Legislature:
Category:
Reset
Active:

Renju Unit – Maltese Culture Movement – Malta Day

Question

L-akbar għaqda tal-Maltin fir-Renju Unit hi l-Maltese Culture Movement fejn ilha torganizza l-avveniment tal-Malta Day f’Settembru b’suċċess sa mill-2001, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna jagħti l-Ministeru tiegħu biex dan iseħħ? X’inhuma l-pjanijiet għal din is-sena u għas-sena 2019?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Għaqda msemmija mhux l-unika organizazzjoni li hija nvoulta biex il-Malta Day fir-Renju Unit tiġi organizzata.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – laqgħat fuq traffikar taż-żejt mil-Libja għall-Italja

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3610, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-laqgħa kenitx organizzata formalment? Jista’ jgħid min kienu l-persuni involuti fil-laqgħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija 3610, specjalment għall-ewwel sentenza.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – kontribuzzjoni lil Diplo Foundation

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3600 jista’ l-Ministru jgħid għal liema użu kienet il-kontribuzzjoni ta’ €280,000 lid-Diplo Foundation? Jista’ jgħid kif intefqu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontribuzzjonijiet li għamel il-Ministeru lid-DiploFoundation matul is-snin imsemmija (2014-2017) ntużaw f’numru ta’ scholarships, fellowships, żvilupp ta’ proġetti u ICT infrastuttura, administrazzjoni u mmaniġġar tal-Fondazzjoni, partecipazzjoni f’Konferenzi, tisħiħ u tiġdid tal-Course Materials. Ta’ min jgħid li l-fondi li ntużaw fl-I scholarships u Fellowhips kienu ( full jew partial ) immirati għall-parteċipanti minn pajjizi li qegħdin jiżvillupaw u wkoll għall-Pajjizi Stati Zgħar.

Proċess mal-wasla ta’ immigrant għal stat ta’ refuġjat – politika ta’ integrazzjoni

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6355 dwar il-proċess mal-wasla ta’ immigrant għal stat ta’ refuġjat, jista’ l-Ministru jgħid kif qed titħaddem il-politika ta’ integrazzjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant, sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari, lill-Ministru kkonċernat.

Siġar meqruda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6177 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqalgħet jew tqaċċtet jew inqerdet, bil-permess u mhux, matul l-2016, l-2017 u l-2018 sa Mejju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tinkludi s-sena, is-speċi tas-siġra u timmarka b’distinzjoni jekk kienx hemm permess jew le? Fil-każ li ma kienx hemm permess, x’passi ttieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

ERA – applikazzjonijiet dwar qlugħ u żbir ta’ siġar

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5709 jista’ l-Ministru jippubblika l-ammont ta' siġar għall kull applikazzjoni msemmija? Jista’ jinkludi wkoll it-triq u l-lokalità ta' fejn kienu jew għadhom is-siġar f'kull każ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Leg 13 PQ #6565 Sitting 135 2018-06-25 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Airmalta — skeda

Question

B’referenza dwar dak li ġie rraportat online fuq: https://www.reuters.com/article/us-airbus-deliveries-idUSKBN1AK252, nifhem ir-raġuni li dan mhux it-tort tal-Airmalta, imma l-Airmalta ilha taf li mhux ser tinżamm l-iskeda, allura jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-Ministeru jitfa’ t-tort dwar hekk, meta seta’ rrimedja f’ħin waqtu? Ma jidhirlux il-Ministru li dan jista’ jkun nuqqas ta’ tmexxija serja?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6321.

Privatizzazzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Question

B’referenza għall-privatizzazzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min huma l-entitajiet li ser jieħdu t-tmexxija f’idejhom? Jista’ jgħid x’ser jiggwadanja l-poplu Malti minn dan l-arranġament? Dan l-arranġament jista’ jwassal għall-monopolju? L-oqbra ser jibqgħu jinxtraw mingħand il-gvern? Jekk le, ġie stabbilit prezz? X’inhuma l-arranġamenti biex isir ir-restawr tal-monumenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-konsorzju li ngħażel sabiex jagħmel ix-xogħol meħtieġ fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata huwa CampoSanto JV. Dan se jwassal sabiex issir estenzjoni ta’ 2,880 qabar kif ukoll ammont sostanzjali ta’ restawr tal-binjiet li hemm fiċ-ċimiterju u li ghandhom ukoll preġju storiku. L-immaniġġjar tal-operat taċ-ċimiterju se jgħaddi f’idejn l-istess konzorju. Dan se jwassal għal immaniġġjar aħjar tar-riżorsi. L-oqbra qegħdin u se jibqgħu jinxtraw mingħand il-Gvern billi ssir applikazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali. Il-prezz tal-oqbra ġie stabbilit fl-2016 meta nħareġ l-AL 425/2016. Bħala parti mill-proċess sabiex jiġi elenkat dak kollu li se jkun kopert minn dan il-proġett, inkiteb ukoll Restoration Method Statement li serva kemm sabiex joħorgu l-permessi meħtieġa u wkoll sabiex jelenka x-xogħol kollu ta’ restawr li se jsir.

Open space enclaves

Question

Il-qalb ta’ kull raħal hu wirt arkitettoniku li jagħti karattru lil Malta, u peress li fil-pjanijiet lokali nsibu spazji li huma definiti b’mod tekniku bħala open space enclaves u li jinkludu wkoll ġonna antiki li mhux bilfors ikunu parti minn djar ta’ karattru, u billi dawn l-enclaves huma parti mill-Urban Conservation Areas, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Gvern biex jipproteġi lil dawn l-enclaves? Jista’ jgħid liema hu l-Att Legali li jħares dan u li joħroġ mil-liġi tal-Awtorità tal-Ippjanar? Liema hu l-artiklu li jiddefinixxi dan f’kull pjan lokali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti l-kbira ta’ dawn l-enclaves huma proprjetà privata u għalhekk il-Gvern ma tantx għandu opportunità li jintervejeni b’mod dirett. Il-ħarsien ta’ dawn l-enclaves qed jiġu assigurat mill-Awtorità tal-Ippjanar meta tkun qed tikkonsidra applikazzjonijiet ta żvilupp ġo fihom billi tapplika l-policies viġenti kemm tal-iSPED u kemm tal-Pjanijiet Lokali. L-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp jobbliga lill-Awtorità li meta tkun qed tħejji plan jew policy għandha tqis il-konservazzjoni u preservazzjoni ta’ riżorsi naturali, kif ukoll policies ambjentali kurrenti tal-Gvern. L-open space enclaves huma definiti fil-pjanijiet lokali u mhux fil-liġi. Kull Pjan Lokali għandu policy speċifika però l-ġist ta’ kull policy hu li ma jitħalla li jsir ebda żvilupp ħlief għal meta dan ikun estenzjoni ma' bini eżistenti, jew parti minn proġett ta riabilitazzjoni jew swimming pool u dejjem taħt kundizzjonijiet stretti biex jiġu mħarsa, sigar, il-ħamrija u features oħra ta’ valur arkitettoniku.

