ERA – applikazzjonijiet dwar qlugħ u żbir ta’ siġar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni daħlet għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) minn entitajiet governattivi inkluż kunsilli lokali dwar qlugħ u żbir ta’ siġar fis-sena 2017 u minn Jannar sa April 2018? Kemm ġew irrifjutati talbiet għall-perjodi msemmija? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk li ġew approvati għall-perjodi msemmija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Peress li ġie mħabbar li qed isir upgrade tal-bus shelters, jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bus shelters imwaqqfa preżentement? Kemm-il bus stop hawn mingħajr bus shelter f’postijiet li dawn jistgħu jsiru? Kemm għandhom jitwaqqfu u f’kemm żmien? Kemm hi l-ispiża totali?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-preżent hawn madwar 527 bus shelter, ta’ tipi differenti kif ukoll 7 bus shelter canopies, fuq in-network tat-trasport pubbliku bi skeda.
Sa ftit taż-żmien ilu Transport Malta kellha għad-dispozizzjoni tagħha tip wiehed ta’ bus shelter u allura ta’ qies wieħed. Ghaldaqstant, kienet ristretta fejn jistgħu jitwaħħlu bus shelters. Bil-kuntratt il-ġdid Transport Malta ser ikollha għad-dispozizzjoni bus shelters ta’ qisien differenti. Fil-preżent l-Awtorità qiegħdha fil-proċess illi iddur dawk il-postijiet fejn fil-passat, minħabba restrizzjoni ta’ spazju, ma setgħax jitwaħħal bus shelter sabiex tara hux possibbli illi jitwaħħal wieħed iżgħar. Dan il-process li diġà beda ser jitkompla matul ix-xhur li ġejjin.
Infurmat ukoll li f’dan l-istadju m’hemmx spiża finali peress li dan huwa proċess mifrux fuq medda ta’ żmien.
B’referenza għall-Mutual Help Fund tal-Pulizija u għad-deċiżjoni li dan jiġi xolt, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni dwar din id-deċiżjoni? Kemm inġabru flus matul is-snin? Kemm tħallsu flus lura lill-Membri tal-Korp tal-Pulizija mis-somma miġbura matul is-snin? X’miżuri ttieħdu biex min ta l-kontribut tiegħu lil dan il-fond jingħata kumpens xieraq? X’inhu l-mudell finanzjarju li ntuża?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-parkeġġ fl-Isptar Mater Dei, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi t-tariffa biex tipparkja fil-parkeġġ? Jista’ jgħid kemm idaħħal l-gvern talli jikri dan il-parkeġġ lill-privat? Hemm ħsieb li t-tariffa tkun orħos jew li l-parkeġġ jiġi fl-operat tal-gvern biex it-tariffa torħos?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tariffi biex tipparkja fil-parkeġġ pubbliku tal-isptar Mater Dei bħalissa huma kif ġejjin hawn taħt:
Sa tletin minuta - Xejn
Minn tletin minuta sa siegћa - €0.80c
Minn siegћa sa sagћtejn - €1.65c
Minn sagћtejn sa tlett siegћat - €2.45c
Minn tlett siegћat sa erba siegћat - €3.25c
Minn erba siegћat il’quddiem - €4.10c (massimu ġurnata)
Mill-22.00 sas-06.00 -€0.80c gћall-perjodu kollu
Ir-rati ta’ hawn fuq huma dawk skont il-kuntratt li daħal fis-seħħ f’Jannar 2008. Skont il-kuntratt rivedut f’Jannar 2008 il-Gvern intrabat li mhux talli ma jdaħħal xejn, imma li eventwalment iħallas lill-kuntrattur għal servizzi u manutenzjoni ta’ apparat relatat.
