Nirreferi għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Hu fatt li hemm nuqqas ta’ riżors uman u dan in-nuqqas qed jagħmel tajjeb għalih il-volontarjat. F’Jannar ħarġet sejħa biex jiġu ingaġġati aktar impjegati tal-Protezzjoni Ċivili. Għalkemm l-applikazzjonijiet għalqu fid-9 ta’ Frar, s’issa għadhom ma bagħtu għal ħadd. Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid kemm hemm impjegati f’dan is-settur? Jista’ jgħid kemm huma l-voluntiera li jieħdu sehem f’din id-dixxiplina? Jista’ jgħid kemm hemm persuni jitħarrġu barra minn Malta biex jispeċjalizzaw f’dan il-qasam ta’ salvataġġ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej proċess ta’ ingaġġ. Irid jingħad li l-voluntiera mhux qed jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ impjegati bħalma qed jallega l-interpellant. Il-voluntiera jintużaw għall-attivitajiet tal-massa, u meta jkun hemm emerġenzi kbar.
Rigward l-applikazzjonijiet tal-Assistant and Rescue Officers wieħed għandu jieħu inkonsiderazzjoni li l-proċess kien twil minnu nnifsu għax għall-ewwel darba saru eżamijiet fiżiċi u eżamijiet tal-kitba. Fil-ġimgħat li ġejjin dan il-proċess ser ikun konkluż biex tibda r-raba’ parti tal-proċess cioè li jibda t-taħriġ.
Bħalissa hemm 155 firefighter.
Voluntiera hemm reġistrati 60, biss huma madwar 45 li huma attivi u jiġu għat-taħriġ fuq bażi regolari.
Barra minn Malta nibagħtu persuni fuq taħriġ speċjalizzat u huwa proċess kontinwu.
Pjan ta’ kontinġenza dwar il-barranin li xtraw passaport Malti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan ta’ kontinġenza tal-Ministeru għal dawk il-barranin li xtraw passaport u li issa huma Maltin, jekk iqum il-każ li xi ħadd minnhom jinqabad fi kriżi u jitlob għajnuna diplomatika?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull persuna Maltija għandha dritt titlob għall-assistenza meta din tinqabad fi kriżi barra minn xtutna.
Residenza San Vincenz de Paule – servizz minn kumpanija
Question
B’referenza għad-direct orders li qed jinħarġu u għall-kuntratti li r-Residenza San Vinċenz de Paule għandhom mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ngħata direct order u meta ngħata l-ewwel direct order? Jista’ jgħid kemm din il-kumpanija ilha tagħti servizz lil din ir-residenza? Jista’ jgħid kemm jiswa d-direct order preżenti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jimxi mal-proċeduri legali tal-procurement.
Sas-sena 2015, il-Faċilità għal Kura fit-Tul San Vinċenz De Paul kellha kuntratt ma’ kumpanija għas-servizzi tal-indafa li ġiet magħżulha
b’tender
. Iżda, din il-kumpanija eventwalment ġiet
blacklisted
skont iċ-ċirkulari tal-kuntratti CT08/2014 u CT12/2014. Dan it-tender kellu jieqaf għax dan hu gvern illi bil-fatti ma jaċċetax il-prekarjat.
Din is-sitwazzjoni waslet biex intalbet stima ta’ tliet kumpaniji u ntgħażlet l-orħos waħda bl-approvazzjoni tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti.
Dan il-kuntratt iġġedded bi proċedura negozjata, b’approvazzjoni tal-istess Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti, skont regolament 60 (d) tar-Regolamenti tal-2010 dwar il-Kuntratti Pubbliċi (Avviż Legali 296/2010) u regolament 150 (c) tar-Regolamenti tal-2016 dwar l-Akkwist Pubbliku (Avviż Legali 352/2016).
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — konslu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-konslu li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għadhiex taħdem mal-Ministeru?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji ngħataw separament ma taħdimx mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt tal-konslu li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għalaqx? Jista’ jgħid jekk għadhiex taħdem mal-Malta Enterprise?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament m’għandix kuntratt ta’ mpjieg mal-Malta Enterprise. Rigward il-rwol tagħha ta’ Konslu l-mistoqsija għandha tiġi rreferuta lill-Ministru kkonċernat.
