B’referenza għat-triq irregolari ġo Wied Qirda li ngħatat wiċċ tat-tarmak meta kienet diġà rregolari għax timblokka l-wied, kif ukoll intefa’ aktar radam biex titwessa’ t-triq kif jidher fir-ritratti li qed jingħataw separtament, jista’ l-Ministru jgħid xi protest għamlet l- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mal-Planning Authority dwar dan? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-korrispondenza dwar dan is-suġġett?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk Brexit jistax jaffettwa r-rikonoxximent reċiproku dwar id-degress fil-Mediċina u d-Dentistrija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Mediċina u d-Dentistrija huma professjonijiet irregolati mid-direttiva tal-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku. Il-Withdrawal Agreement jissalvagwardja r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba qabel id-29 ta’ Marzu 2019 kif ukoll dawk l-applikazzjonijiet li jkunu bdew qabel id-data tat-tranżizzjoni, jiġifieri qabel Diċembru tal-2020. Wara dik id-data, sakemm ma jsirux arranġamenti speċifiċi fuq il-livell tal-Unjoni Ewropeja, ir-rikonjoxximent awtomatiku ma jibqax fis-seħħ. Iżda f’din l-eventwalita’, Malta tkun tista’ tirregola l-mod kif tixtieq tirrikonoxxi l-kwalifiċi tar-Renju Unit bħala pajjiż terz u f’dan ir-rigward ser jittieħdu miżuri biex ma tiġix affettwata l-provvista tas-servizzi mit-tobba li jiġu mir-Renju Unit. Il-Gvern ser jagħmel l-almu tiegħu sabiex il-kwalifiċi tat-tobba, dentisti u professionijiet fil-qasam tas-saħħa li llum igawdu mir-rikonoxximent reċiproku jkunu jistgħu jibqgħu jiġu rikonoxxuti ġewwa r-Renju Unit b’mod effiċjenti u trasparenti. Jidher li din ukoll hija x-xewqa tar-Renju Unit skont id-dokument “The Future Relationhsip between the United Kingdom and the European Union”.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huma l-ħaddiema barranin li qed jaħdmu fl-Isptar Mater Dei bħala health professionals, bħala tobba; u bħala infermiera? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-infermiera Maltin li ggradwaw u applikaw biex jaħdmu mad-dipartiment u qed jaħdmu fl-Isptar Mater Dei?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħaddiema barranin bħala health professionals li qed jaħdmu fl-Isptar Mater Dei huwa ta’ 118 bħala tobba u 159 bħala infermiera.
Kien hemm 68 infermier/infermiera Maltin gradwati li applikaw biex jaħdmu mad-dipartiment u bdew jaħdmu fl-Isptar Mater Dei fis-sena 2018. Ma dawn wieħed irid iżid 99 infermiera oħrajn li ġew ingaġġati fl-2018 li iżda qed jagħtu servizz barra Mater Dei.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid separatament għas-sena 2017 u għas-sena 2018, kemm huma l-infermiera Maltin li reġgħu daħlu lura għax-xogħol meta qabel ma kenux fil-kotba tad-dipartiment fis-sena 2018; kemm huma l-infermiera Maltin li rtiraw bil-pensjoni jew invalidità; u kemm huma l-infermiera Maltin li ggradwaw u applikaw biex jaħdmu mad-dipartiment u qed jaħdmu l-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid x’inhu mistenni li jkun il-building capacity tal-infermiera għas-sena 2019 għad-Dipartiment tas-Saħħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena 2018, kien hemm 9 infermier/infermiera li reġgħu daħlu lura għax-xogħol bħala re-employment u re-instatement.
Kien hemm 36 infermier/infermiera li fl-2017 rtiraw bil-pensjoni jew invalidità filwaqt li sal-aħħar t’ Awwissu tal-2018, kien hemm 3 infermier/infermiera li rtiraw bil-pensjoni jew invalidità. Fis-sena 2018, kien hemm 68 infermier/infermiera Maltin gradwati li applikaw biex jaħdmu mad-dipartiment u bdew jaħdmu fl-Isptar Mater Dei. Ma dawn kien hemm 90 infermiera oħra li fl-2018 ġew ingaġġati mad-dipartiment tas-Saħħa u li qed jagħtu s-servizz tagħhom.B’hekk fl-2018 it-total ta’ infermiera li ġew ingaġġati mad-dipartiment tas-Saħħa kien ta’ 167.
