Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi Djar tal-Anzjani mmexxija mill-privat li jixtiequ li l-Gvern jibda’ jibgħat anzjani għandhom u l-Gvern mhux qed jilqa’ t-talba tagħhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, x-xiri ta’ sodod mid-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, isir skont l-eżerċizzi ta’ ppjanar u l-fondi allokati. Id-dipartiment mhuwiex obbligat li jixtri kull sodda disponibbli fil-privat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu s-sussidju li ngħata lis-servizz pubbliku ta’ trasport għal kull sena: 2016, 2017 u 2018? Kemm huma l-kilometri ta’ vjaġġi għal kull sena: 2016, 2017 u 2018?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Trasport, rigward is-sussidju li tħallas għas-servizz ta’ trasport pubbliku nirreferi lil Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 9412 f’Seduta 209. Ninsab infurmat ukoll li l-ammont ta’ kilometri ta’ vjaġġi għas-snin 2016, 2017 u 2018 huma skont it-tabella segwenti:
Sena
Kilometri ta' vjaġġi
2016
30,354,550
2017
30,479,027
2018
30,143,511
Jista’ l-Ministru jgħid x’kunsiderazzjonijiet għamlet l-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-effett li se jkun hemm fuq ix-Xatt tal-Gżira mill-proġett ta’ Manoel Island? Jista’ jikkonferma li parti sewwa mill-promenade dik bejn Triq Sir Patrick Stuart u Triq Manoel de Vilhena se tispiċċa u ssir triq, roundabout u pont għal Manoel Island? Jikkonferma li l-pont se jogħla bejn 6 u 8 metri minn fuq wiċċ il-baħar? Liema disinji ġew ippreżentati mill-MIDI biex jagħtu ħjiel ta’ kemm se jintilef mix-Xatt tal-Gżira li qiegħed biex jitgawda mill-poplu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Peress li r-rapport tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jirriserva d-dritt dwar il-landscape mix-Xatt tal-Gżira wara studju li sar mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kkonkludiet li hemm bżonn ta’ tibdiliet sostanzjali fil-bini propost faċċata tax-Xatt tal-Gżira fuq il-veduti fir-rapport tagħha bħala parti mill-Environment Impact Assessment? Liema tibdil sar wara dawn ir-riżervi tal-ERA? Jaf li l-case officer tal-Planning Authority stess semma l-ħtieġa li l-landscape jiġi rivist?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jidher li hemm misinterpretazzjoni bejn it-termini landscape u landscaping. L-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għamlet il-valutazzjoni tagħha dwar il-proġett abbażi ta’ Studju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA) sottomess dwar l-applikazzjoni outline (PA 9407/18). Fir-rapport tagħha lill-Awtorita’ tal-Ippjanar, l-ERA nnutat li biex jittaffa l-impatt viżiv u biex l-iżvilupp jintegra ruħu aħjar fil-pajsaġġ ta’ madwaru, kien hemm bżonn ta’ landscaping plan. Huma d-dettalji tal-landscaping plan li kellhom bżonn jitħallew bħala materja riservata sabiex ikunu jistgħu jitqiesu fil-proċess Full tal-applikazzjoni.
Wara dan, kien hemm xi tibdiliet fid-disinn tal-proġett. Dwar dawn, il-koordinatur tal-EIA ikkonfermaw li l-bidla ser ikollha tnaqqis tal-impatti viżivi minn ċerta viewpoints, waqt li l-impatti viżivi kienu ser jiżdiedu minn viewpoints oħra. Din in-nota kkonfermat li għalkemm kien hemm xi tibdil fl-impatti viżivi, l-impatti kif ġew assessjajti fl-EIA għadhom validi. Għaldaqstant, l-ERA ma kellhiex oġezzjoni fuq il-proposta kif ġiet riveduta.
Il-mistoqsija dwar l-aspetti msemmijin mill-case officer tal-Awtorita’ tal-Ippjanar għandha tiġi indirizzata direttament lill-Awtorità tal-Ippjanar.