Transport Malta – Masterplan – tħejjija ta’ proġetti ta’ toroq

Question

B’referenza għall-Masterplan 2015 ta’ Transport Malta dwar it-tħejjija ta’ proġetti ta’ toroq li kienu mitluba mill-Unjoni Ewropea biex jingħataw fondi, b’mod partikolari għal paġna 225, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li t-triq arterjali ta’ Ħ’Attard li kienet fl-aħħar tal-lista issa hi prijorità tal-Ministeru biex issir minnufih? Xi studji kienu saru dak iż-żmien meta kienet qed tiġi ppreparata l-lista tat-toroq biex issir il-klassifikazzjoni ta’ prijorità li għandhom jingħataw? Dan għadu jgħodd?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropeja 1315/2013 dwar il-linji gwida għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropea, l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma mitluba jlestu il-kumplament tal-partijiet tan-network TEN-T fit-territorju tagħhom sas-sena 2030 (TEN-T core network) u sas-sena 2050 (TEN-T comprehensive network). F’Malta nsibu 29 proġett fuq in-network TEN-T li jridu jitlestew, skont il-kriterji tal-Unjoni Ewropea. It-Transport Masterplan indikat fil-fatt issemmi 29 proġett jew intervent li jeħtieġ isiru (paġni 257-260). Saret multi-criteria analysis ta’ dawn il-proġetti TEN-T sabiex issir lista’ ta’ prioritajiet b’mod oġġettiv. Hekk kif ix-xogħlijiet fuq numru ta’ proġetti ta’ toroq TEN-T ikklassifikati fuq nett ta’ din il-lista saru jew qed jitwettqu, bħall-proġetti tal-Kappara Junction u l-Marsa Junction, il-Gvern issa qed jiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ proġetti oħra TEN-T li jingħataw priorità f’din il-lista. Dawn il-proġetti jinkludu t-titjib ta’ Vjal Santa Luċija, kif ukoll l-inħawi ta’ Ħ’Attard, ir-Rabat u l-inħawi, li qed jiġu inklużi fis-Central Link Project. Dawn l-interventi huma fil-fatt imniżżla bħala t-12-il prijorità tal-lista ta’ proġetti TEN-T. Ta’ min isemmi li bħalissa u fis-snin li għaddew saru diversi tipi ta’ interventi fuq ħafna mill-proġetti li qegħdin f’din il-lista u l-proġett in kwistjoni huwa wieħed minnhom. Dawn l-interventi jvarjaw minn studji, disinji ta’ toroq u saħansitra kostruzzjoni ta’ toroq u junctions ġodda jew bini mill-ġdid tagħhom. Minn żmien għal żmien ikun hemm proġetti li jibdew qabel oħrajn, minkejja li fil-Masterplan kienu mniżżlin b’ordni differenti, minħabba li l-ippjanar u d-disinji jkunu iktar avvanzati, jew inkella minħabba kwistjonijiet ta’ mmaniġġar tat-traffiku jew id-disponibilità tal-fondi allokati.

