Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment – ħruġ tal-permess
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hi ta’ inkonvenjent lir-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat, is-Siġġiewi u Ħ’Attard, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji tal-ħruġ tal-permess? Il-permess joħroġ fuq permess ta’ spirti biss? X’superviżjoni jsir mill-Ministeru? X’inhi l-proċedura ta’ tiġdid tal-permess? Kemm hu l-ħlas tal-liċenzja ta’ stabbilimenti ta’ din ix-xorta? X’miżuri ġew imposti fuq id-diskoteka biex ikun hemm sound buffers u b’hekk il-ħoss tal-mużika ma tiġix trasmessa b’inkonvenjent?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il mistoqsija lil Ministeru konċernat.
B’referenza għat-tiswijiet strutturali li qed isiru f’Binja Buqana fl-Imtarfa mill-Awtorità tad-Djar, wara li dawn id-difetti strutturali li wara 20 sena ġew ikkonfermati li huwa stat ta’ fatt u li huma periklu, jista’ l-Ministru jgħid x’mistrieħ il-moħħ għandu jkollu r-resident li x-xogħol qed isir skont is-sengħa f’kull post fil-blokka? Liema huma l-entitajiet li qegħdin jagħmlu l-ispezzjonijiet u kemm hi l-frekwenza ta’ dawn iż-żjarat? Min qiegħed iħares id-drittijiet kuntrattwali tar-resident? Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn inbidlet it-teknika fuq l-infurzar tal-pilastri? Meta l-ex Ministru l-Onor Dr Michael Farrugia kien qal waqt press release li l-pilastri ħa jinbidlu, beda jsir hekk imma ma tkomplix. Hu nnutat li bil metodu l-ġdid ta’ kif qegħdin jiġu rranġati l-pilastri ta’ bejn il-garaxxijiet, qed jittieħed spazju mill-komun privat u x-xogħol mhux qiegħed jinforza l-irjus propja. Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed tieħu l-Awtorità tad-Djar jekk dan hu minnu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-analiżi tal-ħsarat li kien hemm fil-binja msemmija, kienet saret minn kumpanija internazzjonali, b’reputazzjoni tal-ogħla livell, ARUP u x-xogħolijiet ta’ tiswija li qed isiru bħalissa, qegħdin jiġu sorveljati minn kumpanija ta’ Periti lokali, QP Management. L-istess kumpanija ta’ Periti, qed tieħu ħsieb is-sorveljanza tal-proġett u qed tagħmel l-ispezzjonijiet kollha neċessarji bejn darba u darbtejn fil-ġimgħa, skont in-natura tax-xogħlijiet li ikunu qed isiru.
Ir-residenti tal-blokka, għandhom Assoċjazzjoni tar-Residenti li tirrappreżentahom. Dwar il-metodoloġija tal-infurzar tal-pilastri, wara li saru l-investigazzjonijiet u l-ispezzjonijiet f’kull appartament, irriżulta li kien hemm bżonn illi jinbidlu il-metodi strutturali ta’ kif kienu ser jiġu rranġati l-pilastri u dan minħabba diversi raġunijiet fosthom li;
· tibdil totali tal-pilastri seta jirriżulta f’riskju strutturali għall-appartamenti waqt ix-xogħlijiet u għalhekk ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti. Għaldaqstant ittieħdet deċiżjoni sabiex il-pilastri jitħallew u jisaħħu il-pilastri eżistenti;
· Wara diskussjonijiet u b’approvazzjoni mill-Assoċjazzjoni illi tirrappreżenta r-residenti tal-Binja kif ukoll tal-Awtorita` tad-Djar
ġie konkluż illi l-aħjar soluzzjonji kienet illi l-pilastri eżistenti jissaħħu minn barra.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tnaqqis fil-wisa’ tal-komun quddiem il-garaxxijiet huwa minimu u konformi mal-linji gwida tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqalgħet jew tqaċċtet jew inqerdet, bil-permess u mhux, matul l-2016, l-2017 u l-2018 sa Mejju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tinkludi s-sena, is-speċi tas-siġra u timmarka b’distinzjoni jekk kienx hemm permess jew le? Fil-każ li ma kienx hemm permess, x’passi ttieħdu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux bi ħsieb li jippubblika r-regolamenti għall-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar li l-konsultazzjoni pubblika dwarhom għalqet fl-1 ta' Marzu 2018? Jekk iva meta se jiġu ppubblikati?