Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi l-iskeda ta’ kif qed jitqassmu l-magni taz-zokkor lill-persuni li huma dijabetiċi biex huma stess jiċċekkjaw iz-zokkor, lokalità waħda wara l-oħra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ din is-sena l-magni taz-zokkor ser jitqassmu fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Birkirkara, Birżebbuġia, Fleur-de-Lys, l-Iklin, Ħal Luqa, l-Mosta, Paceville, Pembroke, Tas-Sliema, u Sant Andrija San Ġiljan. B’hekk dawn il-magni ikunu tqassmu fil-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex sal-aħħar ta din is-sena, kif kien dejjem ippjanat.
Peress li għal diversi drabi r-rimi ta’ skart ta’ kostruzzjoni, u possibbilment anke ħamrija, qed kontinwament jintrema+ f’barriera li qiegħda bejn il-Qrendi u l-Imqabba fl-inħawi ta’ Misraħ is-Sinjura u tal-Għariex, u peress li l-barriera li r-ritratt tagħha qed jingħata separatament ilha ferm li mtliet u faret tant bit-terrapin li ħasret id-dehra tal-madwar, jista’ l-Ministru jgħid x’permessi għandha l-barriera biex dan isir? Jekk ma hemmx permessi, x’enforcements ħarġu mill-Awtorità għall-Ippjanar u meta? Kemm hu l-caping tal-multa jekk ħareġ l-enforcement? Il-multa tħallset? X’se jsir biex is-sit tal-barriera jirritorna għal-livelli aċċettabbli ta’ rimi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-barriera in kwistjoni hija kolpita b’żewġt azzjonijiet ta’ infurzar waħda ħarġet fl-2005 u oħra fl-2016, li kollettivament qed iġorru multa ta’ mitt Ewro kuljum li jaslu sa massimu ta’ mitt elf Ewro, u li sal-lum għadha tiddekorri. L-Awtorita’ se tuża l-mezzi disponibbli fil-ligi biex din il-barriera tirritorna għal livelli aċċettabli. Nixtieq ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-aħħar li saret spezzjoni fuq dan is-sit mill-uffiċjali tal-infurzar kien fit-18 ta’ Ottubru 2018 fejn ma ġietx innotata xi attivita’ ta’ tfieh ta’aktar materjal.
Peress li hu nnotat li art pubblika quddiem il-lukanda Riviera fil-Marfa, ġiet meħuda, billi tneħħa t-tarmak tat-triq u tqiegħdet art imħaġra, jista’ l-Ministru jgħid x’permess ingħata mill-Awtorità tal-Artijiet biex sar hekk? X’kien l-akkwist tal-poplu Malti?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu u jindika b’mod iktar preċiż għal liema biċċa art qed jirreferi.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – Person of trust – bejgħ ta’ medical visas
Question
Peress li l-media kemm dik internazzjonali kif ukoll nazzjonali rraportaw li fil-qrati ntqal li persuna appuntata bħala person of trust fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, biegħet medical visas u li l-Ambaxxati ta’ Tripoli u tal-Alġerija kienu involuti wkoll, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi ttieħdu dwar dan?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-każ li qed isemmi kien investigat fl-ahhar xhur mill-pulizija Maltija fejn kif anki sar magħruf pubblikament, instab li ma kien hemm ebda evidenza ta’ xi reat kriminali. Fl-ahhar gimghat ukoll il-Kummissjoni Ewropea fi tweġiba pubblika mogħtija mill-Kummissarju Dimitris Avramopoulos intqal li l-istess Kummissjoni m’għandha ebda informazzjoni illi tikkonferma l-istess allegazzjonijiet li qed jerggħu jkunu ripetuti fil-mistoqsija tal-Onor. Farrugia.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il passaport Malti ntilef fis-sena 2015, 2016 u 2017 għal kull sena? Kemm huma dawk il-persuni li tilfu l-passaport darbtejn, tliet darbiet jew aktar drabi minn hekk, mis-sena 2012 sal-2017 (perjodu ta’ ħames snin)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili, in-numru ta’ persuni li kellhom il-passaport tagħhom mitluf, misruq jew distrutt għal darba wahda kien jammonta għal 653 fl-2017, 513 fl-2016 u 555 fl-2015.
