Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ġbir ta’ skart domestiku – linji gwida b’lingwi differenti

Question

Nirreferi għal gwida ta’ direzzjoni ta’ kif jinġabar l-iskart domestiku. Nifhem li l-NGO għamel traduzzjoni fi 11-il lingwa. Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-Ministeru biex ikollna traduzzjoni f’lingwi differenti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser inkunu qegħdin nevalwaw il-possibilità li jiġi riprodott materjal relat mal-ġbir ta’ skart organiku f’numru ta’ lingwi differenti.

Avviżi b’mod elettroniku fit-toroq – użu tal-lingwa Maltija

Question

Nirreferi għal avviżi li qed jirreklamaw informazzjoni edukattiva u li jidhru b’mod elettroniku fit-toroq għall-attenzjoni tas-sewwieqa, imma qed ninnota li mhux dejjem qed jitħares l-Ilsien Malti, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid liema awtorità juża d-Dipartiment tat-Toroq biex jintuża Malti tajjeb?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-awtorità użata hija Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, saħansitra fil-paġna uffiċjali li qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra hemm ukoll standardizzazzjoni għas-senjaletika direzzjonali u informattiva.

Laqgħat fil-Libja minn individwu

Question

B’referenza għal rapporti ġurnalistiki fl-istampa Libjana u Maltija speċifikament fil-pubblikazzjoni Libyan Observer li jirreferu għal żjara tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi Tripli fejn introduċa lilu nnifsu bħala Projects Director fil-Ministeru għas-Saħħa, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk dan l-individwu huwiex impjegat mal-Ministeru tas-Saħħa bħala Projects Director? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu attendiex laqgħat fi Tripli mal-amministrazzjoni bbażata fil-Punent tal-Libja bħala Projects Co-Ordinator u jekk kenux diskussi temi ta’ interess komuni bejn Malta u l-Libja waqt dawn il-laqgħat fis-settur tas-saħħa, hekk kif sostna dan l-istess individwu f’dawn l-istess rapporti li dehru fil-Libyan Observer?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-individwu msemmi minnu m’huwiex parti mis-segretarjat tal-Ministru għas-Saħħa u ma kienx qed jirrappreżenta l-Ministeru għas-Saħħa fi Tripoli.

Tfal bi problemi psychosocial li jiġu minn barra xtutna

Question

B’referenza għat-tfal li jbatu minn problemi psychosocial li jiġu minn barra xtutna taħt il-kustodja ta’ diversi familji Maltin skont arranġamenti Ewropej, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar din l-iskema? Jsita’ jgħid kemm hu n-numru ta’ minuri li jiġu Malta? Jista’ jgħid fuq liema kriterji jintgħażlu l-familji kustodji? Jista’ jgħid x’moniteraġġ isir u minn min? Xi kwalifikazzjoni għandhom il-professjonisti li jieħdu ħsieb? Ġieli ġew tfal Malta taħt Article 56 Brussels 2 biss, mingħajr il-kunsens tal-Awtorità Maltija? Kemm ser joħroġ flus il-Gvern Malti apparti min-nefqa tal-Ewropa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpelant illi, dawn l-interventi jsiru taħt Artiklu 56 tar-Regolament Ewropew numru 2201/2003. Tajjeb illi wieħed isemmi, li dawn it-tfal msemmija ma jkunux taħt il-kustodja ta' familji Maltin, iżda jkunu mqiegħda ma' persuni identifikati mill-pajjiż minn fejn ikunu ġejjin it-tfal. Ta' min wieħed jinnota li, jekk dawn il-kuraturi tat-tfal jkunu qed jaġixxu ta' foster carers, dawn iridu jkunu qed jimxu mal-Att tal-Fostering skont il-Liġijiet ta' Malta. Filwaqt illi, jekk dawn ser ikunu qed joperaw bħala providituri tas-servizz, jiġu regolati u monitorati mill- Awtorita` ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali. Barra minn dan, sa mit-twaqqif tal-Awtorita` ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali, kien hemm applikazzjoni waħda, li ma gietx aċċetata għax ma kinitx tissodisfa il-liġijiet lokali.