Immigrazzjoni rregolari – fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-fondi li Malta qed tieħu mill-Unjoni Ewropea kull sena għall-ħidma tagħha dwar l-immigrazzjoni rregolari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Il-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali flimkien mad-dipartimenti, entitajiet, aġenziji u msieħba tiegħu qed jimplimentaw proġetti taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni u l-Fond Tas-Sigurtà Interna, li jifformaw parti minn Programm tà Fondi Ewropej għal Malta 2014-2020. L-iskop primarju tal-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni hu dak biex jgħin lil pajjiżna ikun iktar attrezzat u effettiv fejn tidħol il-provvista tà bżonnijiet baziċi għall-immigranti li jaslu fi xtutna b’mod irregolari. L-investimenti konċernati jvarjaw minn azzjonijiet biex tiġi provduta akkomodazzjoni xierqa u sigura, sa provvista tal-ikel u għajnuniet oħra, speċjalment servizzi mediċi u soċjali. Dan minbarra għajnuniet finanzjarji oħra marbuta mar-ripatriazzjoni tà immigranti fuq bażi volontarja jew sfurzata, kif ukoll għas-sistemazzjoni mill-ġdid u r-rilokazzjoni tà immigranti li jkunu ġejjin mill-Italja u l-Greċja. Fl-istess waqt, parti mill-għan tal-Fond Tas-Sigurtà Interna hija biex tassigura li l-Forzi Armati tà Malta jkunu mgħammra b’assi u teknoloġiji moderni sabiex ikunu jistaw jimmaniġjaw u jissorveljaw il-fruntieri u l-ibħra territorjali Maltin, bl-aktar mod effiċjenti u effettiv, b’rabta wkoll kemxejn diretta mall-immigrazzjoni irregolari. Madankollu, l-investimenti maġġuri jvarjaw minn tgħamir tal-baħar bħal xiri tà bastiment ġdid, sa tgħamir tal-ajru bħal xiri tà elikotteru u ajruplan għas-sorveljanza marittima. Dan minbarra l-bini tà attrezzaturi ġodda fi ħdan il-kwartieri tal-Forzi Armati tà Malta, bl-għan li jtejbu bil-bosta il-kontroll u l-effiċjenza tal-operat tagħhom, speċjalment meta jkun meħtieġ li tittieħed xi azzjoni urġenti jew titwettaq xi operazjoni tà sorveljanza. F’iktar dettal, bħalissa qed jiġu implimentati disà (9) proġetti taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni b’investiment tà mhux inqas minn €22.06 Miljuni, b’finanzjament mill-Unjoni Ewropeja tà €16.87 Miljuni. Barra n-nefqa attwali, il-kumplament tal-fondi huma proġettati li jintnefqu sas-sena 2022. F’parenteżi, il-Ministeru konċernat qed jimplimenta żewġ (2) proġetti taħt dan il-Fond, b’allokazzjoni finanzjarja tà €9.19 Miljuni, hekk kif qed jimplimenta proġett ieħor flimkien mà organizzazjoni internazzjonali, b’valur tà €1.25 Miljuni. Hu maħsub, li fuq dawn it-tlett (3) proġetti, finanzjament mill-Unjoni Ewropeja ilaħħaq il-valur tà €8.15 Miljuni. Il-Korp tal-Pulizija ukoll għaddej b’ħidma biex jimplimenta proġett ieħor taħt dan il-Fond iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja, b’allokazzjoni finanzjarja tà €1.25 Miljuni, fejn €0.94 Miljuni huma Fondi Ewropej. Bl-istess mod, l-Aġenzija għal-Ħarsien tà Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil qed timplimenta tlett (3) proġetti taħt dan l-istess Fond, b’allokazzjoni finanzjarja tà €9.46 Miljuni fejn €7.09 Miljuni huma Fondi Ewropej, filwaqt li l-Kummissjoni għar-Refuġjati qed timplimenta żewġ (2) proġetti, b’allokazzjoni finanzjarja tà €0.91 Miljuni fejn €0.69 Miljuni huma Fondi Ewropej. Addizzjonalment, il-Forzi Armati tà Malta qed jimplimentaw ħames (5) proġetti taħt il-Fond Tas-Sigurtà Interna, dawk li b’xi mod għandhom rabta diretta mall-immigrazzjoni irregolari. L-investiment totali jlaħħaq il-valur tà €54.16 Miljuni, fejn €40.69 Miljuni huma fondi Ewropej. Madankollu, barra n-nefqa attwali, il-kumplament tal-fondi huma proġettati li jintnefqu sas-sena 2020. Iżjed minn hekk, f’dan l-istess perjodu, il-Forzi Armati tà Malta temmew b’suċċess proġett ieħor taħt dan l-istess Fond, b’nefqa pubblika tà €14 il-Miljun, fejn €12.6 Miljuni huma fondi Ewropej. Attwalment, l-investiment ilaħħaq it-total tà €68.16 Miljuni, fejn €53.29 Miljuni huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropeja. Tà min iżid jgħid, li meta wieħed jikkunsidra dawn id-disà (9) proġetti taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni u s-sitt (6) proġetti taħt il-Fond Tas-Sigurtà Interna, isib li l-medja annwali tà Fondi Ewropej f’dak li hu allokazzjoni finanzjarja matul il-perjodu 2014 – 2022, tvarja minn sena għall-oħra, skond il-pjan tà implimentazzjoni li hemm stipulat taħt kull proġett. Iktar dettalji finanzjarji jinsabu fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proċess mal-wasla ta’ immigrant għal stat ta’ refuġjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-proċess li hu applikat illum mal-wasla ta’ immigrant sakemm jingħata stat ta’ refuġjat? Kif qed titħaddem il-politika ta’ integrazzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li immigrant li jasal Malta legalment jew illegalment li juri x-xewqa li japplika għal protezzjoni internazzjonali iżda għandu akkomodazzjoni privata, imur l-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati, fejn jiġi reġistrat bl-għajnuna ta’ interpretu. Jingħata Asylum Seekers Document u jingħata appuntament biex imur f’Ċentru tas-Saħħa biex ikun medically screened, u biex imur il-Eurodac Office fejn jittiħdulu l-fingerprints. Iktar tard l-immigrant jiġi mgħajjat għal intervista li ssir minn case worker tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati, il-każ jiġi studjat u tittieħed deċiżjoni jekk l-immigrant jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali. Immigrant li jasal Malta legalment jew illegalment li juri x-xewqa li japplika għal protezzjoni internazzjonali iżda m’għandux akkomodazzjoni privata, jiġi akkomodat fl- Intial Reception Centre fejn jiġi medically screened u jittiħdulu l- fingerprints . Din il-proċedura tieħu madwar ġimgħa, wara li l-immigrant jiġi medic ally cleared jiġi trasferit f’Ċentru Miftuħ. Ir-reġistrazzjoni tal-immigrant għal-applikazzjoni tal-protezzjoni internazzjonali mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati tista’ sseħħ qabel ma jintbagħat l- Intial Recpetion Centre , iżda l-intevista għall-protezzjoni internazzjonli ssir wara. Il-każ jiġi studjat u tittieħed deċiżjoni jekk l-immigrant jikkwalifikax għal-protezzjoni internazzjonali. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza t-tieni parti tal-mistoqsija dwar integrazzjoni lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #6356 Sitting 133 2018-06-19 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tfal ta’ immigranti mwielda Malta – għoti ta’ ċittadinanza Maltija