Proġett ta’ Manoel Island — Tibdil mid-Development Brief
Question
Peress li l-proġett ta’ Manoel Island huwa marbut mad-Development Brief tal-1992, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-pjan il-ġdid ibiddel drastikament il-mix u l-iskala tal-użu tal-art kif kien approvat fl-Outline Development Permit PA 2135/94 peress minn proġett primarjament kummerċjali sar wieħed primarjament residenzjali? Jikkonferma li dan it-tibdil jirrikjedi l-ħruġ ta’ Supplementary Planning Guidance mill-Awtorità għall-Ippjanar kif jidher fin-North Harbour Local Plan policy NHGT16? Jista’ jikkonferma jekk dan is-Supplementary Planning Guidance kienx ippubblikat mill-Awtorità? Jekk kien ippubblikat jista’ jgħid meta u fejn tista’ tinkiseb kopja u għaliex mhux ippubblikat fuq il-website tal-awtorità? Jekk le kif seta’ jiġi approvat il-pjan il-ġdid?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Proġett ta’ Manoel Island — Tneħħija tal-iskall u faċilitajiet anċillari
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma għaliex l-iskall pubbliku u l-faċilitajiet anċillari fejn wieħed jerfa’ d-dgħajjes u tenders se jispiċċa b’dannu għal għadd kbir ta’ dilettanti tas-sajd u dgħajjes żgħar? Jikkonferma li fil-pjan l-antik PA 2135/94, dan l-iskall kien previst li jsir fuq Manoel Island u għaliex dan tneħħa mill-pjan il-ġdid? Fejn se jkun il-post alternattiv għall-iskall u faċilitajiet anċillari? Peress li l-post imsemmi mhux adegwat għax jagħti ġo main road u m’hemmx il-faċilitajiet anċillari għall-parkeġġ ta’ karozzi, trailers u tenders, jista’ l-Ministru jagħti garanzija li l-faċilitajiet se jkunu daqs dawk li se jintilfu? Jista’ jagħmel mezz biex biċċa mill-art reklamata mill-baħar tingħata għall-iskall u faċilitajiet anċillari minflok tingħata kollha lill-Manoel Island Yacht Yard?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kanal madwar Manoel Island hux se jkun navigabbli wara li titqatta’ t-tarf ta’ Manoel Island u jsir pont għoli 6 metri minn wiċċ il-baħar? Jekk dan se jsir navigabbli jista’ jgħid jekk hux se jiġi estiż il-fairway? Jekk iva kemm se jkun wiesa’ u kemm se jintilfu postijiet ta’ rmiġġ għad-dilettanti? Jista jgħid jekk hux se jitneħħew l-irmiġġi biex il-baħar jiġi riżervat lill-Manoel Island Yacht Yard b’telf ta’ irmiġġi għad-dilettanti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Tas-Sliema – Triq ix-Xatt (the Strand) — upgrading
Question
Peress li Policy NHGT04 tan-North Harbour Local Plan twiegħed titjib u tisbiħ ta’ Triq ix-Xatt (The Strand) bejn Manoel Island u Tigné u peress li l-pjan iwiegħed immaniġġjar aħjar tat-traffiku u aktar sigurtà għan-nies, jista’ l-Ministru jgħid x’sar minn dan? Jaqbel li l-ħafna tined li nibtu fuq il-bankini qed ikerrhu l-ambjent kif ukoll qed jirrendu l-ħajja aktar diffiċli kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk il-persuni li jkunu qed jimxu peress li l-bankini tant qed ikunu mblukkati minn siġġijiet, imwejjed eċċ li jkollhom jimxu fi triq traffikuża ħafna? Jaqbel il-Ministru li t-tneħħija ta’ parkeġġi u unloading bays mit-triq qed iwasslu biex karozzi jieqfu fil-kariġġjata b’periklu ovvju għal kulħadd?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lil Onor. Interpellant l-informazzjoni meħtieġa fuq l-ewwel parti tal-mistoqsija biex tintalab lill-Ministru ikkonċernat.