L-ammont approvat bħala żieda fin-numru nett bħala building capacity tal-infermiera għas-sena 2019 għad-Dipartiment tas-Saħħa huwa ta’ 118 infermier. Dan barra ingaġġ ta’ infermiera biex jissostitwixxi infermiera li jiġu promossi, jirreżenjaw, jew jirtiraw. Barra r-reklutaġġ ta’ infermiera Maltin li jirritornaw għas-servizz u gradwati ġodda, qed isir kull sforz possibbli biex jiġu ingaġġati ukoll infermiera barranin biex inkomplu ntejbu s-servizz lill-pazjenti.
B’referenza għat-tilqima ta’ Strep Pneumonia Meningitis jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-ħsieb tal-Ministeru biex jintroduċi t-tilqima b’xejn lil kull tifel u tifla biex b’hekk jitnaqqas r-riskju tal-mard?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħala parti mill-programm tal-Gvern biex isaħħaħ il-prevenzjoni kontra l-mard infettiv, bdew proċeduri biex tinxtara l-vaċċin Pneumoccal Conjugated vaccine għat-tfal. Din ser tkun qed tingħata aktar tard din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn kumpaniji privati li qegħdin jimpurtaw il-petrol għas-suq lokali, u mhux għall-bunkering? X’faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol jeżistu hawn Malta għall-kumpaniji privati għas-suq lokali? Fejn qegħdin dawn il-faċilitajiet u x’jistgħu jew x’għandhom jagħmlu dawn il-kumpaniji lokali biex jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet? F’liema stadju wasalna rigward id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea għall-Enerġija Rinovabbli fejn jidħol il-petrol hawn Malta? Il-Gvern biħsiebu jonora l-obbligazzjonijiet li ntrabat bihom fl-24 ta’ Mejju 2011, Tabella 12, fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinovabbli? X’qed jistenna l-Gvern biex jintroduci jew iħalli kumpaniji privati jintroduċu fis-suq lokali l-petrol imħallat ma’ 10 fil-mija ta’ ethanol – E10, biex jonqsu l-emissjonijiet minn fuq il-230,355 vettura li jużaw il-petrol?
B’referenza għall-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), jista’ l-Ministru jispjega kif intefqet in-nefqa tas-sena 2018 meta din żdiedet drastikament? B’kemm żdied il-human resource professjonali fl-FIAU din is-sena?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għar-rapport tal-Venice Commission dwar Malta u peress li din il-kummissjoni tirreferi għal numru ta’ miżuri imma ma ssemmiex oħrajn u persważ li l-Ministru jaf liema huma, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn humiex se jiġu kkunsidrati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-firxa ta’ tibdil Kostituzzjonali li jiġi mplimentat bħala rizultat kemm tal-parir tal-Venice Commission kif ukoll ta’ suġġerimenti oħra li jistgħu isiru fil-kuntest tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali, kif huwa ben konsapevoli l-Onor. Membru, tiddependi mil-livell ta’ kunsens li jintlaħaq dwar it-tibdil.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi stallat lift fl-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf l-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada se tkun qed twettaq proġett ta' restawr u tisbiħ fl-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta. Dan il-proġett jinkludi wkoll installazzjoni ta' lift. Bħalissa l-Fondazzjoni qiegħda tħejji t-tender għax-xogħlijiet ta' restawr u ta' finishing f'din l-iskola.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7944, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista ta’ stennija għal kull speċjalità li għandha chairperson fid-dixxiplina speċjalizzata fl-Isptar Mater Dei għall-outpatients u għal kull tip ta’ operazzjonijiet hekk kif tidher nhar l-1 ta’ Jannar 2019?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.
Safra għall-iffirmar tad-dokument UN Global Compact for Migration
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid hux ser imur Marrakesh il-Marokk bejn l-10 u l-11 ta’ Diċembru 2018 u jekk hux ser jiffirma l-UN Global Compact for Migration Document?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif inhu magħruf pubblikament Malta kienet rappreżentata mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin għal-laqgħa li qed jirreferi għaliha.