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Regolamenti ser jiġu mtella l-Kabinett tal-Ministri fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għall-ħaddiema tax-xatt, b’mod partikolari l-port workers, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li kien hemm bżonn li għal darb’oħra jerġa’ jiddaħħal il-wirt tax-xogħol meta r-regoli tal-EU u l-good sense amministrattiv jistipulaw il-kontra? X’inhi r-raġuni għalfejn l-ebda ċittadin Malti u Għawdxi ma jistax jikseb il-liċenzja bħala port workers sakemm ma jkollokx lil xi ħadd mill-ġenituri (l-omm jew il-missier) li jkunu diġà liċenzjat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’poteri għandha l-Awtorità għall-Ippjanar biex tħares il-wirt naturali tagħna? Jista’ jikkwota r-regoli?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-poteri tal-Awtorità tal-ippjanar joħorgu mill-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap 552) li jobbligaw lill-Awtorità tħejji lista ta żoni ta sbuħija naturali, ta’ valur ekologiku jew xjentifiku għall-iskedar (Art. 57) u li tħejji pjanijiet, policies u regolamenti biex jindirizzaw il-fatturi kollha relatati mar-rizorsi tal-art u l-baħar u l-konservazzjoni tal-ambjent sabiex ikun hemm bilanċ bejn il-ħtieġa tal-iżvilupp u l-ħtiega li jiġi protett l-ambjent (Art. 44). L-Awtorita’ tista’ taġixxi wkoll fejn temmen li hemm perikolu mminenti għall-ambjent permezz ta avviż ta' twettiq b’emergenza (Art. 97).
Transport Malta – Masterplan – tħejjija ta’ proġetti ta’ toroq
Question
B’referenza għall-Masterplan 2015 ta’ Transport Malta dwar it-tħejjija ta’ proġetti ta’ toroq li kienu mitluba mill-Unjoni Ewropea biex jingħataw fondi, b’mod partikolari għal paġna 225, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li t-triq arterjali ta’ Ħ’Attard li kienet fl-aħħar tal-lista issa hi prijorità tal-Ministeru biex issir minnufih? Xi studji kienu saru dak iż-żmien meta kienet qed tiġi ppreparata l-lista tat-toroq biex issir il-klassifikazzjoni ta’ prijorità li għandhom jingħataw? Dan għadu jgħodd?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Peress li d-drenaġġ qed jiskula fil-bajja tal-Għadira l-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet? Is-Supratendenza tas-Saħħa Pubblika hi notifikata? X’passi ttieħdu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma sabet l-ebda evidenza ta’ xi drenaġġ li kien qiegħed jiskula fil-bajja tal-Għadira.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5794, tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed jieħu l-Ministeru biex jiġu żgurati soluzzjonijiet dejjiema rigward ir-rimi tal-iskart tal-baqar u l-majjali?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isiru diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma u l-Water Services Corporation li wasslu fi stadju avvanzat.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5705, jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna lokalitajiet f’Malta u Għawdex li għandhom żoni pedonali? Liema huma dawn il-lokalitajiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni mogħtija mill-Kunsilli Lokali, hawn 29 lokalità f’Malta u Għawdex li għandhom żoni pedonali.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista bl-informazzjoni mogħtija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1737 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: L-artijiet f'Malta u Għawdex għadhom mhux kollha rreġistrati mar-Reġistru Pubbliku tal-Artijiet. Nifhem li mhijiex ħidma faċli, imma jekk kull biċċa art tkun reġistrata jkun ġie ssimplifikat proċess ta' riċerka burokratika u jiġu ffrankati ħafna flus lil terzi. X'inhi l-prijorità li għandu l-Gvern għal din il-ħidma f'din il-leġislatura? X'inhi l-istrateġija dwar dan ir-Reġistru? Hemm time frames? Kemm huma bħala persentaġġ dawk l-artijiet li huma rreġistrati? Kemm hemm impjegati li jaħdmu f'din it-taqsima proprju biex jirreġistraw l-art?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li jrid jingħad illi sest minn Malta u nofs minn Għawdex huwa ddikjarat bħala area ta’ reġistrazzjoni u għaldaqstant kull nutar li jippubblika kuntratti li fiha jkun hemm proprjeta’ li qiegħda f’dawn iż-żoni, ikun obbligat jirreġistra din il-proprjeta’. Minbarra l-proprjeta’ li hemm l-obbligu tar-registrazzjoni, ċioe dawk f’ żona ta’ reġistrazzjoni, qegħdin jiġu rreġistrati wkoll il-proprjetajiet li jappartjenu lill-Gvern kif ukoll il-proprjeta’ msemmija f’Kap. 358 (Att dwar Proprjeta ta’ Entitajiet Ekkleżjastiċi).