Il-Ministeru għas-Saħħa qiegħed fil-proċess li jinnegozja kuntratt ġdid għat-tmexxija tal-parking areas pubbliċi tal-isptar Mater Dei, fil-fatt dan il-kuntratt issa huwa aġġudikat. Il-kuntratt il-ġdid se jkun qed jizgura li l-kuntrattur se jkun responsabbli mill-management kollu tal-parkeġġ, inkluż manutenzjoni tal-apparat relatat, kif ukoll jiżgura li l-gvern ma joħroġx flus anzi jdaħħal flus permezz ta’ dan l-arranġament. Fl-istess waqt il-kuntratt il-ġdid se jiggarantixxi rati orћos ta’ parkeġġ għal pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru tal-vetturi kollha (kemm privati kif ukoll le), li hawn fit-toroq f’Malta? Kemm hu n-numru ta’ vetturi (privati u mhux) għal kull 1000 persuna? Kemm għandna vetturi (kemm privati kif ukoll le) għal kull kilometru ta’ triq li għandna f’Malta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella sussegwenti :-
Ammont ta’ vetturi (kemm privati kif ukoll le) fit-toroq f’Malta sa l-aħħar t’April 2018
377,305
Ammont ta’ vetturi (kemm privati kif ukoll le) għal kull 1000 persuna, ikkalkulata fuq 432,000 residenti
873
Ammont ta’ vetturi (kemm privati kif ukoll le) għal kull kilometru ta’ triq li għandna f’Malta
132
Peress li d-daqs minimu ta’ bankina huwa ta’ 1.2 m, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li dan qed jittieħed bħala daqs standard meta fil-fatt mhux?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument “Access for all Design Guidelines” tal-Kummisjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li s-servizz ta’ kura tal-Crisis Intervention Team għal persuni li jbatu b’diżordni mentali qed jiġi offrut mis-7.00am sal-17.30pm, jista’ l-Ministru jgħid meta hu l-ħsieb li dan is-servizz jiġi estiż 24/7?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi la darba jkun komplut ir-rekrutaġġ ta’ professjonisti ġodda, il-ħinijiet ta’ dan is-servizz se jkunu estiżi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta’ cycle lanes hawn bħalissa f’Malta? Jista’ jgħid kemm-il kilometru iktar ser jitwettqu bil-proġett ta’ immodernizzar ta’ toroq? X’inhu l-ħsieb biex ikun hemm konnessjoni ta’ dawn is-cycle lanes u biex ma jkollniex biċċiet ta’ cycles lanes li jispiċċaw f’dead end?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Peress li huwa fatt li l-Enemalta għandha monopolju fuq l-utilità tal-elettriku f’Malta u li hi suġġetta għar-Regolatur, u peress li r-REWS għandu d-dover li jħares l-interess tal-konsumatur, u filwaqt li nirringrazzja lill-Ministru tal-intervent tiegħu meta sejjaħ għall-investigazzjoni dwar kontijiet li qed jinħarġu għola milli suppost, minħabba l-mod kif qed jiġi kkalkulat il-kont, jista’ l-Ministru jagħti t-time frame u l-eżitu ta’ dan l-istħarriġ?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’huwiex possibbli li wieħed jippreġudika l-eżitu tal-istħarriġ, billi jikkonkludi li l-kontijiet jinħarġu ogħla milli suppost, kif allegat minnu, ngħarrfu wkoll li r-Regolatur jimxi b’mod awtonomu fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu skont l-indipendenza statutorja tiegħu.
Nagħmel referenza għal użu żejjed ta’ boroż tal-plastik li qed jingħataw mill-ħwienet u għalkemm xi snin ilu kienet saret eco contribution fuq il-basktijiet tal-plastik, biex b’hekk jonqos it-tniġġis, imma ġara li b’xi mod in-negozjanti tal-merċa raw kif jaħarbu minna u fil-fatt minn dak iż-żmien minflok basket tal-plastik qed jagħtu boroż tal-plastik bil-konsegwenzi ambjentali u s-sistemi ħżiena tal-iskart li huma bil-bosta, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid kif il-Ministeru ser jindirizza dan in-nuqqas? Jista’ jgħid x’promozzjoni jew inċentivi qed isiru biex iġiegħel lix-xerrej jieħu basket miegħu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ta’ min jikkjarifika li l-eko-kontribuzzjoni fuq il-basktijiet tal-plastik m’għadiex in vigore, u minflok mill-1 ta’ Jannar tal-2016, ġiet imposta dazju tas-sisa fuq xkejjer u basktijiet tal-plastik li huma prodotti, importati u mqiegħda fuq is-suq Malti, hekk kif imsemmija fi ‘Skeda Hamsa fl-Att dwar id-dazju tas-sisa’ (Kap. 382).