B’referenza għall-UN Global Compact for Migration Document, minkejja li dan id-dokument fil-pre¿ent għadu mhux legally binding, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux biħsiebu joqgħod għall-klawsoli kollha tad-dokument? Hemm minnhom li l-gvern oġġezzjona għalihom u għaldaqstant mhux ser jirratifikahom?
Response (ABELA, CARMELO)
Tajjeb wieħed jinnota li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tan-negozjati dwar il-Global Compact kienet maqbula unanimament bejn il-pajjiżi kollha fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda ta’ sentejn ilu ġewwa New York.
Tul dawn is-sentejn, il-pajjiżi kollha tad-dinja għajr wieħed innegozjaw fuq livell tekniku dwar abbozz komuni li ġie maqbul minn kulħadd. Dan id-dokument li ġie ppreżentat mill-Assemblea fil-laqgħa ta’ Marrakesh mhux vinkolanti u allura mhux kwistjoni ta’ xi ratifika kif qed isostni l-Onor. Interpellant. Nixtieq niċċara ukoll li f’Marrakesh dan ġie adottat u mhux iffirmat u qed nenfasizza dan għax l-abozz kien diġà maqbul bejn il-pajjiżi kollha tad-dinja għajr wieħed kif semmejt iktar 'il fuq fin-negozzjati ġewwa New York. Tajjeb insemmu li f’Marrakesh, 164 pajjiż kienu preżenti fil-konferenza li adottat il-Global Compact u fid-19 ta’ Diċembru f’New York, ittieħed vot fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda fuq riżoluzzjoni dwar il-Compact li għadda b’152 vot favur, ħames voti kontra u tnax-il astensjoni.
Il-migrazzjoni hija sfida globali u għalhekk trid tittieħed azzjoni globali biex tindirizzaha. Dan huwa l-ħsieb ewlieni wara dan il-Compact. Malta pparteċipajna b’mod attiv fin-negozjati sabiex jiġi mħares l-interess nazzjonali. Malta u l-Unjoni kienu prekursur ta’ dan il-Ftehim meta f’Novembru tal-2015, sar il-Valletta Summit fuq il-migrazzjoni. Hemmhekk, iddikjarajna li l-migrazzjoni kienet sfida komuni u li kien jeħtieġilha soluzzjonijiet komuni. Il-Compact iħaddan l-istess prinċipji, iżda fuq livell globali. Huwa stat ta’ fatt li f’dinja globalizzata, huwa fl-interess ta’ kull pajjiż li sfidi li pajjiż ikun qed jaffaċċja mill-viċinat, jindirizzhom flimkien mal-pajjiżi sieħba sabiex is-soluzzjoni tkun waħda li tagħti l-frott. Il-pajjiżi waħedhom ftit jistgħu jagħmlu jekk mhux maqgħudin ma’ oħrajn. Aħna ngħidu li f’rigward il-migrazzjoni ftit jista’ jsir jekk pajjiżi msejħa tal-oriġini, tat-transitu u ta’ destinazzjoni ma jaħdmux flimkien.
Ta’ min wieħed igħid li fost il-23 proposta fil-Compact, uħud minnhom diġà qed jiġu implimentati bħala riżultat tal-liġi Ewropea (acquis).
Malta se tieħu kull opportunità sabiex taħdem u tippromwovi dawk l-inizjattivi dwar l-implimentazzjoni tal-proposti fejn jaqbel l-interess nazzjonali.
Xiri ta’ karozzi tal-linja li jintu¿aw għat-Trasport Pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min jixtri u jħallas għall-karozzi tal-linja l-ġodda li jintu¿aw għat-trasport pubbliku? Jista’ jgħid x’monitoraġġ tagħmel Transport Malta dwar il-Health and Safety Standards biex jitħarrsu l-passiġġieri? Għandha dritt Transport Malta iġġiegħel lill-kumpanija tixtri karozzi tal-linja?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozzi tal-linja li jinxtraw mill-operatur privat tat-trasport pubbliku sabiex tiġi imġedda l-flotta tal-karozzi tal-linja jiġu mixtrija u mħallsa mill-istess operatur, jiġifieri Malta Public Transport Services Limited
Ta’ kuljum uffiċjali ta’ Transport Malta jwettqu spezzjonijiet fuq il-vetturi li jkunu qegħdin joperaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda. Bħala parti mill-ispezzjonijiet li jsiru hemm dawk li jirrigwardjaw is-saħħa u s-sigurtà kif ukoll fuq obbligi kuntrattwali oħra.