Wara snin ta’ telqa, il-Gvern qiegħed fil-proċess li jirristruttura dan id-Dipartiment ħalli jkun il-mutur ewlieni fil-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ proprjeta’, għaldaqstant, fi żmien qarib, ħa ssir struttura ġdida kemm f’dak li jirrigwardja l-impjegati kif ukoll f’dak li jirrigwarda sistemi ta’ registrazzjoni.
Id-Dipartimet qiegħed fil-proċess li jinħargu tenders permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex jinxtara hardware modern u ssir sistema kompjuterizzata ġdida, liema sistema hija ntenzjonata li tkun waħda paperless u liema tenders għandhom jinkludu wkoll ix-xogħol li għandu jsir sabiex ikun hemm it-transpożizzjoni u t-trasfermiment tal-parcels u d-data li hemm fuq is-sistema preżenti għal fuq is-sistema l-ġdida. Huwa maħsub li dan il-proċess ikun lest fl-aħħar tas-sena 2021. B‘din is-sistema l-ġdida, huwa antiċipat illi s-sistema għar-registrazzjoni tiġi faċilitata u titħaffef u allura tagħmilha possibbli li tkun miftuħa għall-interita’ ta’ Malta u Għawdex.
Għalkemm il-liġi dwar ir-Registru tal-Artijiet daħlet fis-seħħ fl-1981, wasal iż-żmien li l-Gvern jagħti l-importanza xierqa lir-rwol li qiegħed jaqdi dan id-dipartiment b’ inizjattivi ġodda kif indikat f’ din ir-risposta u dan sabiex verament joffri servizzi aktar faċli u b’ anqas spejjeż, ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ propjeta bħal ma’ hemm f’ pajjizi oħra Ewropej.
Fis-sistema preżenti, ġewwa Malta u Għawdex hemm total ta’ 60,727 parcels ta’ proprjeta’ rreġistrata, li komplessivament ikopru area ta’ 157.03 kilometri kwadri. Din id-data m’hix aċċessibbli mis-sistema preżenti imma ġiet kompilata permezz ta’ analiżi li saret f’Diċembru, 2017.
In-numru totali ta’ impjegati fir-Reġistru tal-Artijiet huma 35, ċjoe’ 28 impjegat fl-uffiċċju ta’ Malta u 7 impjegati fl-uffiċċju ta’ Għawdex.
B’referenza għal-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u n-negozjati li qed isiru mal-Awtorità tal-Artijiet, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu dawn in-negozjati? X’inhu l-eżitu ta’ dan il-ftehim? X’inhu l-gwadann pubbliku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-dawl tal-azzjonijiet meħudha fil-passat u fl-ambjent ekonomiku preżenti, l-Awtorita qiegħdha tevalwa d-diversi aspetti fl-interess tal-Gvern.
Direttorat li jieħu ħsieb il-Parks – għoti ta’ kuntratti b’direct order
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata b’direct order minn Novembru 2017 sa Mejju 2018 lid-direttorat li jieħu ħsieb il-Parks? Jista’ l-Ministru jgħid liema huma wieħed wieħed u x’inhuma r-raġunijiet? Kemm huma u liema huma dawk il-kuntratti li ma nħarġilhomx direct order għall-perjodu, Novembru 2017 sa Mejju 2018?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Membri tal-korp diplomatiku li ma jistgħux igawdu minn work life balance
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn membri tal-korp diplomatiku li qegħdin jaħdmu hawn Malta u jagħmlu l-istess xogħol bħall-membri taċ-ċivil, ma’ jistgħux igawdu l-istess miżuri ta’ work-life-balance bħal telework mentri sħabhom taċ-ċivil jistgħu? X’inhi r-raġuni għalfejn qed titħalla din id-diskrepanza?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat illi, l-eliġibilità għal telework kif indikata fil-Manual on Work Life Balance Measures tħares lejn il-prestazzjoni tax-xogħol, karatteristiċi u ħiliet tal-impjegat kif ukoll jekk ix-xogħol huwiex addatat għal telework.