Organizzazzjonijiet Volontarji – għajnuna għal tkabbir tal-kapaċitajiet operattivi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7147 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, wara li l-mistoqsija parlamentari 6618 oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza u li issa ġew riferuti lilu u jgħid x’tip ta’ għajnuna ġiet mogħtija lill-Organizzazzjonijiet Volontarji sabiex ikabbru l-kapaċitajiet operattivi tagħhom f’dawn l-aħħar ħames snin u sal-aħħar ta’ Mejju 2018? Liema huma dawk l-Organizzazzjonijiet Volontarji li mhumiex qed jagħtu rendikont fil-ħin kif obbligati bil-liġi li jagħmlu?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Is-Sedqa – klijenti li marru għal għajnuna minħabba substance abuse
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il klijent mar (first referrals u mhux follow-ups) is-Sedqa għal għajnuna minħabba substance abuse f’kull sena mill- 2013 sal-2017? Kemm marru sal-aħħar ta’ Ottubru 2018? Kemm ikun hemm follow-ups? Xi statistika żżomm is-Sedqa dwar numru ta’ klijenti fejn l-abbuż fuq is-sustanza u l-abbuż fuq l-attitudni (behaviour bħal gambling) jitrażżan? Jista’ jagħti skeda separata għal dawn iż-żewġ tipi ta’ abbuż għas-snin 2013 sal-2017, għal kull sena separatament? Kemm kienu l-klijenti li fiequ għal kull sena mill-2013 sal-2017?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Awtorità tal-Ippjanar – permessi għal fuel stations
Question
Peress li s’issa ġew approvati erba’ fuel stations ġodda mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u hemm 12 oħra pendenti, u peress li dan is-suġġett kien tqajjem fil-Kumitat Permanenti Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, wara li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ressqet dokument f’Mejju li għadda għall-approvazzjoni tal-Kunsill tal-PA u peress li d-deċiżjoni ttieħdet f’Awwissu u r-reviżjoni tal-policy suppost tressqet lill-istess Kumitat tal-Parlament, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għal dan id-dewmien kollu biex tiġi approvata l-policy il-ġdida?
Residenza San Vinċenz de Paul – kopja tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni interni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7138 u jgħid x’inhu l-eżitu u l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet interni li saru mill-Ministeru dwar il-kuntratt li ntrebaħ biex tinbena blokka ta’ swali ġodda fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista’ jpoġġi kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kien hemm l-ebda investigazzjoni nterna kif qiegħed jgħid l-Onorevoli Interpellant, iżda ntalab rapport intern minngħand id-Direttur tal-Kuntratti, bi spjegazjoni dwar il-proċess li sar fl-għoti ta' din il-konċessjoni.
Peress li hu fatt magħruf li t-tonn li jkun ilu maqbud jiġi ttrattat bil-carbon monoxide biex jidher iktar frisk u roża fil-kulur tiegħu u dan imur kontra regoli tal-Unjoni Ewropea u ġeneralment dan it-tip ta’ tonn qed jinxtara bi prezz irħis u minħabba din il-prattika irregolari jinbiegħ bi prezz ferm għola, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel id-dipartiment biex jiżgura li fis-suq Malti ma għandniex dan it-tip ta’ tonn? X’testijiet qed jsiru u fejn? Kemm-il tunnellata ta’ tonn ta’ dan it-tip inqabad?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jagħmel spezzjonijiet fi stabbilimenti li jipproċessaw prodotti tas-sajd f'Malta. Waqt dawn l-ispezzjonijiet ma nstabu l-ebda makkinarju meħtieġ biex iwettaq attività illegali bħal din. Ta min isemmi li dan il-makkinarju huwa pjuttost goff u għalhekk jista jintlemaħ faċilment waqt dawn l-ispot checks. Matul dawn l-istess spezzjonijiet id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja tiffoka wkoll fuq il-kontrolli tal-indikaturi tal-freskezza, biex jevalwaw jekk hemmx użu abbuziv ta’ dawn il-prattiċi jew oħrajn simili.