F’każi fejn, bi qbil bejn l-Awtorità tat-Trasport u l-operatur privat tat-trasport pubbliku, tinħass il-ħtieġa li jiġu introdotti rotot ġodda jew inkella tiżdied il-frekwenza fuq xi rotot liema tibdil jkun jesiġi li l-flotta tal-karrozzi tal-linja tiżdied, f’każi bħal dawn l-operatur jiġi ikkumpensat skont il-provvedimenti li hemm fil-kuntratt.
Peress li qed ikun hemm perjodi fejn qed ikun hemm skarsezza ta’ ħrieqi għall-adulti f’Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid x’rimedji qed jittieħdu biex dan ma jerġax iseħħ?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Customer Services ma rċieva l-ebda ilment dwar dan. Jekk l-interpellant għandu xi informazzjoni jista’ jgħaddiha b’mod kunfidenzjali ħalli tkun tista’ tiġi indirizzata.
B’referenza għar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni f’post privat ġewwa Ta’ Qali, fejn ġie nnotat li l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet azzjoni immedjata, jista' l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu fuq sid il-post?
Response (BORG, IAN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li kif qed jgħid hu stess, dan is-sit ġie milqut b’żewġ azzjonijiet ta’ infurzar, bl-aħħar waħda nħarget f’nofs is-sena 2018. Tajjeb li jkun infurmat ukoll, li kif id-Direttorat tal-Konformità u l-Infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar daħlitlu l-informazjoni li kien hemm abbuż permezz ta’ tfigħ ta’ materjal inert, mill-ewwel ġew issiġillati l-aċċessi permezz ta’ blokok tal-konkrit. Mhux biss, iżda qed isiru l-arranġamenti biex jiġu installati cameras tas-sigurtà fuq il-post biex ikun hemm sorveljanza kontinwa. L-Awtorità għadha qiegħda tinvestiga l-każ biex tistabilixxi min kienet il-persuna li tefgħat tali materjal.
Ħaż-Żebbuġ – Triq Luret Cutajar – Outline Development Plan
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8022 dwar l-Outline Development Plan li qed isir f’art ODZ fi Triq Luret Cutajar Ħaż-Żebbuġ, fejn qed jiġi nnotat li qed isir change of use f’art agrikola b’rimi ta’ skart u karozzi abbandunati biex l-art tidher żdingata, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid x’enforcement sar mill-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li wara spezzjoni li saret, minn uffiċjali tad-Direttorat tal-Konformità u l-Infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar, ma jirriżultax li fuq is-sit imsemmi qed isir xi tip ta’ bdil fl-użu minn dak oriġinali.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex hemm biss żewġ linji tat-telefon fis-Servizz Supportline u ta’ spiss dawn il-linji jkunu okkupati meta s-Servizz ta’ Emerġenza 112 tal-Pulizija għandhom 32 linja tat-telefon u rċevew 162,042 telefonati s-sena l-oħra?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żewġ servizzi mhumiex l-istess ħaġa. Is-servizz permezz tal-linja 179, huwa Support Line, jiġifieri mezz ta' kommunikazzjoni telefonika fil-qasam tal-għajnuna u solidarjetà soċjali.
Minbarra dan, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) investiet u introduċiet sistema magħrufa bħala Call Center Solution fl-2015. Din is-sistema hija kapaċi tieħu sitt telefonati f'daqqa jew aktar, skont il-ħtieġa. Jekk għal xi raġuni jew oħra l-linji jkunu okkupati, it-telefonati li jidħlu mill-linja tas-Support Line jiġu ri-diretti fuq l-ewwel linja li s-sistema ssib disponibbli.