Bejn l-2012 u l-2017 kien hemm 26 persuna li kellhom il-passaport tagħhom mitluf, misruq jew distrutt f’aktar minn oka¿¿joni waħda, kif muri hawn taht :
2012 – 4
2013 – 8
2014 – 4
2015 – 6
2016 – 0
2017 – 4
Peress li l-Europol arrestat 79 persuna fi Spanja wara ħidma internazzjonali bejn Franza, l-Italja, Malta, Spanja u l-Portugal dwar allegat involviment ta’ traffikar illegali ta’ tonn aħmar fl-Ewropa li jkun inqabad f’ibħra Maltin u Taljani, jista’ l-Ministru jgħid x’kien eżatt l-involviment tal-Pulizija Maltija? X’prekawzjonijiet se jittieħdu mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali biex dan ma jseħħx aktar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li peress illi l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Membru tista’ tippreġudika l-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet, inklużi l-Pulizija, ma jkunx prudenti u ma jinħassx li tagħrif aktar dettaljat dwar l-operat tal-awtoritajiet f’dan il-każ għandu jkun ippubblikat. Infurmat iżda li kull assistenza mitluba ngħatat, bħal dejjem, fid-dawl ta’ koperazzjoni ma’ awtoritajiet barranin. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant iressaq il-mistoqsija lill-Onor. Ministru tal-Agrikoltura u Sajd.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-complement tal-paramedicals tal-ambulanzi li jaqgħa bħala pre-hospital? Kif inhuma maqsuma bħala organizzazzjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Emergency Ambulance Responders bħalissa huwa dak ta’ 63 u 7 Team Leaders. L-EARs jagħmlu parti mill-istruttura tad-Dipartiment tal-Emerġenza. Ninfurmah ukoll illi fid-dipartiment tal-Kura Primarja hemm 14 infermiera mħarrġa fil-Prehospital Care sabiex jassistu l-ambulanzi li jkunu fuq standby maċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid u tal-Mosta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ xarabank li bħalissa qed jintużaw ta’ kuljum bħala trasport pubbliku f’Malta? Kemm-il xarabank minn din il-flotta nxtrat ġdida fis-sena 2017 u kemm fis-sena 2018 s’issa? Kemm-il xarabank minn din il-flotta ġiet skrepjata fis-sena 2017 u fis-sena 2018 s’issa? Kemm jaħdmu sewwieqa tax-xarabank mat-trasport pubbliku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li:
• Fil-preżent hemm 407 karozzi tal-linja li qegħdin reġistrati bħala vetturi li qed jagħmlu is-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda;
• Fl-2017 l-operatur tat-trasport pubbliku żied 28 vettura ġdida mal-flotta tal-vetturi li joperaw fuq is-servizz. Fl-istess sena ġew skrepjati total ta’ 7 vetturi;
• Fl- 2018, s’issa, l-operatur tat-trasport pubbliku żied vettura waħda ġdida mal-flotta tal-vetturi li joperaw fuq is-servizz. Mill-bidu ta’ din is-sena s’issa ma ġiet skrepjata l-ebda xarabank.
Mill-informazzjoni miġbura mingħand l-operatur tat-trasport pubbliku jirriżulta li hemm total ta’ 1,075 sewwieqa tax-xarabank u li minnhom hemm 850 impjegati fuq bażi full-time filwaqt li l-kumplament huma fuq bazi part-time.
Ħruġ ta’ aggressuri minn djar tal-vittmi ta’ vjolenza domestika — każijiet
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6629, jista’ l-Ministru jgħid għaliex tagħrif tant importanti ta’ kemm ħarġu aggressuri mid-djar tal-vittmi ta’ vjolenza domestika ma tinżammx mill-Pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li għalkemm tagħrif ta’ kemm ħarġu aggressuri mid-djar tal-vittmi ta’ vjolenza domestika huwa importanti, bħalma hu importanti tagħrif fuq diversi materji oħra li jintalbu permezz ta’ interpellanzi, dan it-tagħrif qatt ma kien jinżamm taħt forma kompjuterizzata fis-sistema nazzjonali tal-Pulizija. Għalkemm din tiġi upgraded regolarment mhux possibbli li tkopri kull informazzjoni li tiġi mitluba. Infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni jrid isir eżami manwali li jinħtieġ ħafna żmien u riżorsi u peress li ma teżistix din il-kategorija fis-sistema, il-figuri jista’ ma jkunux veritieri. Madankollu infurmat li qed isiru arrangamenti biex jekk ikun possibbli fil-futur tidħol kategorija ta’ din ix-xorta fis-sistema nazzjonali tal-pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-kors tal-First Aid isirx obbligatorju fl-iskejjel sekondarji? Kemm hemm għalliema u LSEs li għandhom taħriġ fl-Ewwel Għajnuna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-istudenti tas-suġġett VET Health & Social Care jingħataw il-kors tal-First Aid. S’issa l-istudenti l-oħra ma jingħatawx dan il-kors. Il-maġġoranza tal-iskejjel sekondarji jistiednu lill-għalliema tal-Health & Safety sabiex jagħtu dan it-taħriġ fuq erbat ijiem. Ta' min jgħid li dawn l-għalliema tal-Health & Safety huma akkreditati li jistgħu jagħtu dan it-taħriġ mill-Malta Red Cross.