Kontrolli fil-ħwienet li jbiegħu prodotti minn pajjiżi oħra jsiru minn Ministeru differenti u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Peress li l-liġi tad-Dominju Pubbliku li ġiet approvata fil-leġiżlatura l-oħra ntbagħtet fil- Kumitat Permanenti Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp għal aktar evalwazzjoni, u din issa ilha pendenti għal aktar minn sena, u kull ma saru s’issa,żewġt laqgħat, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-intopp? X’qed isir biex jintgħeleb dan l-intopp? Se jsiru xi emendi fil-liġi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar, il-Kumitat tal-Kamra iddiskuta r-rapport tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorita tal-Ippjanar dwar is-siti li ġew rakkomandati biex jiġu dikjarati bħala Dominju Pubbliku. Il-Liġi per se kienet diskussa biex jingħata kuntest għas-suġġett. L-Awtorita tal-Ippjanar ħejjiet rapport interim fuq is-siti li dwarhom irċeviet informazzjoni aktar dettaljata mill-Awtorita tal-Artijiet li ser jitressaq għad-diskussjoni fil-Kumitat fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-eks Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux qed jagħmel xi tip ta' xogħol għal Pulizija jew għal Malta Security Services (Secret Service), u jekk iva, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' ingaġġ tiegħu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
L-eks Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandu kuntratt bħala ‘Konsulent tal-Ministeru’.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7149 u jgħid fid-dettall kif intefqet is-somma ta’ €430 miljun li ġew mill-fondi għall-kontribuzzjonijiet tal-Individual Investor Programme (IIP)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
It-tagħrif mitlub mill-Onor Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka l-ismijiet u l-ħlasijiet rispettivi ta’ kull konsulent ingaġġat minn kull entità li għaliha hu responsabbli?
Jista’ l-Ministru jindika aktar tagħrif dwar ‘Skema Nikru Biex Nassistu’? Jista’ jpoġġi kopja ta’ kuntratt (mingħajr ismijiet) li jsir bejn sid il-post u l-Gvern, fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-kuntratt li jsir bejn sid il-post u l-Gvern, taħt l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, jirrifletti l-kundizzjonijiet illi kienu ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern, fl-1 ta’ Settembru 2017.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ telefonati ġenwini fuq is-Servizz ta’ Emerġenza 112 li saru s-sena l-oħra? Fuqiex kienu dawn it-telefonati? Kemm hemm linji tat-telefon biex jitmexxa dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi in-numru ta’ telefonati ġenwini fuq is-Servizz ta’ Emerġenza 112 li saru s-sena l-oħra kien jammonta għal mija u tnejn u sittin elf, u tnejn u erbgħin (162,042). Dawn it-telefonati kienu prinċipalment relatati ma’ talbiet għal servizzi ta’ Emerġenza, Protezzjoni Ċivili, Pulizija u Forzi Armati ta’ Malta però ma jeżistux dettalji fuqiex kienu. Infurmat illi hemm tnejn u tletin linja tat-telefon li huma fuq is-sistema li jistgħu jintużaw biex jitmexxa dan is-servizz.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7199, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma tinżammx statistika ta’ każijiet li jiġu preskritti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx statistika ta’ każijiet preskritti peress illi meta kawża tkun ġiet preskritta, din tiddaħħal fis-sistema bħala terminata/deċiża, kif jiddaħħlu l-kawżi kollha li jiġu terminati/deċiżi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex hekk kif tiġi skavata l-ħamrija minn sit mogħti għall-bini, din titħares u tintefa’ f’postijiet ta’ ħażna jew fuq art qasbija? Kemm inqabdu kuntratturi jarmu ħamrija flimkien ma’ skart tal-kostruzzjoni fis-sena 2017 u fis-sena 2018 sa Settembru?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru responsabbli mill-ambjent.
Jista’ l-Ministru jgħid liema hu d-dipartiment li jieħu ħsieb li l-ħamrija li tiġi skavata minħabba bini, tintefa’ f’postijiet ta’ ħażna? Kemm-il tunnellata ħamrija ntefgħet fuq raba’ qasbija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Agrikoltura huwa responsabbli li jilqa’ t-talbiet għall-permessi biex ħamrija tiġi trasferita minn post għall-ieħor. Il-permess jinkludi dettalji tal-applikant u tal-kuntrattur, kif ukoll in-numri tar-reġistrazzjoni tat-trakkijiet.