Fuq il-kumplament, ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet fir-rigward ta’ mwejjed u siġġijiet, ġiet imnieda konsultazzjoni pubblika fejn saret kampanja qawwija sabiex kemm is-sidien tal-istabbilimenti kif ukoll il-pubbliku jissottomettu opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet li ġew ikkunsidrati u diskussi. Il-politika tal-imwejjed u siġġijiet hija waħda ċara u mfassla fuq regolamenti li l-entitajiet jevalwaw dawn it-tip ta’ talbiet li huma marbutin li jħarsu. Apparti evalwazzjoni mill-entitajiet ewlenin, entitajiet oħrajn bhall-CRPD u l-Environment Health Directorate jiġu wkoll ikkonsultati fl-applikazzjonijiet varji illi l-Gvern jirċievi f’dan ir-rigward.
Inżid wkoll li skont l-Awtorita’ tal-Trasport, l-Un/Loading Bays isiru biss fejn huma meħtieġa u dan sabiex:
1) Ikun jista’ jsir ħatt ta’ merkanzija fl-eqreb post possibli lill-ħwienet;
2) Ma jitħalliex li jsir ħatt ta’ merkanzija f’nofs ta’ triq li jwassal għall-konġestjoni tat-traffiku u periklu għal min ikun jagħti s-servizz.
Pazjenti li jgħixu fil-komunità li għamlu suwiċidju
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li kienu jgħixu fil-komunità u li kienu ‘outpatients’ fis-servizz tas-Saħħa Mentali, li f’dawn l-aħħar ħames snin għamlu suwiċidju?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-imwiet, kien hemm 137 imwiet kawża ta’ suwiċidju f’residenzi ta’ Malta bejn il-2013-2017. Minn dawn 30 attendew il-Psychiatric Out Patients fl-Isptar Mater Dei għall-inqas darba fil-perjodu 2011-2017.
Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar l-iSkema ta’ Installar ta’ Lifts? Kemm ġew installati lifts mill-Gvern f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar toffri skema ta’ Installazzjoni ta’ Lifts fi Blokok, illi huma proprjetà tal-Gvern. Id-dettalji kollha dwar din l-iskema, jinsabu fuq is-sit uffiċjali tal-Awtorita` tad-Djar. Fl-2016 u l-2017 l-Awtorità tad-Djar installat 22 lift, filwaqt illi sa tmiem is-sena 2018, kien għaddej ix-xogħol fuq 12-il lift ieħor.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 9245 fejn ingħata tagħrif li xi familji setgħu ġew żgumbrati minn garaxxijiet li kienu nqalbu f’residenti, jista’ l-Ministru jgħid x’kordinament seħħ mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) mal-Awtorità tad-Djar? X’sar minnhom dawn il-familji li ġew żgumbrati?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar, bħal f’kull każ ieħor, tagħti l-attenzjoni meħtieġa lill-applikazzjonijiet ta’ familji li jkunu ġew żgumbrati. Għalhekk, jekk dawn l-individwi japplikaw għall-akkomodazzjoni soċjali jew għall-iskemi tal-Awtorità se jkunu qiegħdin jingħataw l-attenzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentri 6177 u 6563 u ċjoe: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqalgħet jew tqaċċtet jew inqerdet, bil-permess u mhux, matul l-2016, l-2017 u l-2018 sa Mejju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tinkludi s-sena, is-speċi tas-siġra u jimmarka b’distinzjoni jekk kienx hemm permess jew le? Fil-każ li ma kienx hemm permess, x’passi ttieħdu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Regolament għall-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar — pubblikazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux biħsieb li jippubblika r-regolamenti għall-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar li l-konsultazzjoni pubblika dwarhom għalqet fl-1 ta' Marzu 2018? Jekk iva, meta se jiġi ppubblikat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Msaġar ġew ippubblikati fil-31 ta’ Lulju 2018.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 9398, jekk il-gvern kien għadu ma lestix l-istudji neċessarji, għalfejn inħarġet is-sejħa għall-proġetti fuq art reklamata ħames snin ilu? Għalfejn kien wiegħed li se jagħmel wirja b’dawn il-proġetti, jekk l-istudji ma kenux għadhom lesti? Jista’ jgħid min kien/kienu l-investituri li tefgħu l-proposta għall-iżvilupp ta’ korsa tat-tlielaq tal-karozzi fuq art reklamata? Għalfejn il-gvern ħela l-ħin u l-flus ta’ dan/dawn l-investituri? Jistgħu d-dilettanti tat-tlielaq tal karozzi ikomplu juru fiduċja f’dan il-gvern?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta ħarġet is-sejħa għall-Espressjoni ta’ Interess għall-Bini ta’ Korsa tal-Karozzi kien intqal li l-Proponent għandu jidentifika sit għal Motor Recreation and Education Park li tkun tista’ tospita numru ta’ attivitajiet marbuta mat-Tlielaq tal-Karozzi. Hemm programm Elettorali li fuqu ġie elett dan il-gvern u ser nassiguraw li dan jiġi mwettaq.