Fl-iskejjel tal-Istat għandna 165 edukatur kwalifikati bħala First Aiders. Infurmat iżda, li hemm aktar edukaturi li huma kwalifikati bħala First Aiders minħabba li jkunu għamlu l-kors fil-ħin personali tagħhom. Dawn l-edukaturi ma jkunux infurmaw lid-Dipartiment li jkollhom tali kwalifika minħabba li mhumiex obbligati jagħmlu dan.
B’referenza għall-investigazzjonijiet li saru fis-sena 2017 ta’ CT Scan, MRI u PAT Scan, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tiġih tiswa lill-Gvern kull CT scan, MRI u PAT scan? Jista’ jgħid kemm kienu dawk li twettqu l-MDH, GGH u fil-privat bħala PPP? Jekk xi wieħed minn dawn l-investigazzjonijiet ingħatat lill-privat, x’kienet ir-raġuni? Kemm hu l-prezz imħallas mill-Gvern meta jingħata lill-privat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalma jaf tajjeb hu l-ispejjeż mitluba minnu huma ta’ natura kummerċjali.
Matul l-2017 fis-servizz tal-Gvern saru 23,307
MRI’s
li minnhom 64 saru fil-privat,
CT Scans
saru 37,837 u ma kien hemm l-ebda
CT Scan
li sar fil-privat, filwaqt li
PET Scans
saru 1,731 li minnhom 47 saru fil-privat.
Ninfurmah ukoll illi fl-2012 fl-aħħar sena ta’ amministrazjoni nazzjonalista, f’sena sħiħa kienu saru biss 8,580
MRI’s,
CT Scans
21,882 u
PET Scan
1.
Peress li l-età taħt it-18-il sena hi meqjusa bħala minuri iżda dan ma jfissirx li din il-kategorija ma jistgħux jingħataw drittijiet ċivili li jkabbar youth empowerment, minkejja li l-ġenitur jibqa’ obbligat iħares l-interessi ta’ uliedu, kif ġara fil-każ ta’ konsulta medika u fl-età tal-kunsens għas-sess, u peress li meta sar l-abbozz dwar id-donazzjoni tal-organi, ċelloli u tessuti, l-età kienet ġiet stabbilita għal 18-il sena (sperma u ova ġew esklużi), jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk meta niġu għal donatur tal-sperma jew ova hemmx ħsieb li l-wild, għandux ikun jaf li hu ġie ikkonċepit f’dan il-mod qabel l-età ta’ 18-il sena? Jista’ jgħid jekk sarx studju?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Artiklu 7 tal- Att li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, Kap. 524 jispeċifika li “d-dokumenti mediċi li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-wild u l-identità tad-donatur jew tal-persuni li minnhom ikun oriġina embrijun adottat għandhom ikunu aċċessibbli għall-wild konċepit miċ-ċelloli germ line tal-imsemmi donatur jew meta l-wild jgħalaq it-tmintax-il sena jew, bil-kunsens tal-Awtorità, f’xi stadju qabel f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn il-ħajja jew is-saħħa tal-wild li twieled minn dawk iċ-ċelloli germ line qiegħda fil-periklu”.
L-eta’ ta’ 18 il-sena hija mfassla fuq l-eta’ ta’ addozzjoni.