Fl-2017 saru tibdiliet neċessariji fil-qafas regolatorju sabiex ma jkunx hemm aktar distinzjoni bejn basktijiet tal-plastik u boroż tal-plastik oħra li huma fornuti lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ sabiex jintużaw għal-fini ta’ ġarr ta’ oġġetti jew prodotti mixtrija. Dan il-plastik huwa kopert minn ‘Skeda Hamsa fl-Att dwar id-dazju tas-sisa’ (Kap. 382).
B'mod konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, dan il-ħlas qed jingħadda fuq il-konsumaturi ta' basktijiet tal-plastik fil-punt tal-bejgħ sabiex jinċentiva lill-konsumaturi biex jadattaw għal kunċett ta’ SMART Shopping, bħal per eżempju l-użu ta’ basktijiet tad-drapp, bl-għan aħħari li jinkiseb tnaqqis sostenut fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik f'livell nazzjonali.
B’referenza għax-Xatt l-Aħmar u t-tisfija ta’ drenaġġ mill-impjant ta’ Għawdex, u peress li d-drenaġġ mhux imsaffi qed joħroġ b’konsegwenza tad-demel tal-baqar li qed jintrema fl-impjant, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jieħu d-dipartiment rigward dan? X’konsultazzjoni saru mas-Segretarjat tal-Biedja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li kwalunkwe materjal li mhux drenaġġ domestiku jagħmel ħsara kbira fis-sistema ta’ twassil u t-trattament tad-drenaġġ. Madankollu, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma flimkien mal-entitajiet konċernati qed taħdem fuq numru ta’ soluzzjonijiet biex tissalvagwardja l-infrastruttura tad-drenaġġ.
B’referenza għax-Xatt l-Aħmar u t-tisfija ta’ drenaġġ mill-impjant ta’ Għawdex, peress li d-drenaġġ mhux imsaffi qed joħroġ konsegwenza tad-demel tal-baqar li qed jintrema fl-impjant, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jieħu d-Dipartiment tal-Biedja biex jiġu implimentati mezzi alternattivi? X’inhuma n-nuqqasijiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal-Mistoqsija Parlamentari 5612.
L’ Aġenzija tal-Governanza tal-Bio riżorsi Agrikoli (GAB) qabdet kuntrattur biex jinġabar u jisaffa s-srew tad-demel kollhu li hu prodott fuq l-irziezet tal-baqar u majjali f’Għawdex. Barra minn hekk, Il-GAB għaddejja minn proċess ta evaluazjoni ta’ proposti li intefgħu fuq sejħa maħruġa bi sħab ma l-MCST fuq proċeduri li jistgħu jkunu ta’ soluzjoni fuq livell nazzionali ghat-trattament u immaniġjar tas-srew tad-demel. Rigward in-nuqqasijiet nitolbu jispeċċifika x’nuqqasijiet qed jirreferi għalijhom.
Ninnota b’sodisfazzjon li l-barranin li jgħixu Malta qed jingħatalhom l-opportunità li jitgħallmu l-Malti fejn dan jgħinhom fl-inklużjoni, għaldaqstant tista’ l-Ministru tgħid għalfejn ġiet imposta r-regola li trid tkun ilek Malta ħames snin biex tkun intitolat għal dan it-tagħlim? Tista’ tgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan jinbidel?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li ma ġietx imposta ebda regola dwar tul ta’ żmien f’Malta sabiex imigrant ikun eliġibbli għall-klassijiet tal-Malti. Għall-kuntrarju il-barranin f’Malta qed ikunu mħajjra jaċċedu għall-dawn il-lezzjonijiet kmieni mal-wasla tagħhom f’Malta.
