https://lovinmalta.com/news/news-politics/caruana-galizia-report-proves-decades-long-corruption-at-planning-authority, jista’ l-Ministru jispjega għalfejn ir-riċerka ta’ Freedom of Information dwar il-permessi ta’ bini fl-ODZ kienu għall-ewwel miċħuda u wara injorati? Jista’ l-Ministru jagħti raġuni għalfejn l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Ministeru mhux qed jagħtu widen għal din l-analiżi rigoruża u komprensiva dwar il-PA meta din turi li l-korruzzjoni politika fil-PA hi endemika f’Malta u l-aktar minn wara l-2013 ‘l hawn? Hu fatt li mill-2013 ‘l hawn 83% tal-applikazzjonijiet ODZ ingħataw permess. X’inhi r-raġuni ta’ dan il-laxkar kollu meta mqabbel ma’ perjodi ta’ żmien oħra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li talbiet taħt il-Freedom of Information Act iridu jsiru skont il-parametri ta’ din il-liġi. It-talbiet li jsiru jiġu mwieġba kollha u l-applikant jingħata raġuni għad-deċizjoni tal-Awtorita’. L-applikant għandu wkoll id-dritt ta’ appell fuq id-deċiżjonijiet tal-Awtorità. Ma jirriżultax li huwa korrett li jingħad li 83% tal-applikazzjoniijiet ODZ ingħataw permess. Fil-fatt bejn is-sena 2013 u s-sena 2017 il-percentaġġ ta’ applikazzjonijiet ODZ li ġew approvati meta mqabbel ma’ l-applikazzjoniet deċizi huwa ta’ 74.58%. Għalkemm dan juri żieda fuq il-ħames snin ta’ qabel wieħed irid iżżomm f’moħħu li f’dawn is-snin ġiet approvata r-Rural Policy (2014) bi ħsieb li tgħin lill-bdiewa u raħħala ġenwini jtejbu l-attivita agrarja tagħhom. Filwaqt li issaħħet qatih l-ekonomija, li rriżulta f’żieda f’applikazzjonijiet għal irranġar u immodernizzar ta’ bini u żvilupp eżistenti, inkluż djar li jinstabu f’numru konsiderevoli ta dawk imsejħa ‘settlements rurali’eżistenti li għalkemm fl-ODZ huma meqjusin bħala żoni mibnija. Barra minn hekk, biex ikun hemm aktar skrutinju fuq applikazzjonijiet ta’ żvilupp fl-ODZ inbidlet il-liġi (AL 211/2016) fejn tipi ta żvilupp li qabel kienu jiġu approvati b’sempliċi notifika, magħrufa bħala proċedura tad-DNO, preżentament iridu jgħaddi mill-proċess kollu tal-iżvilupp, inkluż pubblikazzjoni, konsultazzjonijiet ma’ Dipartimenti oħra u deċiżjoni mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, filwaqt li l-importanza ta’ l-istatistika ma tistax tiġi nnegata għandha ssir ukoll analiżi ġusta tal-fatti.

Awtorità tal-Ippjanar – indħil ministerjali fil-proċess ta’ permessi

Question

Studji qed juru li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qed tagħti lok għal indħil ministerjali fil-proċess ta’ permessi u qed taġevola u timxi skont direzzjoni politika. Hu fatt ukoll li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma għandhiex l-istess poteri li huma ugwali daqs tal-PA u lanqas għandha poter ta’ veto bħalma għandha s-Supratendenza. Jista’ għalhekk il-Ministru jgħid il-gvern x’ser jagħmel biex jindirizza dan l-iżbilanc u jagħti lill-ERA is-saħħa u l-poteri li jistħoqqilha? Studji: nikkwota https://www.timesofmalta.com/articles/view/20171029/local/study-shows-political-corruption-at-the-pa.661620. https://lovinmalta.com/news/news-politics/caruana-galizia-report-proves-decades-long-corruption-at-planning-authority)

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministeru kkonċernat fir-rigward tal-ERA. Fl-istess waqt niċħdu kwalunkwe’ indħil Ministerjali fuq applikazzjonijiet partikolari tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Leg 13 PQ #5180 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ta’ Ċenċ — Bini ta’ vilel

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk intlaħaqx ftehim jew le bejn il-partiti l-kbar biex isir il-bini ta’ vilel f’Ta’ Ċenċ u jekk, biex iseħħ daqshekk, kienx hemm ksur tal-liġijiet dwar il-Finanzjament ta’ Partiti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhix kompetenza tal-partiti politiċi li jiddeċiedu dwar is-suġġett imsemmi.