Is-servizz tas-Support Line għandu wkoll linja diretta u mobile number għall-Pulizija, sabiex jintuża f`kazijiet urġenti. Dan bil-għan illi, f`sitwazzjonijiet meta il-linji tal-179 ikunu okkupati, l-Pulizija jkunu jistgħu jużaw din il-linja diretta jew mobile. Din is-sistema ilha titħaddem matul din is-sena u bl-introduzzjoni wkoll tas-servizz ta’ ħaddiema soċjali, wara l-ħinijiet tax-xogħol u fi tmien il-ġimgħa u festi pubbliċi, każijiet urġenti jkunu jistgħu jiġu megħjuna fi żmien raġjonevoli.
Fl-aħħar nett, tajjeb illi nippreċiża li, s-Support Line 179 ilu minn mindu twaqqaf 22 sena ilu jaħdem permezz tal-volontarjat. Fil-fatt, huwa monument għall-ispirtu ta’ altruwiżmu u volontarjat f’pajjiżna. Il-pjanijiet tal-management tal-FSWS huma li jingaġġa numru minimu ta’ impjegati full-time biex jassigura li jkun hemm servizz kontinwu 24 siegħa kuljum, imma fl-istess ħin jibqa’ jagħmel użu mill-voluntiera biex jibqa’ jżomm u jseddaq l-ispirtu uniku ta’ dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm anzjani biex jidħlu f’xi Dar Residenzjali tal-Istat? Kemm kien hemm minn dawn l-anzjani li ilhom jistennew għal iktar minn sentejn, tliet snin u erba’ snin?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 2,026–il anzjan jistennew biex jidħlu f’xi Dar Residenzjali tal-Istat. Dawn applikaw kif ġej ;
Fl-2014 u qabel - 314
Fl-2015 - 176
Fl-2016 - 267
Fl-2017 - 444
Fl-2018 – 825
Kunsilli Lokali Żgħażagħ – proġetti fil-komunitajiet
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1191, jista’ l-Ministru jgħid xi twettaq mill-proġetti msemmija f’dawn il-komunitajiet sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Hemm xi proġetti maħsuba għas-sena d-dieħla biex jiġu implimentati mill-Kunsilli Lokali Żgħażagħ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat minn Aġenzija Żgħażagħ li b’eċċezzjoni tal-proġett tal-Kunsill Lokali Żgħażagħ Marsascala, il-proġetti kollha msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1191 mogħtija f’Ottubru 2017, ġew implimentati b’suċċess. Apparti li ntemm b’suċċess il-proġett tal-Kunsill Lokali Żgħażagħ Naxxar, l-istess kunsill taż-żgħażagħ qed jimplimenta proġett ieħor bl-isem ‘Aspetti tal-Ħajja Soċjali, Kulturali u Storika fin-Naxxar’, video li ser ikun preżentat lill-komunità tan-Naxxar f’Jum in-Naxxar ta’ din is-sena, jiġifieri fil-11 ta’ Diċembru 2018.
Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli interpellant li Aġenzija Żgħażagħ qed tevalwa l-implimentazzjoni tal-proġett Kunsilli Lokali Żgħażagħ għas-sena d-dieħla.
Tfal u żgħażagħ taħt l-età li jagħmlu rapport lill-Pulizija
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30961 tat-12-il leġislatura, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma tinżammx statistika tant importanti tan-numru ta’ dawk it-tfal u żgħażagħ taħt l-età li għamlu rapport lill-Pulizija dwar vjolenza domestika li huma jew xi ħadd mill-familja tagħhom qed jgħaddu minnha?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li informazzjoni dwar l-ammont ta’ tfal u żgħażagħ ta' taħt l-età li għamlu rapport mal-Pulizija dwar vjolenza domestika fuqhom jew membri tal-familja tagħhom ma tinżammx taħt forma ta’ statistika peress li fis-sistema persuna li tagħmel rapport mal-pulizija tkun imniżżla bħala Person Filing Report. Din tista’ tkun persuna li tagħmel rapport f’isem tali persuni taħt l-età, u għalhekk l-ammont estratt mis-sistema ma jkunx veritier.