Ir-regola tal-ħames snin tapplika biss fir-rigward tat-talba għal residenza permanenti wara li jkunu milħuqa r-rekwiżiti tal-integrazzjoni u rekwiżiti oħra.
B’referenza għat-tneħħija tal-eżami tal-Matematika f`Livell Ordinarju bħala suġġett obbligatorju għal uħud mill-korsijiet fl-Università, jista’ l-Ministru jindika għal-liema korsijiet l-eżami tal-Matematika fil-Livell Ordinarju ma baqax suġġett obbligatorju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull persuna li tixtieq tidħol f’kors undergraduate fl-Università ta’ Malta jeħtieġ li tkun għaddiet mill-Eżami għaċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja (SEC) fil-Matematika bi grad 5 jew aħjar. Applikanti barranin ukoll iridu jippreżentaw ċertifikat f’livell komparabbli f’dan is-suġġett.
Il-Bord tad-Dħul tal-Università jista’ jaċċetta applikanti li, permezz ta’ dokumentazzjoni xierqa, juru li ma kisbux il-kwalifiki meħtieġa fil-livell tas-SEC fi kwalunkwe suġġett minħabba diżabbiltà sinifikanti (inkużi applikanti li huma fuq l-ispektrum tal-awtiżmu jew bi Specific Learning Difficulties) u sakemm dawn il-kwalifiki neqsin ma jeffettwawx ħażin l-istudji tagħhom fl-Università. Kull applikazzjoni bħal din tiġi kkunsidrata fuq il-merti tagħha.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kuntratt għandu l-Gvern dwar l-IVF dwar servizz professjonali ma’ entità privata bħala Public Private Partnership? X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-kuntratt li jħaddem il-Gvern f’dan ir-rigward? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-kuntratt?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt mas-service provider għas-servizz tal-IVF ġewwa Mater Dei kien miktub u nnegozjat fl-2014 meta hu stess kien Ministru għas-Saħħa. Il-kuntratt huwa ta’ natura kummerċjali.
B’referenza għal dak li hu propost fl-emendi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, peress li se jiżdied il-Medical Tourism u nilqa’ li s-servizz se jiżdied ukoll lill-koppji tal-istess sess u peress li nafu wkoll li wild minn IVF (li jinkludi adozzjoni) juża s-servizz ta’ Intensive Baby Care Unit (NPICU) għax dawn jiġu mwielda qabel iż-żmien jew jitwieldu ta’ piż żgħir, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jserraħ rasna li s-servizz mediku tal-Isptar Mater Dei hu attrezzat b’kull riżors u li l-spazju tas-sala hu wieħed adegwat, u għalhekk se jilqa’ għaż-żieda fid-domanda ta’ trabi li se jidħlu l-NPICU? Jista’ jsemmi l-miżuri li ttieħdu fil-NPICU biex ir-riżorsi jissaħħu, bi preparazzjoni għall-implementazzjoni għall-emendi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni? Kemm hu attrezzat dan id-dipartiment preżentement?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-emendi għall-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijun li qedgħin jiġu diskussi fil-Parlament bħalissa ser ikollu effett l-oppost ta’ dak li qed isemmi hu. Dan minħabba, għal kuntrarju tal-prassi sal lum, mhux ser ikun permess li jitpoġġew aktar minn 2 embrijuni fl-omm f’kull ċiklu. Dan ser iwassal biex ikun hemm tnaqqis u mhux żieda ta’ trabi li jitwieldu b’piż żgħir.
Peress li nhar id-19 t’April fl-Isptar Monte Carmeli, persuna marida u li kienet għal kura l-Isptar neħħiet ħajjitha b’idejha meta ddaħlet biex tiġi protetta, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi r-rapport tal-investigazzjoni u jgħid x’passi ttieħdu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dwar dan il-każ kienu infurmati l-Pulizija dak inhar stess u għaddejja nkjesta maġisterjali taħt il-Maġistrat Neville Camilleri. Għaddejja ukoll investigazzjoni amministrattiva interna.