Marsa – The Meeting Place

Question

B’referenza għax-xogħol li qed jitwettaq fiċ-ċentru l-ġdid The Meeting Place tal-Marsa, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-istima tal-proġett? Jista’ jgħid kemm kienu l-fondiERDF tiegħu? Kemm fil-fatt ser jintefaq? Jista’ jgħid liema entità ħadet ħsieb ix-xogħol u min rebaħ din l-offerta? Jista’ jgħid meta ser jitlesta? Min ser jieħu ħsieb l-operat ta’ dan iċ-ċentru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpelant illi, l-istima tal-proġett skont l-applikazzjoni għall-fondi tal-ERDF, kienet €846,186 (VAT eskluż). Matul l-implimentazzjoni tal-istess proġett, is-somma allokata għal dan il-proġett żdiedet għal € 1,121,358 (VAT eskluż). Dan il-proġett jaqa’ taħt il-Ministeru li jiena responsabbli minnu. Ix-xogħol fuq dan il-proġett sar minn BAVA Holdings Ltd, wara li ħarġet sejħa għall-offerti, skont ir-regolamenti tal-procurement. Dan il-proġett qiegħed propju fl-aħħar fażi tiegħu. It-tmexxija ta’ dan iċ-Ċentru, wara li jkun inawgurat, ser ikun f’idejn kumitat appuntat mill-Ministeru responsabbli, skont kif kien imfassal u elenkat fl-applikazzjoni li biha ġew miksuba l-fondi tal-ERDF.

Ħaż-Żebbuġ – Triq Luret Cutajar – Outline Development Permit

Question

B’referenza għal-Outline Development Permit ta’ Triq Luret Cutajar Ħaż-Żebbuġ li ġie sottomess f’Ġunju 2018, liema sit hu madwar 5,294m kwadru li jidher li jikkonsisti f’disa’ warehouses, u li din iż-żona hija mifnija bi problemi soċjali u kummerċjali, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju waslet din l-applikazzjoni u jekk humiex qed isiru xi azzjonijiet min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar meta nafu n-natura tal-art in kwistjoni u l-isfidi li għandha din iż-żona semi-industrijali?

Response (BORG, IAN)

L-Onor Interpellant qiegħed jiġi nfurmat illi l-Outline Development Permit Application li qiegħed jagħmel referenza għaliha qegħdha fi stadju ta’ kosultazzjoni. L-Art in kwistjoni tinsab barra iż-żona tal-iżvilupp u għalhekk il-Policies li jirregolaw it-tali żoni japplikaw.

Art għal żvilupp

Question

B’referenza għall-applikazzjoni PA 09506/18 dwar biex biċċa art protetta (għelieqi) magħrufa bħala “Tal-Veccia” biex tiġi żviluppata f’garaxxijiet, fejn din l-art għandha karattru pittoresk li jikkumplimenta mas-sbuħija ambjentali tal-bajja, liema żvilupp ser jirvina l-ambjent tal-kosta u jċaħħad lill-għadd ta’ familji milli jgawdu l-bajja f’ambjent miftuħ, sigur u kwiet, kif ukoll għax din hi parti integrali mill-ambjent tal-bajja magħrufa bħala tal-Għar tal-Veccia li hija protetta bil-pjan lokali NWSP12, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar dan il-każ? Jista’ jgħid jekk l-ERA oġġezzjonatx?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed toġġezzjona għall-iżvilupp kif propost, u qed tirrakkomanda li l-iżvilupp ikun limitat għall-parti tas-sit li hija diġa’ mibnija.

Servizz ta’ Emerġenza 112 — talbiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7560, jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-talbiet għas-Servizz ta’ Emerġenza 112 ma jiġux reġistrati tajjeb skont is-sejħa/talba tal-klijenti (eż: każijiet ta’ suwiċidju, vjolenza domestika, eċċ) bħalma jsir fis-sejħiet li jsiru fis-Servizz tas- Supportline?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li bħalissa minħabba restrizzjonijiet ta’ klassifikazzjoni, skont it-tieni livell tal-unitajiet ta’ Emerġenza (Protezzjoni Ċivili, Pulizija, Ambulanzi u l-Forzi Armati ta’ Malta), is-Servizz ta’ Emerġenza 112 ma jiġux reġistrati skont is-sejħa/talba tal-klijenti imma għal liema unità hija diretta. Madankollu ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed isiru arranġamenti biex sistemi li huma taħt il-kompetenza ta’ kull entità tat-tieni livell ikunu integrati mas-sistema preżenti.

Klinika ta’ Għawdex — xogħlijiet

Question

Peress li x-xogħol fuq il-Klinika ta’ Għawdex ilu wieqaf aktar minn sena u ċ-ċentru preżenti joffri lok li mhux idoneu, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-ħsieb u meta ser jitlesta x-xogħol?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġi ffinalizzat ix-xogħol preparatorju sabiex ikunu jistgħu jinħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Malta-China