Sabiex impjegat ikun jista’ jaqdi dmirijiet permezz ta’ telework b’suċċess, huwa mistenni li l-impjegat ikollu dawn il-karatteristiċi u ħiliet kollha:
· Kapaċità li jaħdem b'mod indipendenti u mingħajr superviżjoni kostanti;
· Kompetenza fil-ħiliet tat-tqassim tal-ħin;
· Kapaċità li jaħdem fuq inizjattiva proprja;
· Għarfien tal-informatika
(ICT)
; u
· Ir-rekord tal-prestazzjoni passata biex jintlaħqu
deadlines
, miri u r-riżultati.
B’konformità mal-Public Service Mangement Code, sezzjoni 4.3, fl-2015, il-Ministeru addotta politika interna fuq Family Friendly Measures li fiha indikat it-tip ta’ xogħol li jista’ jiġi addottat għal telework. F’ċertu każijiet, bħal fejn hemm bżonn ta’ aċċess għal dokumentazzjoni klassifikata u / jew kunfidenzjali ma huwiex permessibli li x-xogħol isir barra mill-uffiċju.
Biex tiġi aċċetta applikazzjoni, huwa essenzjali li x-xogħol assenjat jista’ jsir b’supervizzjoni limitata u ta’ l-istess kwalita’ daqs li kieku ix-xogħol sar fl-uffiċju. Kull talba tiġi evalwata fuq bażi individuali skont il-kriterji addottati.
Inżid ngħid illi l-politika imħaddma mill-Ministeru ssemmi li hemm family friendly measures oħra li persuna tista’ tapplika għalihom – bħal flexi time u reduced hours.
Summit World’s First Global Ministerial Mental Health
Question
B’referenza għall-ewwel summit li jġib l-isem World’s First Global Ministerial Mental Health Summit f’Londra li ser isir f’Ottubru li ġej, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hu ġiex mistieden? Jista’ jgħid jekk hux ippjanat li ser jattendi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għadni ma rċivejt l-ebda stedina dwar is-summit imsemmi minnu.
Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijuni – każijiet ta’ secondary infertility
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il każ ta’ secondary infertility kienu eleġibbli mill-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijuni għal trattament b’xejn mill-2013 sal-lum?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn statistika miġbura mill-Awtorita’ tal-Protezzjoni tal-Embrijuni sa Diċembru tal-2017, skont l-eligibility criteria maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa (mhux l-Awtorita’) kienu eliġibbli 43 koppji li rrappurtaw li kellhom Infertilita Sekondarja minħabba li diġa kellhom wild minn relazzjonijiet preċedenti. Bil-liġi(tal-2012) u l-protokol eżistenti, koppji li diġa għandhom wild mill-istess relazzjoni mhumiex intitolati għal proċeduri ta’ prokreazzjoni assistita b’xejn.
Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment — skumdità lir-residenti
Question
Ta’ kull sena l-post ta’ divertiment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li qiegħed fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ joħloq skumdità b’mużika li tindaqq fl-apert b’volum għoli u storbjuż li jinstema’ mir-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ u tal-madwar. Jidher li minkejja li jsiru diversi rapporti lill-pulizija, din tonqos li taġixxi. Peress li l-post hu fil-konfini ta’ Ħaż-Żebbuġ, iżda rapport irid isir f’distrett ieħor, jiġifieri fl-għassa tar-Rabat, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ser jittieħdu biex dan l-ilment jissolva darba għal dejjem? X’passi ħadet il-pulizija fil-passat? X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-operat ta’ din id-diskoteka?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li jirriżulta li l-istabbiliment imsemmi mill-Onor. Interpellant għandu permess maħruġ mill-Ministeru tat-Turiżmu fl-2006 sabiex tindaqq il-mużika fil-miftuħ b’kundizzjoni li dan isir sal-erbgħa ta’ filgħodu. Infurmat li l-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat jagħmlu spezzjonjiet u verifiki kull meta jkollhom rapport u anke spezzjonijiet għal għarrieda biex jaraw anke li l-post jingħalaq mal-ħin li għandu bħala kundizzjoni fil-permess. Dawn l-ispezzjonijiet ser jibqgħu jsiru. Konsegwenza ta’ dawn l-ispezzjonijiet, infurmat li kienu ħarġu akkużi kontra d-diriġenti tal-lokal fil-passat u għad hemm ukoll akkużi pendenti quddiem il-Qorti dwar daqq ta’ mużika bil-qawwi minn dan l-istess stabbiliment. Akkużi oħra jibqgħu jinħarġu meta jkun hemm ksur tal-Liġi.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4609 u 5405 u ċjoè: Peress li ġie mħabbar li l-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jiġi investigat minn awtoritajiet fil-Lussumburgu minħabba ħasil ta’ flus, jista’ l-Ministru jgħid xi due diligence sar meta ġie aċċettat dan il-bank meta kien magħruf li ċertu pajjiżi Ewropej kienu qed jinvestigaw wieħed mis-sidien tal-bank? Jista’ jgħid meta l-aħħar saret spezzjoni fuq dan il-bank mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) u kemm-il darba saret spezzjoni għal kull sena, waħda wara l-oħra, mis-sena 2014?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-bank in kwistjoni ġie liċenzjat wara li sar il-proċess kollu meħtieġ u skond il-proċeduri tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA). Dan il-proċess jinkludi due diligence assessment tal-persuni kollha li jkunu ser imexxu jew ikunu f’pożizzjoni li jinfluwenzaw jew jikkontrollaw id-direzzjoni tal-entità u jinkludu s-sidien tal-entità. Bħala parti minn dan id-due diligence isiru wkoll kuntatti ma’ awtoritajiet regolatorji barranin fejn u jekk il-persuni msemmija jkunu involuti f’attivitajiet regolati minn dawn l-awtoritajiet. Ninsab infurmat li wara li sar proċess metikoluz kif mehtieġ, inkluz id-due diligence assessment minn fejn ma rrizultatx informazjoni negativa li setgħet twaqqaf licenzja, l-MFSA illiċenżjat il-bank in kwistjoni wara li assigurat ruha li l-kriterji kollha mehtiega skond il-ligi kienu soddisfatti.
Bhal kull bank iehor, il-bank in kwistjoni huwa soġġett għas-sorveljanza kontinwa tal-MFSA. Din tieħu l-forma kemm ta’
off-site assessments
ta’ informazzjoni u rapporti mogħtija mill-bank lill-Awtorità fuq bażi regolari, kif ukoll ezamijiet
on-site
fejn spetturi mill-Awtorita’ iżuru l-bank. L-Awtorità ma tistax tagħti informazzjoni specifika dwar is-sorveljanza tagħha ta’ xi bank jew entita ohra minħabba ragunijiet ta’ kunfidenzjalità.
Deputati Parlamentari li huma impjegati fis-settur pubbliku
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5561, 5172 u 4813 u ċjoè: Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-Onor. Adrian Delia, Kap tal-Oppożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista għandux impjieg mal-Gvern u/jew ma’ entitajiet pubbliċi barra mis-servizz pubbliku? Peress li l-impjieg fis-settur pubbliku huwa regolat b’Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni u li kull impjieg ma’ kull korp stabbilit bil-Kostituzzjoni jew b’xi liġi jew taħt xi liġi oħra, u ma’ kull soċjetà jew korp ieħor li fih il-Gvern ta’ Malta, jew xi korp kif intqal qabel, ikollhom sehem biżżejjed biex jikkontrollaw jew li fuqu jkollhom kontroll effettiv, għandu, kemm-il darba dak id-dħul ma jkunx sar wara eżami pubbliku li jkun ġie avżat kif imiss, isir permezz tas-servizz għall-impjegar (jiġifieri Jobs Plus jew l-ekwivalenti tiegħu fil-passat), jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista’ l-Prim Ministru jgħid:
a. Kemm ilu ingaġġat dan id-deputat fis-servizz pubbliku jew f’entitajiet fuq imsemmija u b’liema metodu msemmi fil-Kostituzzjoni;
b. X’kuntratt ta’ impjieg/servizz għandu dan id-deputat, kif ukoll x’inhu d-dħul gross annwali tiegħu; u
c. X’inhi l-kariga u grad li jokkupa llum?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Onor. Adrian Delia m’għandu ebda tip ta’ kuntratt ta’ impjieg/servizz fid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.