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm mit-tfal ta’ immigranti llegali li twieldu Malta, ingħataw ċittadinanza Maltija? X’inhi l-policy dwar hekk?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuni li twieldu f'Malta wara l-31 ta' Lulju 1989 jakkwistaw ċittadinanza Maltija taħt il-provvedimenti tal-Att Dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188) awtomatikament mat-twelid f’Malta biss jekk wieħed mill-ġenituri ikun ċittadin Malti.

Kurituri umanitarji mill-Ewropa

Question

Bħal-lum sena fil-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u Malta wegħdet li għandhom jinħolqu kuruturi umanitarji mill-Ewropa. Tista’ l-Ministru tgħid jekk dawn seħħewx?

Response (DALLI, HELENA)

Il-kuruturi umanitarji jistgħu jieħdu diversi forom, fosthom ir-risistemazzjoni. F’Settembru 2017, il-Kummissjoni nehdiet programm ġdid għar-risistemazzjoni ta’ 50,000 persuna fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari mill-Afrika ta’ Fuq u l-Qarn tal-Afrika, (speċifikament il-Libja, l-Eġittu, n-Niġer, iċ-Ċad, u l-Etjopja), kif ukoll mit-Turkija, il-Ġordan u l-Lebanon. Dan il-programm qed jappoġġja wkoll il-Mekkaniżmu għall-Evakwazzjoni Urġenti mill-Libja lejn in-Niġer, li huwa implimentat mill-UNHCR, billi jipprovdi għar-risistemazzjoni ta’ refuġjati vulnerabbli li jkunu ġew evakwati. Fl-istess ħin, qed ikomplu n-negozjati fl-Unjoni Ewropea sabiex jiġi stabbilit qafas Ewropew permanenti għar-risistemazzjoni.

Rabat – protezzjoni tal-foss il-qadim

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6034, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed tieħu s-Sovratendenza biex il-foss il-qadim tar-Rabat li jmur lura għaż-żmien ir-Rumani u li kien parti mil-limiti tal-Imdina jiġi mħares?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Membri tal-korp diplomatiku li ma jistgħux igawdu minn work life balance

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6033, barra dak li hu spjegat fir-risposta, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx internal policy li diplomatiċi ma jistgħux jagħmlu teleworking? Jista’ jgħid li la qed jiġu offruti reduced hours u flexi time, dan ifisser reduced pay?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ġie spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6033, fl-internal policy fuq Family Friendly Measures fiha indikat it-tip ta’ xogħol li jista’ jiġi addottat għal telework. Infakkar ukoll li sabiex impjegat ikun jista’ jaqdi dmirijiet permezz ta’ telework b’suċċess, huwa mistenni li l-impjegat ikollu wkoll il-karatteristiċi u l-ħiliet kollha neċessari. Kull talba tiġi evaluata fuq bażi individuali skont il-kriterji addottati. Il-Manual on Work-Life Balance Measures jindika li uffiċjali fuq flexi time (sezzjoni 3.3) huma renumerati bis-salarju komplut, kif ukoll il-benefiċcji applikabli għall-ħaddiema impjegati fuq skeda tax-xogħol normali, filwaqt li uffiċjali fuq reduced hours (sezzjoni 3.1) huma renumerati pro-rata skont is-siegħat ta’ ħidma magħżula.

Diskoteka fil-miftuħ – inkonvenjent lill-pazjenti ta’ Mount Carmel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa biex jipproteġi d-drittijiet tal-pazjenti morda b’diżordni mentali fl-Isptar ta’ Mount Carmel minħabba l-inkonvenjent li qed toħloq id-diskoteka miftuħa fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbug li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li għandu permess li jdoqq sal-4.00 am, u li qed jolqot lill-morda ta’ ċertu swali bil-ħoss esaġerat tal-mużika tad-diskoteka? Kemm ir-rapport sar lill-Pulizija? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sa meta nġabret l-informazzjoni (il-Ħamis, 14/06/18) l-amministrazzjoni tal-Isptar Mount Carmel ma kien waslilha l-ebda lment dwar xi forma ta’ inkonvenjent li seta kien ikkaġunat minn ħsejjes esaġerati ta’ mużika mid-diskoteka li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.

Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment — skumdità lir-residenti – kejl tal-volum tal-ħoss tal-mużika

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbug li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hu ta’ disturb lir-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbug, Rabat, Siġġiewi u Ħ’Attard u b’mod partikolari għall-ispezzjonijiet tal-pulizija, jista’ l-Ministru jgħid x’tagħmir għandha l-pulizija biex tkejjel b’decibles il-volum tal-ħoss tal-mużika? Jista’ l-Ministru jipprovdi tabella ta’ dawn l-ispezzjonijiet li jindikaw il-volum tal-ħoss u d-distanza minn fejn ittieħed? Jekk il-pulizija ma għandhiex dan l-apparat, fuq minn taqa’ bħala entità biex jitkejjel dan? Jekk il-pulizija ma għadhiex tuża dan l-apparat, jista’ l-Ministru jgħid kif tista’ l-Pulizija tressaq din l-entità diskoteka bi provi konkreti l-qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma għandha l-ebda apparat biex tkejjel b’decibles il-volum tal-ħoss tal-mużika u ma hemm l-ebda liġi li tirregola tali livell ta’ dawn il-ħsejjes. Għaldaqstant ma teżistix tabella ta’ xi spezzjonijiet li saru u li jindikaw il-volum tal-ħoss u d-distanza minn fejn ittieħed. Infurmat illi madankollu l-Pulizija dejjem taġixxi meta xi ħadd jirraporta li sofra inkonvenjent bil-ħsejjes u jinħarġu akkużi kontra min jikkaġuna l-inkonvenjent meta jkun il-każ, skont l-evidenza miġbura u kif tipprovdi l-liġi. Bħalissa m’hemmx entità partikulari li tkejjel b’decibles il-volum tal-ħoss tal-mużika.
Leg 13 PQ #6350 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment – ħruġ tal-permess

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hi ta’ disturb għar-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, Rabat, Siġġiewi u Ħ’Attard, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji tal-ħruġ tal-permess? X’superviżjoni ssir mill-Ministeru? X’inhi l-proċedura ta’ tiġdid tal-permess? Kemm hu l-ħlas tal-liċenzja ta’ stabbilimenti ta’ din ix-xorta? X’miżuri ġew imposti fuq id-diskoteka biex ikun hemm sound buffers u b’hekk il-ħoss tal-mużika ma jiġiex trasmess b’inkonvenjent?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-MTA ma kinitx l-Awtorita’ li dak iż-żmien ipproċessat u ħarġet il-liċenzja ta’ diskoteka, iżda kien il-Kummissarju tal-Pulizija li ħareġ din il-liċenzja. Il-parir li l-MTA intalbet tagħti dak iż-żmien kien jekk il-liċenzji ta’ dan l-istabbiliment kinux imħallsin jew le.

Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment — skumdità lir-residenti – volum eċċessiv

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hi ta’ inkonvenjent għar-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, Rabat, Siġġiewi u Ħ’Attard. Hu fir-remit tal-ERA li tipproteġi d-drittijiet tar-residenti minn volum eċċessiv ta’ storbju. Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid kemm-il darba l-Korp tal-Pulizija u/jew il-Ministeru għall-Intern irrikorru għall-għajnuna f’dan ir-rigward? X’miżuri ġew imposti fuq id-diskoteka biex ikun hemm sound buffers u b’hekk il-ħoss tal-mużika ma tiġix trasmessa b’inkonvenjent?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dak li jikkonċerna noise pollution, il-Ministru għal Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima appunta Kummissjoni ad hoc. Din il-Kummisjoni ngħatat il-karigu sabiex tipproponi qafas leġislattiv sabiex tiġi regolata u ndirizzata din il-problema b’mod ħolistiku. Din il-Kummissjoni qed taħdem id f’id mal-ERA u fil-ġimgħat li ġejjin hu mistenni li d-dokument relattiv ikun konkluż u ppreżentat lill-Ministru għal kunsiderazzjoni tiegħu.