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’hemm ġdid fil-Malta-China? Jista’ jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Memorandum of Understanding bejn Malta u ċ-Ċina taħt il-qafas tal-One Belt One Road Initiative, li ġie ffirmat f’Shanghai nhar il-5 ta’ Novembru 2018, jipprovdi qafas bejn iż-żewġ pajjiżi biex isiru proġetti, investimenti u koperazzjoni f’oqsma bħall-kummerċ, is-servizzi finanzjarji u t-turiżmu. L-iskop tal-inizjattiva hu li jiġbor ftehimiet differenti u jipprovdi qafas li jagħti sinjal lill-kumpaniji Ċiniżi li, għall-Gvern Ċiniż, Malta hi pajjiż tajjeb fejn isir investiment, f’rispett għar-regoli tal-Unjoni Ewropea. Malta hi fost l-ewwel pajjiżi Ewropej li ċ-Ċina qed tiffirma miegħu dan it-tip ta’ ftehim. Il- One Belt One Road Initiative hi inizjattiva ewlenija tal-President Ċiniż Xi Jinping u dan l-iffirmar jindika tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra il-ftehim (Memorandum of Understanding).

Triq Wied Rini bejn il-Baħrija u l-iMtaħleb

Question

Peress li l-bini tal-ex Telemalta Maltacom u Maritime Radio Station u Department of Civil Aviation wireless telegraphy station f’Triq Wied Rini bejn il-Baħrija u l-iMtaħleb (Kunċizzjoni) limiti tar-Rabat, li possibilment huwa mogħti minn art tal-gvern, inbnew xi għerejjex fil-perimetru u l-garaxxijiet ta’ taħt it-triq huma okkupati wkoll, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-art ġietx mgħoddija lil terzi jew jekk ġietx okkupata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet diġà għamlet l-ispezzjonijiet neċessarji fejn is-sezzjoni tal-Infurzar waħħlet notifiki mal-propjetajiet li potenzjalment qed jiġu okkupati mingħajr titlu. L-Awtorità se tkompli tieħu l-passi neċessarji fiż-żmien li ġej.

Lista’ ta’ stennija għal kull speċjalità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu ż-żmien li pazjent irid jistenna għal kull speċjalità? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ pazjenti fil-lista ta’ stennija għal kull speċjalità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal liema stennija qed jirreferi.
Leg 13 PQ #7934 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Inċident “Paqpaqli għall-Istrina” – settlement

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tas-settlement li tħallas u/jew qed jiġi propost li jitħallas lill-vittmi tal-inċident “Paqpaqli għall-Istrina” inkluż kemm minn dan is-settlement qed jitħallas mill-assiguratur taħt il-polza tal-assigurazzjoni f’isem il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) u kemm qed jitħallas mill-gvern?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 7909.
Leg 13 PQ #7935 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

Paqpali għall-Istrina – polza tal-assigurazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-polza tal-assigurazzjoni għall-avveniment “Paqpaqli għall-Istrina” kenitx f’isem il-MCCFF jew f’isem entità governattiva? Jekk il-polza ħarġet f’isem Ministeru, aġenzija jew entità oħra governattiva, jista’ jagħti d-dettalji ta’ min kien l-assiguratur u l-premium li kien imħallas?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Finanzi ma kienx involut la fl-organizzazzjoni tal-avveniment u lanqas fix-xiri tal-polza.

Applikazzjoni għall-xogħlijiet

Question

Nirreferi għall-applikazzjoni 6031/18 li tirreferi ‘Application processing is currently suspended at the perit’s request’ u minkejja hekk ix-xogħol għaddej xorta waħda. PA Enforcement itenn “That the ongoing works have got nothing to do with PA but are being done by Transport Malta on accordance with their own permit RWT 1-152A/18”. Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet humiex regolari jew qed isiru biex jakkomodaw l-applikant li talab għal change of use? Jista’ jgħid jekk Transport Malta kkonfermatx li qed twettaq dan ix-xogħol? Jista’ jgħid jekk għandhomx PA permit?

Response (BORG, IAN)

Ninsab Infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar tikkonferma li x-xogħlijiet fuq it-triq ma jirrikjedux permess mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar peress li dawn huma eżentati skont Klassi 3 tal-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (L.S. 552.08). Nixtieq nżid li ma hemm l-ebda xogħlijiet għaddejjin fuq dan il-PA6031/18. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li huwa minnu li Transport Malta ħarġet permess RWP1-1528/18 għal xogħol fi Triq bla isem fi Triq Mikiel Anġ Borg, San Ġiljan. Dan il-permess ikopri xogħol fit-triq u l-applikazzjoni minn naħa tal-kuntrattur kienet għal; - Detection - Road Surfacing & Scarifying - Water Catchment Għaldaqstant, il-permess ta’ Transport Malta ma jkopriex ix-xoghol li huwa msemmi f’applikazzjoni PA6031/18 li qed jitlob “To construct reservoir & pump room”. Ix-xogħol li qed isir f’dan is-sit mhux qed isir minn Transport Malta.