L-Att dwar l-Elezzjonijiet jistipula li l-għasses tal-Pulizija u l-Kunsilli Lokali għandhom il-jedd li jgħaddu l-formoli biex residenti jkunu jistgħu jimtlew u b’hekk jiġu rreġistraw bħala votanti. Minkejja dan l-Kummissjoni tavża, anke fis-sit elettroniku tagħha, li dan il-proċess jista’ jsir biss fl-uffiċċju l-Belt. Għaldaqstant jista’ l-Prim Ministru jgħid meta hemm ħjiel meta dan il-proċess ser tħares dak li tiddetta l-liġi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngharraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Elettorali hija entità Kostituzzjonali indipendenti u ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew ta’ xi Ministeru iehor.
Madankollu ninsab informat li l-Kummissjoni ħadet il-passi kollha meħtieġa sabiex ir-reġistrazzjoni tal-votanti ssir skont il-provvedimenti tal-liġi elettorali.
Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid u Ġnien Duminku Mintoff – bike racks
Question
B’referenza għal pjazza ta’ Raħal Ġdid u Ġnien Duminku Mintoff Paola, fejn tpoġġew bike racks tal-concrete, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li min ħa ħsieb il-proġett ma użax l-iskema approvata tal-gvern biex ikun hemm bike racks li huma Sheffield type li wara kollox huma approvati ukoll mill-Bicycle Advocacy Group?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li bike racks li huma Sheffield type ġew approvati mil-Gvern fis-sena 2018 filwaqt li kuntratt għar-riġenerazzjoni tal-Pjazza Antoine De Paul ta’ Raħal Ġdid kien approvat fis-sena 2016.
Rigward Ġnien Duminku Mintoff, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkoncernat.
B’referenza għall-art pubblika agrikola li hi bi qbiela, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jibdew taħdidiet min-naħa tal-Ministeru tal-Kultura mal-Awtorità tal-Artijiet biex tiddaħħal kundizzjoni fejn dawn l-inħawi li huma żoni stabbiliti bħala għelieqi ta’ ħruq tal-logħob tan-nar, ma jiġix miċħud dan id-dritt minn dawk is-sidien li jkollhom qbiela?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Support Line 179 għandux teknoloġija sabiex ċittadini li jċemplu b’urġenza fuq din il-linja, iħallu messaġġ meta l-linji kollha jkunu okkupati, sabiex jiġi kkuntattjati lura kemm jista’ jkun malajr?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-Supportline 179, huwa servizz illi joffri kunfidenzjalita` sħiħa lill-klijent li jirrikorri lejn l-użu ta’ dan is-servizz. In-numru minn fejn l-individwu jċempel ma jigix irrekordjat sabiex l-anonimita` ta’ min iċempel tiġi rispettata. Dan billi jkun hemm sitwazzjonijiet, fejn ikun ta` periklu u riskju għall-persuna li tkun ċemplet li tirċievi telefonata lura minn naħa tas-service provider.
Tajjeb illi wieħed isemmi wkoll li sa minn Diċembru 2018, s-
Supportline 179
minbarra l-voluntiera li ilhom jagħtu servizz tul dawn l-aħħar 20 sena, issaħħaħ peremzz tal-ingaġġ ta` 12-il ħaddiem
full-time
sabiex dan is-servizz tant importanti jkun jista’ jilħaq aktar nies, filwaqt illi jingħata servizz fl-immedjat u mingħajr dewmien żejjed, hekk kif il-klijenti li jirrikorru għal għajnuna tas-
Supportline 179
, ikunu jeħtieġu għajnuna ta’ natura sensittiva u immedjata.