Ninfurmah ukoll li l-ġenituri prospettivi huma liberi li jinfurmaw lill-wild li twieled minn proċeduri medikament assistiti bl-użu ta’ donatur. Hija l-identità tad-donatur li tingħata lill-wild ta’ 18 il-sena jekk hu jfittex li jsir jafha mingħand l-Awtorità.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbdew proċeduri fil-Ġnus Magħquda biex:
a. jittieħdu prekawzjonijiet speċjali meta gżejjer stati żgħar jiffaċjaw eskalazzjoni ta’ persuni li jfittxu l-ażil;
b. jiġu limitati t-talbiet ta’ min ifittex l-ażil għal wieħed li tkun ibbażata fuq
safe UN signatory country
u mhux għażla ta’ pajjiż?
Response (ABELA, CARMELO)
Fl-istituzzjonijiet internazzjonali Malta dejjem taħdem favur soluzzjoni globali għal sfidi globali.
Fil-fatt, kif elenka l-Prim Ministru fid-diskors tiegħu lill-Ġnus Magħquda, hi meħtieġa l-għaqda, il-komunikazzjoni fostna u l-ftehim biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi tal-lum il-ġurnata. B’hekk biss, permess ta’ front magħqud, ikollna ċans ikbar li nħollu l-kobob li jeżistu.
Malta temmen li dawk li qed jagħlqu l-bibien għad-diskussjoni qegħdin biss jistħajlu li xi kwistjonijiet jistgħu jaħarbu minnhom u pajjiżna żgur mhux wieħed minnhom.
Minbarra hekk, iżda, il-Ministeru tiegħi mhux informat bl-ebda proċeduri fil-Ġnus Magħquda kif indikat mill-Onor. Interpellant.
Peress li l-Prim Ministru ħabbar li fi żmien 15-il sena, it-trasport pubbliku madwar Malta u Għawdex se jkun b’xejn, jista’ l-Ministru jgħid xi studji saru biex Trasport Malta waslet għas-sena 2033? X’inhuma r-raġunijiet li ntgħażlet din is-sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-diskors li għamel l-Onorevoli Prim Ministru fit-30 ta’ Settembru 2018 huwa speċifika li hija il-viżjoni ta' dan il-Gvern li s-servizz tat-trasport pubbliku jingħata b’xejn lil kulhadd fis-snin li ġejjin. Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li diġà bdejna inwettqu din il-viżjoni meta s-sena li għaddiet tajna dan is-servizz b’xejn lil kull min għalaq tmintax (18)-il sena u din is-sena komplejna nespandu din l-iskema għal dawk il-persuni kollha li għandhom bejn is-sittax (16) u l-għoxrin (20) sena.
Nista' nassigura lill-Onor. Interpellant li Transport Malta sejra ħa tkun qed tkompli taħdem fuq pjan fit-tul sabiex din il-viżjoni tiġi mwettqa.
Peress li l-evalwazzjoni tat-tender tal-Paola Health Hub li hu smat li se jiswa €26 miljun twaqqfu minħabba interessi pekunarji minn membri fil-bord tal-evalwazzjoni u għażla tal-offerti u twaqqaf bord ġdid, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-eżitu ta’ dan il-bord? Min intgħażel?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-premessa li qed jagħmel fil-mistoqsija tiegħu hija żbaljata.
Peress li l-proġett ta’ Paola Health Hub ilu deċiż li jitwettaq minn 2013, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta għandu jitlesta dan il-proġett? Jista’ jgħid min-nefqa ta’ €26miljun, kemm se jinħarġu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett ta` Paola Hub hu maħsub li jitlesta fi żmien 3 snin u nofs minn mindu jibda’ x-xogħol. Il-proġett huwa stmat li jiswa madwar €33miljun (VAT eskluża ), li minnhom 80% se jinħarġu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.
B’referenza għall-PA/02557/17 fl-Għarb Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet biex din l-art pubblika tingħata lill-kunsill lokali jew xi terzi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-PA/02557/17, iva, saret talba mal-Awtorità tal-Artijiet mill-Kunsill Lokali tal-Għarb Għawdex, fejn l-applikant ingħata parir li japplika għal clearance in principle għall-iżvilupp propost.
B’referenza għall-PA/02557/17 fl-Għarb Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-termini tal-PPP li qed jitħejja mill-kunsill ma’ terzi, biex dan il-proġett iseħħ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb li għadu fil-proċess ta’ applikazzjoni għal dan il-proġett u li għad ma hemm l-ebda arranġamenti għat-termini ta’ PPP.