Deputati Parlamentari li huma impjegati fis-settur pubbliku
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5172 u 4813 u ċjoè: Peress li dan l-aħħar dehru xi rapporti f’sezzjonijiet tal-midja dwar impjiegi mal-gvern u entitajiet pubbliċi barra mis-servizz pubbliku, inkluż il-każ tad-Deputat Parlamentari li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u peress li l-impjieg fis-settur pubbliku huwa regolat b’Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni u li kull impjieg ma’ kull korp stabbilit bil-Kostituzzjoni jew b’xi liġi jew taħt xi liġi oħra, u ma’ kull soċjetà jew korp ieħor li fih il-Gvern ta’ Malta, jew xi korp kif intqal qabel, ikollhom sehem biżżejjed biex jikkontrollaw jew li fuqu jkollhom kontroll effettiv, għandu, kemm-il darba dak id-dħul ma jkunx sar wara eżami pubbliku li jkun ġie avżat kif imiss, isir permezz tas-servizz għall-impjegar (jiġifieri Jobs Plus jew l-ekwivalenti tiegħu fil-passat), jista’ l-Prim Ministru jgħid:
1) min huma dawk id-deputati eletti fil-Parlament li sal-jum tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija huma impjegati fis-settur pubbliku u/jew li qed joffru servizzi ta’ konsulenza b’kuntratt lill-istess settur pubbliku, fit-tliet kategoriji msemmija (a) Dipartimenti tal-Gvern, (b) Korpi Pubbliċi jew Awtoritajiet u (ċ) kumpaniji kummerċjali fejn il-gvern għandu l-kontroll effettiv;
2) meta kienu ingaġġati dawn id-deputati fis-servizz pubbliku jew entitajiet fuq imsemmija u b’liema metodu msemmija fil-Kostituzzjoni;
3) x’kuntratt ta’ impjieg/servizz għandhom dawn id-deputati kif ukoll id-dħul gross annwali tagħhom; u
4) x’inhi l-kariga u grad li jokkupaw illum?
B’referenza għall-Port tal-Imġarr li minbarra t-traġit tal-Gozo Ferry, hemm yacht marina, it-traġit bejn Għawdex u Kemmuna, ħatt ta’ merkanzija privata, fuel station għad-dgħajjes u żona ta’ dgħajjes tas-sajjieda, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Port tal-Imġarr Għawdex hu mingħajr Port master?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta hija l-Awtorita’ kompetenti li tmexxi il-portijiet kummerċjali fuq mudell ta’ uffiċċju ta’ Harbour Master wieħed. Il-Harbour Master għandu jassistuh tim ta’ uffiċċjali kompetenti inkluż Deputy Harbour Master u sezzjonijiet bħal Vessel Traffic Services (VTS) u Traffic Management. Fil-port ta’ l-Imġarr Għawdex, l-Awtorita’ timpjega Marine Manager u Port Inspectors li jaħdmu taħt id-direzzjoni tal-Harbour Master.
Peress li Malta għandha fost l-agħar rati ta’ riċiklaġġ fl-Ewropa, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-iskema ta’ depożiti tal-fliexken ġiet posposta għas-sena 2019 meta kellha ssir din is-sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema ta’ depożitu tal-kontenituri tax-xorb ma ġietx posposta. L-iskema ġiet imnedija għall-konsultazzjoni pubblika l-ġimgħa li għaddiet, liema konsultazzjoni tkun konkluża sal-4 ta’ Ġunju 2018.
Wieħed mill-istadji importanti biex titħaddem skema bħal din hija r-reġistrazzjoi tal-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-parametri hekk kif stabbiliti, fejn il-produtturi kif ukoll fuq l-importaturi ser ikollhom jirreġistraw il-prodotti tagħhom, kif ukoll dawk li jinnegozjaw mal-fornituri sabiex jintroduċu l-immarkar neċessarju fuq il-prodott.
Dan il-proċess jieħu madwar disa’ u tnax-il xahar sabiex jiġi konkluż. Barra minn hekk, trid ukoll ssir sejħa għall-offerti sabiex jiġi identifikat operatur għar-ripożitorju tal-flixkien li hu mistenni li jinvesti fil-makkinarju u tagħmir għal Malta u Għawdex kollu.