Tniġġis fl-arja kawżat minn fabbriki

Question

B’referenza għat-tniġġis fl-arja minħabba duħħan iswed li qed isir minn ċmieni ta’ ċertu fabbriki li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament u li l-makkinarju tagħhom jaħdem bil-lejl, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu dwar ċmieni ta’ din ix-xorta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm m’hemmx obbligu bil-ligi, il-fabbrika in kwistjoni issottomettiet applikazzjoni għall-permess ambjentali lill-ERA. Irid jiġi ssollevat ukoll li minn jheddu, l-operatur iwettaq monitoraġġ ta’ l-emmissjonijiet tal-arja regolarment. Fl-aħħar spezzjoni li saret mill-Awtorità flimkien mad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali ftit xhur ilu, ġie kkonfermat li d-daħna bajda li kienet ħierga miċ-ċmieni, kienet fil-fatt fwar. Hemm miżuri diġà installati sabiex jiffiltraw l-arja u l-Awtorità tinsab informata li miżuri oħra mistennija jiġu nstallati sa l-aħħar tal-2018. Jekk l-Interpellant ikollu xi informazzjoni dwar emmissjonijiet li jikkawżaw tħassib, l-aħjar li jirraporta minnufih lill-Awtorità fuq-in numru 22923500.

Użu tal-E10

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-użu tal-E10 jistax inaqqas l-emissjonijiet sa 10%, minbarra li jnaqqas il-prezz tal-fuel? Jista’ jispjega x’sar minnha s-Sitt Skeda tal-Avviż Legali 68 tal-2011, dwar il-kontenut minimu ta’ biofuel bħala perċentwali tal-petroleum? Jista’ jgħid jekk din is-sena wasalniex biex ikollna 8.5% ta’ biofuel fil-petrol, skont l-iSkeda? Jista’ jgħid x’qed jistena l-gvern biex iħalli l-importazzjoni u l-użu tal-ethanol imħallat mal-petrol (10%) magħruf bħala E10?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li s-Sitt Skeda tal-Avviż Legali 68 tal-2011 qegħda tiġi osservata minn kull importatur li jpoġġi fis-suq Malti tal-karburanti għall-użu fit-trasport. Il-perċentwali ta’ biofuel huwa kkalkulat fuq it-total tal-karburanti kollha użati fit-trasport, kemm petrol u kif ukoll diesel . Il-perċentwali ta’ 7.5% għas-sena 2017 intlaħaq u l-ammont neċessarju ta’ biofuel ġie kollu mħallat mad- diesel . L-ammont għas-sena 2018 jiġi kkalkulat meta tagħlaq is-sena. Is-suq tal- biofuels huwa liberaliżżat u ma teżisti l-ebda restrizzjoni għar-rigward tal-importazzjoni tiegħu, salv it-tħaris tal-i standards tekniċi obbligatorji u rilevanti.

Ħlas lill-esperti dwar inkjesta

Question

Fil-21 t’Ottubru ġew ippubblikati żewġt artikli ntitolati “Witness admitted to police he lied about Cardona sighting with Degiorgio” u “Xhud jammetti mal-pulizija li gideb dwar Cardona” fil-media tal-Malta Today u l-One News rispettivament u fit-28 t’Ottubru ġie ppubblikat l-artiklu “It-tliet esperti li qabbad il-Maġistrat Vella swew €136,654” fl-Illum dwar tliet esperti tal-Qorti li ħadmu fuq l-inkjesta tal-Maġistrat Vella dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fl-artikli ġie allegat li t-tliet esperti tħallsu €136,654 bejniethom tax-xogħol li għamlu fuq l-inkjesta. L-artikli komplew jgħidu li l-Pulizija identifikat li wieħed minn dawn it-tliet esperti kien leak li għadda informazzjoni lill-media barranija u lill-uffiċjali għolja tal-PN. Skont dawn l-artikli dan ġie kkonfermat wara li waħda mill-verżjonijiet li ġiet intenzjonalment mgħoddija lill-esperti mill-Pulizija, ġiet irrapportata mill-gazzetta La Repubblica. Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm tħallsu kull wieħed minn dawn it-tliet esperti? Jista’ jgħid kemm tħallsu kull wieħed minn dawn it-tliet esperti? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu mill-pulizija fuq dak li ġie allegat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba l-ingħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 7632. Wieħed mill-esperti sal-lum ma ppreżenta l-ebda fattura. Fir-rigward ta’ x’passi ttieħdu mill-pulizija fuq dak allegat fil-mistoqsija parlamentari, l-Onor. Membru mitlub jirreferi lil Ministru kkonċernat.